LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • lv kap. 2 pp. 14-24
  • Kif Tistaʼ Żżomm Kuxjenza Tajba?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tistaʼ Żżomm Kuxjenza Tajba?
  • “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’INHI L-​KUXJENZA U KIF TAĦDEM
  • KIF NISTGĦU NĦARRĠU L-​KUXJENZA
  • GĦALA GĦANDNA NIKKUNSIDRAW IL-​KUXJENZA T’OĦRAJN?
  • KIF KUXJENZA TAJBA ĠĠIB IL-​BARKIET
  • Kuxjenza tajba f’għajnejn Alla
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Hija l-Kuxjenza Tiegħek Imħarrġa Sew?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Kif Nistaʼ Nittrennja l-Kuxjenza Tiegħi?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Il-kuxjenza tagħkom hi gwida li tistgħu toqogħdu fuqha?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
“Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
lv kap. 2 pp. 14-24

Kapitlu 2

Kif Tistaʼ Żżomm Kuxjenza Tajba?

“Żommu kuxjenza tajba.”—1 PIETRU 3:16.

1, 2. Il-​boxxla għala hija għodda vitali, u kif tistaʼ titqabbel mal-​kuxjenza?

KAPTAN jidderieġi l-​bastiment tiegħu minn ġol-​mewġ t’oċean kbir; wieħed raġel jaqsam xagħri deżolat; pilota jsuq l-​ajruplan tiegħu hekk kif dan itir ’il fuq minn saffi taʼ sħab mifruxin minn xefaq sa ieħor. Taf x’għandhom komuni dawn l-​individwi? Kull wieħed minnhom jistaʼ jiffaċċja problemi kbar mingħajr boxxla—speċjalment jekk ma jkollux iktar teknoloġija moderna disponibbli.

2 Il-​boxxla hija għodda sempliċi, ġeneralment arloġġ b’labra li titmexxa b’kalamita u li tipponta lejn it-​tramuntana. Meta tkun qed taħdem tajjeb u speċjalment użata flimkien maʼ mappa preċiża, din tistaʼ ssalva l-​ħajja. F’ċertu sens, tistaʼ titqabbel maʼ rigal prezzjuż li tana Ġeħova—il-​kuxjenza. (Ġakbu 1:17) Mingħajr kuxjenza, aħna nkunu mitlufin għalkollox. Meta tintuża b’mod xieraq, din tistaʼ tgħinna nsibu t-​triq it-​tajba fil-​ħajja u nibqgħu fiha. Għalhekk, ejja nikkunsidraw x’inhi l-​kuxjenza u kif taħdem. Imbagħad nistgħu niddiskutu dawn il-​punti: (1) Kif nistgħu nħarrġu l-​kuxjenza, (2) għala għandna nikkunsidraw il-​kuxjenza t’oħrajn, u (3) kif kuxjenza tajba ġġib il-​barkiet.

X’INHI L-​KUXJENZA U KIF TAĦDEM

3. X’inhi t-​tifsira letterali tal-​kelma Griega għal “kuxjenza,” u għal liema abbiltà unika fil-​bnedmin tirreferi?

3 Fil-​Bibbja, il-​kelma Griega għal “kuxjenza” letteralment tfisser “li wieħed ikollu għarfien dwaru nnifsu.” Għall-​kuntrarju tal-​ħlejjaq kollha l-​oħra fuq l-​art, aħna għandna abbiltà mogħtija minn Alla biex inkunu nafu lilna nfusna. F’ċertu sens, aħna nistgħu nagħmlu pass lura, inħarsu lejna nfusna, u niżnu jekk aħniex nodfa moralment. Il-​kuxjenza tagħna, li tagħmilha taʼ mħallef, tistaʼ teżamina l-​azzjonijiet, l-​attitudnijiet, u l-​għażliet tagħna. Tistaʼ tiggwidana lejn deċiżjoni tajba jew twissina kontra waħda ħażina. Wara, tistaʼ tfarraġna talli nkunu għamilna għażla tajba jew tikkastigana b’tingiż talli nkunu għamilna għażla ħażina.

4, 5. (a) Kif nafu li Adam u Eva t-​tnejn kellhom kuxjenza, u x’ġara minħabba li injoraw il-​liġi t’Alla? (b) Liema eżempji juru li l-​kuxjenza kienet qed taħdem fi rġiel leali fiż-​żmien taʼ qabel il-​Kristjanità?

4 Din l-​abbiltà ġewwinija ġiet disinjata fir-​raġel u l-​mara mill-​bidunett. Adam u Eva t-​tnejn urew li kellhom kuxjenza. Dan nistgħu narawh minħabba li ġarrbu l-​mistħija wara li dinbu. (Ġenesi 3:7, 8) B’sogħba, kien tard wisq biex it-​tingiż tal-​kuxjenza tagħhom jagħmlilhom il-​ġid. Huma kienu injoraw il-​liġi t’Alla apposta. B’hekk, minn jeddhom għażlu li jsiru ribelli, opponenti t’Alla Ġeħova. Bħala bnedmin perfetti, huma kienu jafu x’inhuma jagħmlu, u ma setgħux iduru lura lejn Alla.

5 Għall-​kuntrarju taʼ Adam u Eva, ħafna bnedmin imperfetti taw widen għall-​kuxjenza tagħhom. Per eżempju, ir-​raġel leali Ġob setaʼ jgħid: “Inżomm tajjeb mas-​sewwa tiegħi, u ma nitilqux; qalbi ma ċċanfarnix għal xi wieħed minn jiemi.”a (Ġob 27:6) Ġob tassew kien jismaʼ mill-​kuxjenza tiegħu b’attenzjoni, u ħallieha tiggwida l-​azzjonijiet u d-​deċiżjonijiet tiegħu. Għalhekk, b’sodisfazzjon ġenwin hu setaʼ jgħid li ma ħassux jistħi jew ħati minħabba li l-​kuxjenza tiegħu tkun ċanfritu jew itturmentatu. Innota l-​kuntrast bejn Ġob u David. Meta David wera diżrispett lejn Sawl, is-​sultan midluk taʼ Ġeħova, “ġara li mbagħad qalb David bdiet tħabbtu.” (1 Samwel 24:5) Dan it-​tingiż tal-​kuxjenza żgur li kien taʼ benefiċċju għal David, billi tgħallem jevita li juri diżrispett bħal dan fil-​futur.

6. X’juri li l-​kuxjenza hija għotja lill-​umanità kollha?

6 Din l-​għotja tal-​kuxjenza tappartjeni biss lill-​qaddejja taʼ Ġeħova? Ikkunsidra l-​kliem ispirat taʼ l-​appostlu Pawlu: “Kulmeta n-​nies tal-​ġnus li m’għandhomx liġi jagħmlu b’mod naturali l-​affarijiet tal-​liġi, dawn in-​nies, għalkemm m’għandhomx liġi, huma liġi għalihom infushom. Dawn juru li s-​sustanza tal-​liġi hi miktuba fi qlubhom, waqt li l-​kuxjenza tagħhom qed tixhed magħhom u, fi ħsibijiethom stess, qed jiġu akkużati jew skużati.” (Rumani 2:14, 15) Anki dawk li ma jafu xejn dwar il-​liġijiet taʼ Ġeħova jistgħu kultant jitqanqlu mill-​kuxjenza tagħhom biex jaġixxu fi qbil maʼ prinċipji divini.

7. Il-​kuxjenza għala tistaʼ tkun żbaljata kultant?

7 Madankollu, il-​kuxjenza tistaʼ kultant tkun żbaljata. Għala? Mela, jekk boxxla titqiegħed ħdejn oġġett tal-​metall, tistaʼ tiġi influwenzata biex tipponta f’direzzjoni differenti mit-​tramuntana. U jekk tintuża mingħajr mappa preċiża, il-​boxxla tistaʼ tkun kważi bla valur. B’mod simili, jekk tiġi influwenzata żżejjed mix-​xewqat egoistiċi taʼ qalbna, il-​kuxjenza tagħna tistaʼ tidderiġina fid-​direzzjoni l-​ħażina. U jekk tintuża mingħajr il-​gwida taʼ min joqgħod fuqha li nsibu fil-​Kelma t’Alla, għandna mnejn ma nkunux nistgħu niddistingwu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin f’ħafna kwistjonijiet importanti. Fir-​realtà, sabiex il-​kuxjenza tagħna taħdem kif suppost, għandna bżonn il-​gwida taʼ l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. Pawlu kiteb: “Il-​kuxjenza tiegħi tixhed miegħi fl-​ispirtu qaddis.” (Rumani 9:1) Iżda, kif nistgħu nkunu ċerti li l-​kuxjenza tagħna hija fi qbil maʼ l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova? Permezz tat-​taħriġ.

KIF NISTGĦU NĦARRĠU L-​KUXJENZA

8. (a) Il-​qalb kif tistaʼ teffettwa l-​kuxjenza, u x’għandha tkun l-​iktar ħaġa importanti fid-​deċiżjonijiet tagħna? (b) Kuxjenza safja għala m’hijiex dejjem biżżejjed għal Kristjan? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

8 Kif tittieħed deċiżjoni li tkun ibbażata fuq il-​kuxjenza? Xi wħud, milli jidher, sempliċement iħarsu fil-​ġewwieni tagħhom, jeżaminaw is-​sentimenti tagħhom, u jiddeċiedu x’għandhom jagħmlu. Imbagħad għandhom mnejn jgħidu, “Jien ma tniggiżnix il-​kuxjenza.” Ix-​xewqat tal-​qalb jistgħu jkunu b’saħħithom ħafna, billi saħansitra jinfluwenzaw il-​kuxjenza. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata. Min jistaʼ jifhimha?” (Ġeremija 17:9) Għalhekk, dak li tixxennaq għalih qalbna m’għandux ikun l-​iktar ħaġa importanti li nikkunsidraw. Minflok, l-​ewwel irridu nikkunsidraw x’se jogħġob lil Alla Ġeħova.b

9. X’inhu l-​biżaʼ t’Alla, u dan kif jistaʼ jeffettwa l-​kuxjenza tagħna?

9 Jekk deċiżjoni verament tkun ibbażata fuq il-​kuxjenza mħarrġa tagħna, se tirrifletti l-​biżaʼ li għandna lejn Alla, mhux ix-​xewqat persunali tagħna. Ikkunsidra eżempju xieraq. Il-​gvernatur leali Neħemija kellu dritt jitlob ċerti pagamenti u taxxi min-​nies f’Ġerusalemm. Madankollu, m’għamilx dan. Għala? Hu bagħad saħansitra l-​ħsieb li jissogra li jkollu d-​diżapprovazzjoni taʼ Ġeħova billi jaħqar lill-​poplu t’Alla. Hu qal: “Jien m’għamiltx hekk minħabba l-​biżaʼ t’Alla.” (Neħemija 5:15) Biżaʼ t’Alla sinċier, biżaʼ mill-​qalb li niddiżappuntaw lil Missierna tas-​sema, huwa essenzjali. Biżaʼ riverenzjali bħal dan se jqanqalna biex infittxu direzzjoni mill-​Kelma t’Alla meta jkollna nieħdu xi deċiżjoni.

10, 11. Liema prinċipji Bibliċi għandhom x’jaqsmu mal-​kwistjoni tax-​xorb alkoħoliku, u kif nistgħu niksbu l-​gwida t’Alla biex napplikawhom?

10 Per eżempju, ikkunsidra l-​kwistjoni tax-​xorb alkoħoliku. Jien se nixrob jew le? Din hija deċiżjoni li ħafna minna niffaċċjaw f’laqgħat soċjali. L-​ewwel, irridu nedukaw lilna nfusna. Liema prinċipji Bibliċi japplikaw f’din il-​kwistjoni? Sewwa, il-​Bibbja ma tikkundannax l-​użu moderat taʼ l-​alkoħol. Din tfaħħar lil Ġeħova għall-​għotja taʼ l-​inbid. (Salm 104:14, 15) Madankollu, il-​Bibbja tikkundanna x-​xorb żejjed u x-​xalar. (Luqa 21:34; Rumani 13:13) Iktar minn hekk, issemmi s-​sokor fost dnubiet oħrajn serji ħafna, bħaż-​żína u l-​adulterju.c—1 Korintin 6:9, 10.

11 Il-​kuxjenza taʼ Kristjan tiġi edukata u tintgħamel sensittiva bi prinċipji bħal dawn. Għalhekk, meta niffaċċjaw deċiżjoni dwar ix-​xorb alkoħoliku f’xi laqgħa soċjali, aħna nistaqsu lilna nfusna mistoqsijiet bħal dawn: ‘Liema tip taʼ laqgħa soċjali qed tiġi organizzata? Hemm probabbiltà li l-​affarijiet ma jibqgħux taħt kontroll, u b’hekk il-​laqgħa tinbidel f’waħda taʼ xalar? X’tendenzi għandi jien? Nixxennaq għall-​alkoħol, niddependi minnu, nużah biex nikkontrolla l-​burdati u l-​imġiba tiegħi? Għandi r-​rażna meħtieġa biex ma nixrobx iżżejjed?’ Hekk kif naħsbu dwar prinċipji Bibliċi u l-​mistoqsijiet li dawn iqajmu, nagħmlu tajjeb jekk nitolbu għall-​gwida taʼ Ġeħova. (Salm 139:23, 24) B’dan il-​mod, inkunu qed nistiednu lil Ġeħova jiggwidana bl-​ispirtu qaddis tiegħu. Inkunu wkoll qed inħarrġu l-​kuxjenza tagħna biex tkun fi qbil maʼ prinċipji divini. Però, hemm aspett ieħor li għandu jiġi kunsidrat bir-​reqqa fid-​deċiżjonijiet tagħna.

GĦALA GĦANDNA NIKKUNSIDRAW IL-​KUXJENZA T’OĦRAJN?

12, 13. X’inhuma xi raġunijiet għala l-​kuxjenzi tal-​Kristjani huma differenti, u kif għandna nittrattaw dawn id-​differenzi?

12 Tistaʼ tkun sorpriż kultant b’kemm huma differenti l-​kuxjenzi tal-​Kristjani. Persuna waħda tħoss li ċerta prattika jew drawwa hija offensiva; oħra togħġobha u ma tarax li hemm għalfejn tikkundannaha. Per eżempju, fil-​kwistjoni tax-​xorb alkoħoliku f’laqgħat soċjali, xi ħadd għandu mnejn jieħu pjaċir jieħu grokk maʼ ftit ħbieb hekk kif jirrilassaw flimkien fil-​għaxija; ħaddieħor ma jħossux komdu b’din il-​prattika. Għala hemm dawn id-​differenzi, u kif għandhom jeffettwaw id-​deċiżjonijiet tagħna?

13 In-​nies huma differenti għal ħafna raġunijiet. Iċ-​ċirkustanzi li trabbew fihom ivarjaw ħafna. Per eżempju, xi wħud huma konxji ħafna dwar dgħjufija li ssieltu magħha fil-​passat—forsi mhux dejjem b’suċċess. (1 Slaten 8:38, 39) Fejn jidħol l-​alkoħol, dawn l-​individwi x’aktarx li jħossuhom sensittivi b’mod partikulari. Jekk individwu bħal dan jiġi jżurek f’darek, il-​kuxjenza tiegħu bir-​raġun forsi tqanqlu biex jirrifjuta l-​offerta taʼ xarba alkoħolika. Se tħossok offiż? Se tinsisti? Le. Kemm jekk taf ir-​raġunijiet tiegħu u kemm jekk le—raġunijiet li għandu mnejn jagħżel li jżommhom privati f’dan il-​każ—l-​imħabba taʼ l-​aħwa se tqanqlek biex turi konsiderazzjoni.

14, 15. Dawk fil-​kongregazzjoni taʼ l-​ewwel seklu, rigward liema kwistjoni kellhom differenzi fil-​kuxjenza, u Pawlu xi ssuġġerixxa?

14 L-​appostlu Pawlu ra li l-​kuxjenzi spiss varjaw ħafna fost il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu. Lura dak iż-​żmien, xi Kristjani ħassewhom mifxulin dwar ċertu ikel li kien ġie sagrifikat lill-​idoli. (1 Korintin 10:25) Il-​kuxjenza taʼ Pawlu m’oġġezzjonatx għal dan l-​ikel li kien jinbiegħ fis-​swieq. Għalih, l-​idoli ma kienu xejn; l-​idoli qatt ma setgħu jippossiedu ikel li oriġina minn Ġeħova u li wara kollox kien Tiegħu. Madankollu, Pawlu fehem li oħrajn ma kellhomx l-​istess ħarsa tiegħu f’din il-​kwistjoni. Xi wħud forsi kienu mdeffsin sew fl-​idolatrija qabel ma saru Kristjani. Għalihom, kwalunkwe ħaġa li saħansitra qabel kienet konnessa maʼ l-​idolatrija kienet offensiva. X’kienet is-​soluzzjoni?

15 Pawlu qal: “Iżda aħna li aħna b’saħħitna għandna nerfgħu d-​dgħjufijiet taʼ dawk li m’humiex b’saħħithom u mhux nogħġbu lilna nfusna. Għax lanqas il-​Kristu ma fittex li jogħġob lilu nnifsu.” (Rumani 15:1, 3) Pawlu rraġuna li għandna npoġġu l-​bżonnijiet taʼ ħutna qabel tagħna, sewwasew bħalma għamel Kristu. F’diskussjoni li kellha x’taqsam maʼ dan, Pawlu qal li jippreferi ma jikolx laħam milli jfixkel nagħġa prezzjuża li Kristu kien ta ħajtu għaliha.—1 Korintin 8:13; 10:23, 24, 31-33.

16. Dawk li għandhom kuxjenza iktar restrittiva għala għandhom jevitaw li jiġġudikaw lil dawk b’kuxjenza differenti minn tagħhom?

16 Mill-​banda l-​oħra, dawk li għandhom kuxjenza iktar restrittiva m’għandhomx jikkritikaw lil oħrajn, billi jinsistu li kulħadd għandu jqis il-​kwistjonijiet tal-​kuxjenza kif iqisuhom huma. (Rumani 14:10) Fir-​realtà, il-​kuxjenza l-​aħjar tintuża bħala mħallef tagħna nfusna, mhux bħala raġuni biex niġġudikaw lil oħrajn. Ftakar il-​kliem taʼ Ġesù: “Tibqgħux tiġġudikaw biex ma tiġux ġudikati.” (Mattew 7:1) Dawk kollha fil-​kongregazzjoni jridu jevitaw li jibdew argumenti dwar kwistjonijiet persunali tal-​kuxjenza. Minflok, għandna nfittxu modi kif nippromwovu l-​imħabba u l-​għaqda, billi nibnu lil xulxin u mhux inkissru lil xulxin.—Rumani 14:19.

KIF KUXJENZA TAJBA ĠĠIB IL-​BARKIET

17. X’sar minnhom il-​kuxjenzi taʼ ħafna llum?

17 L-​appostlu Pietru kiteb: “Żommu kuxjenza tajba.” (1 Pietru 3:16) Kuxjenza li hija nadifa f’għajnejn Alla Ġeħova hija barka tremenda. M’hijiex bħall-​kuxjenzi taʼ ħafna llum. Pawlu ddeskriva lil dawk li “għandhom il-​kuxjenza tagħhom immarkata qisu b’ħadida mikwija.” (1 Timotju 4:2) Ħadida mikwija taħraq il-​laħam, billi tħallih imtebbaʼ u insensittiv. Ħafna għandhom kuxjenza li, f’ċertu sens, hija mejta—tant hija mtebbgħa u insensittiva li m’għadhiex tagħti twissijiet, protesti, jew tingiż għax dak li jkun iħossu jistħi jew ħati minħabba xi ħażen. Ħafna nies illum huma kuntenti li jinjoraw is-​sentimenti tagħhom taʼ ħtija.

18, 19. (a) Liema valur jistaʼ jkollhom sentimenti taʼ ħtija jew mistħija? (b) X’nistgħu nagħmlu jekk il-​kuxjenza tagħna tibqaʼ tikkastigana għal dnubiet li għamilna fil-​passat u li diġà ndimna minnhom?

18 Fir-​realtà, sentimenti taʼ ħtija jistgħu jkunu l-​mod li bih il-​kuxjenza tgħidilna li nkunu għamilna xi ħaġa ħażina. Meta sentimenti bħal dawn iqanqlu midneb biex jindem, anki l-​iktar dnubiet serji jistgħu jinħafru. Per eżempju, is-​Sultan David sar ħati taʼ dnub serju imma nħafer l-​iżjed minħabba li nidem sinċerament. Il-​mibegħda tiegħu għall-​azzjonijiet ħżiena li għamel u d-​determinazzjoni tiegħu li jobdi l-​liġijiet taʼ Ġeħova minn dakinhar ’il quddiem wassluh biex jara b’għajnejh stess li Ġeħova hu “tajjeb u lest li [j]aħfer.” (Salm 51:1-19; 86:5) Però, xi ngħidu jekk sentimenti qawwijin taʼ ħtija u mistħija jippersistu wara li nkunu ndimna u rċivejna l-​maħfra?

19 Kultant il-​kuxjenza tistaʼ tikkundannana żżejjed, billi ssawwat lil midneb bil-​ħtija ħafna wara li dawn is-​sentimenti jkunu qdew l-​iskop tagħhom. F’każi bħal dawn, forsi jkollna nassiguraw lil qalbna li tkun qed tikkundannana li Ġeħova huwa aqwa mis-​sentimenti kollha tal-​bnedmin. Aħna rridu nemmnu fl-​imħabba u l-​maħfra tiegħu u naċċettawhom, sewwasew bħalma ninkuraġġixxu lil oħrajn biex jagħmlu. (1 Ġwanni 3:19, 20) Mill-​banda l-​oħra, kuxjenza mnaddfa ġġib paċi ġewwinija, serenità, u ferħ profond li rari jinstab f’din id-​dinja. Ħafna li xi darba kienu involuti fi dnub serju esperjenzaw dan il-​mistrieħ meraviljuż u llum jistgħu jżommu kuxjenza tajba hekk kif jaqdu lil Alla Ġeħova.—1 Korintin 6:11.

20, 21. (a) X’għandha tgħinek tagħmel din il-​pubblikazzjoni? (b) Bħala Kristjani, aħna ngawdu liema libertà, però kif għandna nużawha?

20 Dan il-​ktieb huwa disinjat biex jgħinek issib dan il-​ferħ, biex iżżomm kuxjenza tajba matul il-​kumplament taʼ dawn l-​aħħar jiem taʼ taqlib fis-​sistema dinjija taʼ Satana. M’għandniex xi ngħidu, ma jistax ikopri l-​liġijiet u l-​prinċipji Bibliċi kollha li għandek taħseb dwarhom u tapplikahom fis-​sitwazzjonijiet li jqumu minn jum għal jum. Iżjed minn hekk, tistenniex regoli sempliċi, l-​iswed fuq l-​abjad, dwar kwistjonijiet taʼ kuxjenza. L-​iskop taʼ dan il-​ktieb hu li jgħinek teduka u tagħmel il-​kuxjenza tiegħek sensittiva billi tistudja kif tapplika l-​Kelma t’Alla fil-​ħajja tiegħek taʼ kuljum. B’kuntrarju għal-​Liġi Mosajka, “il-​liġi tal-​Kristu” tistieden lil dawk li jżommu magħha biex jgħixu iktar skond il-​kuxjenza u l-​prinċipji milli skond ir-​regoli miktubin. (Galatin 6:2) B’hekk, Ġeħova jafda lill-​Kristjani b’libertà straordinarja. Madankollu, il-​Kelma tiegħu tfakkarna li qatt m’għandna nużaw din il-​libertà “bħala għata għall-​ħażen.” (1 Pietru 2:16) Minflok, din il-​libertà tagħtina opportunità meraviljuża biex nesprimu l-​imħabba tagħna għal Ġeħova.

21 Billi tikkunsidra bit-​talb kif l-​aħjar tgħix fi qbil mal-​prinċipji Bibliċi u mbagħad twettaq id-​deċiżjonijiet tiegħek, int se tkompli bi proċess vitali li nbeda meta sirt taf lil Ġeħova għall-​ewwel darba. “Is-​sensi” tiegħek se jiġu mħarrġin “bl-​użu.” (Ebrej 5:14) Il-​kuxjenza tiegħek imħarrġa fuq il-​Bibbja se tkun barka għalik kull ġurnata taʼ ħajtek. Bħall-​boxxla li tiggwida lil dak li qed jivvjaġġa, il-​kuxjenza tiegħek se tgħinek tieħu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Missierek tas-​sema. Dan huwa mod garantit kif iżżomm ruħek fl-​imħabba t’Alla.

[Noti taʼ taħt]

a Ebda kelma speċifika għal “kuxjenza” ma tidher fl-​Iskrittura Ebrajka. Madankollu, l-​użu tal-​kuxjenza huwa evidenti f’eżempji bħal dan. L-​espressjoni “qalb” ġeneralment tirreferi għall-​persuna ġewwinija. F’eżempji bħal dan taʼ Ġob, milli jidher tipponta lejn parti speċifika tal-​bniedem ġewwieni—il-​kuxjenza tiegħu. Fl-​Iskrittura Griega Kristjana, il-​kelma Griega tradotta “kuxjenza” tidher xi 30 darba.

b Il-Bibbja turi li kuxjenza safja m’hijiex dejjem biżżejjed. Per eżempju, Pawlu qal: “Il-​kuxjenza tiegħi hi nadifa f’kollox. Iżda dan ma jurix li jien ġust, imma dak li jistħarriġni hu Ġeħova.” (1 Korintin 4:4) Anki dawk li jippersegwitaw lill-​Kristjani, kif kien jagħmel Pawlu fil-​passat, jistgħu jagħmlu dan b’kuxjenza safja għaliex jaħsbu li Alla japprova l-​aġir tagħhom. Huwa vitali li l-​kuxjenza tagħna tkun safja f’għajnejna kif ukoll nadifa f’għajnejn Alla.—Atti 23:1; 2 Timotju 1:3.

c Taʼ min jinnota li ħafna tobba jgħidu li ma tantx huwa possibbli li l-​alkoħoliċi jixorbu b’moderazzjoni; għalihom, “moderazzjoni” tfisser li ma jixorbux.

INT KIF TWIEĠEB?

▪ Il-​kuxjenza tagħna kif għandha tiġi influwenzata ladarba nafu li Ġeħova qed jarana l-​ħin kollu?—Ebrej 4:13.

▪ Il-​kuxjenza taʼ Ġużeppi kif għenitu jirreżisti t-​tentazzjoni?—Ġenesi 39:1, 2, 7-12.

▪ Għala huwa essenzjali li jkollna kuxjenza nadifa sabiex navviċinaw lil Ġeħova?—Ebrej 10:22.

▪ Għala għandna nkunu konċernati dwar il-​kuxjenza taʼ wħud li m’humiex taʼ l-​istess twemmin?—2 Korintin 4:1, 2.

[Stampa f’paġna 21]

Kuxjenza mħarrġa fuq il-​Bibbja tistaʼ tgħinek tiddeċiedi jekk tixrobx xorb alkoħoliku jew le

[Stampa f’paġna 22]

Kuxjenza tajba tistaʼ tiggwidana fil-​vjaġġ tal-​ħajja, billi ġġibilna ferħ u paċi ġewwinija

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja