Kapitlu 5
Kif Nibqgħu Separati mid-Dinja
“M’intomx parti mid-dinja.” —ĠWANNI 15:19.
1. Ġesù x’enfasizza matul l-aħħar lejl tiegħu fuq l-art bħala bniedem?
MATUL l-aħħar lejl tiegħu fuq l-art bħala bniedem, Ġesù esprima interess profond għall-ġid tas-segwaċi tiegħu fil-futur. Saħansitra talab dwar il-kwistjoni, billi qal lil Missieru: “Ma nitolbokx biex toħroġhom mid-dinja, imma biex tħarishom minħabba l-Ħażin. M’humiex parti mid-dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-dinja.” (Ġwanni 17:15, 16) F’din it-talba mill-qalb, Ġesù wera l-imħabba profonda li kellu għas-segwaċi tiegħu kif ukoll l-importanza tal-kliem li lissen iktar kmieni dak il-lejl lil xi wħud minnhom: “M’intomx parti mid-dinja.” (Ġwanni 15:19) B’mod ċar, kien taʼ importanza kbira għal Ġesù li s-segwaċi tiegħu jibqgħu separati mid-dinja!
2. X’inhi “d-dinja” li Ġesù rrefera għaliha?
2 “Id-dinja” li Ġesù semma tirreferi għall-umanità kollha aljenata minn Alla, maħkuma minn Satana, u mjassra mill-ispirtu egoistiku u kburi li joriġina minnu. (Ġwanni 14:30; Efesin 2:2; 1 Ġwanni 5:19) Tabilħaqq, “ħbiberija [maʼ din] id-dinja hi għadwa m’Alla.” (Ġakbu 4:4) Però, kif jistgħu dawk kollha li jixtiequ jibqgħu fl-imħabba t’Alla jkunu fid-dinja madankollu jkunu separati minnha? Se nikkunsidraw ħames modi: billi nibqgħu leali lejn is-Saltna t’Alla taħt Kristu u newtrali fil-politika tad-dinja, billi nirreżistu l-ispirtu tad-dinja, billi nkunu modesti fl-ilbies u d-dehra tagħna, billi nżommu għajna sempliċi, u billi nilbsu l-armatura spiritwali tagħna.
NIBQGĦU LEALI U NEWTRALI
3. (a) Ġesù kif kien iqis il-politika taʼ żmienu? (b) Għala jistaʼ jingħad li s-segwaċi midlukin taʼ Ġesù jaqdu bħala ambaxxaturi? (Inkludi n-nota taʼ taħt.)
3 Minflok ma ħa sehem fil-politika taʼ żmienu, Ġesù ffoka fuq li jippriedka dwar is-Saltna t’Alla, il-gvern futur tas-sema li tiegħu hu kien is-Sultan prospettiv. (Danjel 7:13, 14; Luqa 4:43; 17:20, 21) B’hekk, meta kien quddiem il-Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu, Ġesù setaʼ jgħid: “Is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja.” (Ġwanni 18:36) Is-segwaċi leali tiegħu jimitaw l-eżempju tiegħu billi jagħtu l-lealtà tagħhom lil Kristu u lis-Saltna tiegħu u billi jħabbru din is-Saltna lid-dinja. (Mattew 24:14) “Għalhekk, aħna ambaxxaturi li jissostitwixxu lil Kristu,” kiteb l-appostlu Pawlu. “Bħala sostituti għal Kristu nitolbu bil-ħniena: ‘Erġgħu tħabbu m’Alla.’”a—2 Korintin 5:20.
4. Il-Kristjani veri kollha kif urew lealtà lejn is-Saltna t’Alla? (Ara l-kaxxa f’paġna 52.)
4 Minħabba li l-ambaxxaturi jirrappreżentaw sovran jew pajjiż barrani, ma jindaħlux fl-affarijiet interni tal-pajjiżi li jaqdu fihom; huma jibqgħu newtrali. Madankollu, l-ambaxxaturi jappoġġaw il-gvern tal-pajjiż li huma jirrappreżentaw. L-istess huwa minnu dwar is-segwaċi midlukin taʼ Kristu, li ‘għandhom iċ-ċittadinanza tagħhom fis-smewwiet.’ (Filippin 3:20) Fil-fatt, grazzi għall-ippridkar żeluż tagħhom tas-Saltna, huma għenu lil miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn” taʼ Kristu biex ‘jerġgħu jitħabbu m’Alla.’ (Ġwanni 10:16; Mattew 25:31-40) Dawn l-uħud taʼ l-aħħar jaqdu bħala l-mibgħutin taʼ Kristu, biex ngħidu hekk, billi jappoġġaw lil ħut Ġesù, il-midlukin. Bħala merħla waħda magħquda jappoġġaw is-Saltna Messjanika, biż-żewġ gruppi jżommu newtralità stretta fejn jidħlu l-affarijiet politiċi tad-dinja.—Isaija 2:2-4.
5. Il-kongregazzjoni Kristjana kif inhi differenti minn Israel tal-qedem, u din id-differenza kif tintwera?
5 Il-lealtà lejn Kristu m’hijiex l-unika raġuni għala l-Kristjani veri huma newtrali. Għall-kuntrarju taʼ Israel tal-qedem, li kien ngħata art mingħand Alla, aħna parti minn fratellanza internazzjonali. (Mattew 28:19; 1 Pietru 2:9) B’hekk, kieku kellna ningħaqdu maʼ partiti politiċi lokali, kemm il-libertà tal-kelma tagħna rigward il-messaġġ tas-Saltna u kemm l-għaqda Kristjana tagħna jkunu f’periklu serju. (1 Korintin 1:10) Iżjed minn hekk, matul żmien taʼ gwerra, inkunu qed niġġieldu kontra sħabna fit-twemmin, li aħna kmandati biex inħobbu. (Ġwanni 13:34, 35; 1 Ġwanni 3:10-12) Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex ma jiħdux sehem fi gwerer. U saħansitra qalilhom biex iħobbu lill-għedewwa tagħhom.—Mattew 5:44; 26:52; ara l-kaxxa “Jien Qed Nibqaʼ Newtrali?” f’paġna 55.
6. Id-dedikazzjoni tiegħek lil Alla kif teffettwa r-relazzjoni tiegħek maʼ Ċesari?
6 Bħala Kristjani veri, aħna ddedikajna ħajjitna lil Alla, mhux lil xi bniedem, organizzazzjoni umana, jew nazzjon. L-1 Korintin 6:19, 20 jgħid: “M’intomx tagħkom infuskom, għax kontu mixtrijin bi prezz.” B’hekk, filwaqt li nagħtu lil “Ċesari” dak li hu tiegħu fejn jidħlu l-unur, it-taxxi, u sa ċertu punt is-sottomissjoni, is-segwaċi taʼ Ġesù jagħtu “lil Alla dak li hu t’Alla.” (Marku 12:17; Rumani 13:1-7) Dan jinkludi l-qima tagħhom, l-imħabba sħiħa tagħhom, u l-ubbidjenza leali tagħhom. Jekk hemm bżonn, huma lesti li jagħtu ħajjithom għal Alla.—Luqa 4:8; 10:27; Atti 5:29; Rumani 14:8.
NIRREŻISTU “L-ISPIRTU TAD-DINJA”
7, 8. X’inhu “l-ispirtu tad-dinja,” u dan l-ispirtu kif “jaħdem” f’individwu?
7 Mod ieħor kif il-Kristjani jibqgħu separati mid-dinja hu billi jirreżistu l-ispirtu mill-agħar tagħha. Pawlu kiteb: “Aħna ma rċivejniex l-ispirtu tad-dinja, imma l-ispirtu li ġej mingħand Alla.” (1 Korintin 2:12) Lill-Efesin, hu qal: “Darba kontu timxu skond . . . din id-dinja, skond il-ħakkiem taʼ l-awtorità taʼ l-arja, l-ispirtu li issa qed jaħdem f’ulied id-diżubbidjenza.”—Efesin 2:2, 3.
8 L-“arja” tad-dinja, jew l-ispirtu, hija forza inviżibbli, li tħajjar, li tqanqal id-diżubbidjenza lejn Alla, u li tippromwovi “x-xewqa tal-laħam u x-xewqa taʼ l-għajnejn.” (1 Ġwanni 2:16; 1 Timotju 6:9, 10) L-“awtorità” taʼ dan l-ispirtu qiegħda fil-mod kif tappella għall-ġisem midneb, fil-mod kif tidħol fin fin, kif ma tieqaf qatt, u kif tinxtered bħall-arja maʼ kullimkien. Iżjed minn hekk, din ‘taħdem’ f’individwu billi bil-mod il-mod tiżviluppa fih kwalitajiet ħżiena, bħall-egoiżmu, is-suppervja, l-ambizzjoni rgħiba, u l-ispirtu taʼ indipendenza morali u ribelljoni.b Fi kliem sempliċi, l-ispirtu tad-dinja b’mod progressiv iġiegħel lill-karatteristiki tax-Xitan jikbru f’qalb il-bniedem.—Ġwanni 8:44; Atti 13:10; 1 Ġwanni 3:8, 10.
9. L-ispirtu tad-dinja b’liema modi jistaʼ jidħol f’moħħna u f’qalbna?
9 Jistaʼ l-ispirtu tad-dinja jniżżel l-għeruq f’moħħok u f’qalbek? Iva, imma biss jekk tħallih billi ma tibqax tgħasses kontinwament. (Proverbji 4:23) L-influwenza tiegħu spiss tibda b’mod sottili, forsi permezz taʼ ħbieb li għandhom mnejn jidhru li huma nies tajbin imma, fil-fatt, ma jħobbux lil Ġeħova. (Proverbji 13:20; 1 Korintin 15:33) Tistaʼ wkoll tassorbi dan l-ispirtu mill-agħar permezz taʼ letteratura oġġezzjonabbli, siti pornografiċi jew apostati fuq l-Internet, divertiment mhux xieraq, u sport kompetittiv ħafna—fir-realtà, permezz taʼ kwalunkwe persuna jew kwalunkwe ħaġa li tirrifletti l-ħsieb taʼ Satana jew tas-sistema tiegħu.
10. Kif nistgħu nirreżistu l-ispirtu tad-dinja?
10 Kif nistgħu nirreżistu l-ispirtu perikoluż tad-dinja u nżommu ruħna fl-imħabba t’Alla? Biss billi nieħdu vantaġġ sħiħ mill-provvedimenti spiritwali taʼ Ġeħova u billi nitolbu kontinwament għall-ispirtu qaddis. Ġeħova hu ħafna akbar mix-Xitan jew mid-dinja mill-agħar fil-kontroll sataniku. (1 Ġwanni 4:4) Għalhekk, kemm hu importanti li nibqgħu qrib Ġeħova bit-talb!
INKUNU MODESTI FL-ILBIES U D-DEHRA TAGĦNA
11. L-ispirtu tad-dinja kif influwenza l-livelli fl-ilbies?
11 L-ilbies, id-dehra, u l-indafa taʼ individwu huma turija minn barra taʼ l-ispirtu li qed jimmotivah. F’ħafna pajjiżi, il-livelli taʼ l-ilbies tant niżlu fil-baxx li wieħed kummentatur fuq it-televixin qal li dalwaqt mhux se jkun fadlilhom x’jilbsu l-prostituti. Saħansitra bniet li għadhom m’humiex adoloxxenti ġew influwenzati minn din il-moda—“ikxef kemm tiflaħ, modestja xejn,” stqarret gazzetta waħda. Moda oħra hi li jilbsu traskurat u dan jirrifletti spirtu taʼ ribelljoni kif ukoll nuqqas taʼ dinjità u rispett lejhom infushom.
12, 13. Maʼ liema prinċipji rridu nimxu rigward l-ilbies u d-dehra tagħna?
12 Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, aħna bix-xieraq inkunu rridu nidhru l-aħjar li nistgħu. Dan ifisser li nilbsu b’mod pulit, nadif, mhux offensiv, u xieraq għall-okkażjoni. L-apparenza tagħna dejjem għandha tirrifletti ‘modestja u moħħ f’loku,’ li flimkien maʼ “għemejjel tajbin” tkun xierqa għal kulħadd—raġel jew mara—‘li jgħid li jqim lil Alla.’ M’għandniex xi ngħidu, it-tħassib ewlieni tagħna m’huwiex li niġbdu l-attenzjoni lejna nfusna, imma li ‘nżommu ruħna fl-imħabba t’Alla.’ (1 Timotju 2:9, 10; Ġuda 21) Iva, aħna rridu li l-isbaħ tiżjin tagħna jkun “il-persuna minn ġewwa, fil-qalb . . . , li hu taʼ valur kbir f’għajnejn Alla.”—1 Pietru 3:3, 4.
13 Ukoll, żomm f’moħħok li l-istil taʼ l-ilbies u d-dehra tagħna jistaʼ jinfluwenza kif oħrajn iqisu l-qima vera. Il-kelma Griega tradotta “modestja,” meta użata f’sens morali, tagħti l-ħsieb taʼ riverenza, biżaʼ, u rispett għas-sentimenti jew l-opinjoni t’oħrajn. Għalhekk, il-mira tagħna għandha tkun li nqisu l-kuxjenza t’oħrajn iktar importanti mid-drittijiet li forsi nħossu li għandna rigward kif nixtiequ nilbsu. Fuq kollox, aħna rridu nġibu unur lil Ġeħova u lill-poplu tiegħu u nirrikkmandaw lilna nfusna bħala l-ministri t’Alla, billi nagħmlu “kollox għall-glorja t’Alla.”—1 Korintin 4:9; 10:31; 2 Korintin 6:3, 4; 7:1.
14. Rigward l-apparenza u l-indafa tagħna, liema mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna?
14 L-ilbies, id-dehra, u l-indafa tagħna huma saħansitra iktar importanti meta nkunu qed nieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa jew nattendu xi laqgħa Kristjana. Staqsi lilek innifsek: ‘L-apparenza u l-indafa persunali tiegħi qegħdin jiġbdu attenzjoni żejda lejja? Oħrajn iħossuhom imbarazzati? Inqis id-drittijiet tiegħi f’dawn l-oqsma iktar importanti milli nikkwalifika għal privileġġi tas-servizz fil-kongregazzjoni?’—Salm 68:6; Filippin 4:5; 1 Pietru 5:6.
15. Il-Kelma t’Alla għala ma tagħtix lista taʼ regoli dwar l-ilbies, id-dehra, u l-indafa?
15 Il-Bibbja ma tispeċifikax lista taʼ regoli għall-Kristjani dwar l-ilbies, id-dehra, u l-indafa. Ġeħova ma jridx iċaħħadna mil-libertà taʼ l-għażla tagħna jew mill-użu taʼ l-abbiltà tal-ħsieb tagħna. Minflok, hu jridna nsiru nies maturi li jirraġunaw fuq prinċipji Bibliċi u li “bl-użu għandhom is-sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.” (Ebrej 5:14) Fuq kollox, hu jridna nkunu gwidati mill-imħabba—imħabba għal Alla u għall-proxxmu. (Marku 12:30, 31) Meta nqisu dan, hemm il-potenzjal għal varjetà kbira fl-ilbies u d-dehra tagħna. Evidenza taʼ dan tistaʼ tidher fil-kotriet ferħanin tal-poplu taʼ Ġeħova lebsin b’mod kulurit, huma fejn huma miġburin fuq l-art.
INŻOMMU GĦAJNA “SEMPLIĊI”
16. L-ispirtu tad-dinja kif jaħdem kontra t-tagħlim taʼ Ġesù, u liema mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna?
16 L-ispirtu tad-dinja huwa qarrieq u jqanqal lil miljuni biex jirrikorru għall-flus u l-affarijiet materjali biex ikunu henjin. Madankollu, Ġesù qal: “Anki meta wieħed ikollu bl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.” (Luqa 12:15) Filwaqt li qatt m’approva l-axxetiċiżmu, jew li wieħed jiċċaħħad minn kollox, Ġesù għallem li l-ħajja u l-hena ġenwin jitgawdew minn dawk li huma “konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom” u minn dawk li jżommu għajn “sempliċi,” uħud li huma sinċieri u ffokati sew fuq affarijiet spiritwali. (Mattew 5:3; 6:22, 23) Staqsi lilek innifsek: ‘Verament nemmen dak li għallem Ġesù, jew qed niġi influwenzat minn “missier il-gidba”? (Ġwanni 8:44) Il-kliem, il-miri, il-prijoritajiet, u l-mod taʼ ħajja tiegħi x’jikxfu?’—Luqa 6:45; 21:34-36; 2 Ġwanni 6.
17. Semmi xi benefiċċji li jgawdu dawk li jżommu għajn sempliċi.
17 Ġesù qal: “L-għerf jintwera li hu sewwa minn għemilu.” (Mattew 11:19) Ikkunsidra biss ftit mill-benefiċċji li jgawdu dawk li jżommu għajn sempliċi. Huma jsibu serħan veru fis-servizz tas-Saltna. (Mattew 11:29, 30) Huma jevitaw ansjetajiet żejda, u b’hekk jeħilsu lilhom infushom minn ħafna wġigħ mentali u emozzjonali. (1 Timotju 6:9, 10) Minħabba li huma kuntenti bin-neċessitajiet tal-ħajja, għandhom iktar ħin għall-familja tagħhom u għal sħabhom il-Kristjani. Minħabba f’hekk, għandhom mnejn jorqdu aħjar. (Ekkleżjasti 5:12) Jesperjenzaw l-akbar ferħ taʼ li jagħtu, billi jagħmlu dan b’kull mod li jistgħu. (Atti 20:35) U ‘joktru fit-tama’ u għandhom paċi ġewwinija u kuntentizza. (Rumani 15:13; Mattew 6:31, 32) Dawn il-barkiet tassew huma imprezzabbli!
NIEĦDU “L-ARMATURA SĦIĦA”
18. Il-Bibbja kif tiddeskrivi l-għadu tagħna, il-metodi tiegħu, u n-natura tat-taqbida tagħna?
18 Dawk li jżommu lilhom infushom fl-imħabba t’Alla jgawdu wkoll protezzjoni spiritwali kontra Satana, li jixtieq iċaħħad lill-Kristjani mhux biss mill-hena, imma wkoll mill-ħajja taʼ dejjem. (1 Pietru 5:8) Pawlu qal: “Aħna ma nissarawx kontra d-demm u l-laħam, imma kontra l-gvernijiet, kontra l-awtoritajiet, kontra l-ħakkiema dinjin taʼ dan id-dlam, kontra l-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar fil-postijiet tas-sema.” (Efesin 6:12) Il-kelma ‘nissaraw’ tagħtina x’nifhmu li l-ġlieda tagħna m’hijiex minn xi distanza kbira—minn xi kenn taħt l-art, biex ngħidu hekk—imma mill-viċin. Iżjed minn hekk, it-termini “gvernijiet,” “awtoritajiet,” u “ħakkiema dinjin” jindikaw li l-attakki mill-qasam taʼ l-ispirti huma organizzati sew u maħsubin minn qabel.
19. Iddeskrivi l-armatura spiritwali taʼ Kristjan.
19 Madankollu, minkejja d-dgħjufijiet u l-limitazzjonijiet taʼ bnedmin li aħna, nistgħu noħorġu rebbiħin. Kif? Billi nieħdu “l-armatura sħiħa mingħand Alla.” (Efesin 6:13) Il-versi f’Efesin 6:14-18 jiddeskrivu din l-armatura b’dan il-mod: “Għalhekk, żommu sod, b’ġenbejkom imħażżmin bil-verità, u lebsin il-kurazza tas-sewwa, u b’saqajkom mixdudin bit-tagħmir taʼ l-aħbar tajba tal-paċi. Fuq kollox, aqbdu f’idejkom it-tarka kbira tal-fidi, li biha tkunu tistgħu titfu l-vleġeġ tan-nar kollha tal-Ħażin. Ukoll, aċċettaw l-elmu [jew, tama] tas-salvazzjoni, u s-sejf taʼ l-ispirtu, jiġifieri, il-kelma t’Alla, waqt li b’kull xorta taʼ talb u suppliki ibqgħu itolbu f’kull okkażjoni bl-ispirtu.”
20. Is-sitwazzjoni tagħna kif inhi differenti minn dik taʼ suldat letterali?
20 Ladarba hija provvediment mingħand Alla, din l-armatura spiritwali żgur se tipproteġina, dment li nilbsuha l-ħin kollu. Għall-kuntrarju taʼ suldati letterali, li għandhom mnejn ikollhom perijodi twal mingħajr ma jiġġieldu, il-Kristjani huma fi ġlieda kontinwa bejn ħajja u mewt li m’hijiex se tieqaf sakemm Alla jkun qered lid-dinja taʼ Satana u tefaʼ l-ispirti kollha mill-agħar fl-abbiss. (Rivelazzjoni 12:17; 20:1-3) Għalhekk, taqtax qalbek jekk qed tissielet maʼ xi dgħjufija jew xewqa ħażina, għax ilkoll kemm aħna rridu ‘nsawtu’ lilna nfusna sabiex nibqgħu leali lejn Ġeħova. (1 Korintin 9:27) Tabilħaqq, huwa meta ma nkunux qed nissaraw li għandna nkunu konċernati!
21. Liema hu l-uniku mod li bih nistgħu noħorġu rebbiħin fil-ġlieda spiritwali tagħna?
21 Iktar minn hekk, ma nistgħux nirbħu din il-ġlieda bis-saħħa tagħna. Għalhekk, Pawlu jfakkarna dwar il-bżonn li nitolbu lil Ġeħova “f’kull okkażjoni bl-ispirtu.” Fl-istess ħin, għandna nisimgħu lil Ġeħova billi nistudjaw il-Kelma tiegħu u nassoċjaw mas-‘suldati’ sħabna f’kull opportunità, għaliex m’aħniex f’din il-ġlieda waħedna! (Filemon 2; Ebrej 10:24, 25) Dawk li huma leali f’dawn l-oqsma kollha mhux talli se joħorġu rebbiħin imma talli jkunu kapaċi jiddefendu b’mod sod il-fidi tagħhom meta din tiġi sfidata.
KUN LEST LI TIDDEFENDI L-FIDI TIEGĦEK
22, 23. (a) Għala għandna nkunu dejjem lesti li niddefendu l-fidi tagħna, u liema mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna? (b) Liema suġġett se jiġi kunsidrat fil-kapitlu li jmiss?
22 “Għax m’intomx parti mid-dinja,” qal Ġesù, “tobgħodkom id-dinja.” (Ġwanni 15:19) Għalhekk, il-Kristjani dejjem għandhom ikunu lesti li jiddefendu l-fidi tagħhom u li jagħmlu dan b’rispett u b’temperament ġwejjed. (1 Pietru 3:15) Staqsi lilek innifsek: ‘Nifhem għala x-Xhieda taʼ Ġeħova kultant jieħdu waqfa li tmur kontra l-opinjoni popolari? Meta niffaċċja l-isfida taʼ waqfa bħal din, konvint bis-sħiħ jien li dak li tgħid il-Bibbja u l-klassi taʼ l-ilsir leali huwa sewwa? (Mattew 24:45; Ġwanni 17:17) U meta jkolli nagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejn Ġeħova, inħoss li jien mhux biss lest li nkun differenti imma wkoll kburi għax jien differenti?’—Salm 34:2; Mattew 10:32, 33.
23 Però, spiss ix-xewqa tagħna li nibqgħu separati mid-dinja tiġi testjata b’modi iktar sottili. Per eżempju, kif semmejna qabel, ix-Xitan jipprova jħajjar lill-qaddejja taʼ Ġeħova lejn id-dinja permezz taʼ divertiment dinji. Kif nistgħu nagħżlu divertiment bnin li se jħallina mistriħin u b’kuxjenza nadifa? Dan is-suġġett se jiġi kunsidrat fil-kapitlu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a Minn Pentekoste tas-sena 33 E.K. ’l hawn, Kristu qeda bħala Sultan fuq il-kongregazzjoni tiegħu taʼ segwaċi midlukin fuq l-art. (Kolossin 1:13) Fl-1914, Kristu rċieva awtorità bħala Sultan fuq “is-saltna tad-dinja.” Għalhekk, il-Kristjani midlukin ukoll issa jaqdu bħala ambaxxaturi tas-Saltna Messjanika.—Rivelazzjoni 11:15.
b Ara l-ktieb Reasoning From the Scriptures, paġni 389-93, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kaxxa f’paġna 52]
IN-NEWTRALITÀ TAL-KRISTJANI TAL-BIDU
L-istorja sekulari tipprovdi biżżejjed evidenza li l-Kristjani tal-bidu baqgħu newtrali politikament u ma ħadux sehem fi gwerer. Il-ktieb The Beginnings of Christianity jgħid: “Il-fundaturi tal-Kristjanità għassu b’reqqa kbira kontra xi inklinazzjoni li setgħet tiżviluppa biex ikollhom xi sehem dirett maʼ xi partit politiku stabbilit.” B’mod simili, il-ktieb On the Road to Civilization jgħid: “Il-Kristjanità tal-bidu xi drabi ftit kienet mifhuma u ma kinitx tinżel tajjeb maʼ dawk li ħakmu d-dinja pagana. . . . Il-Kristjani rrifjutaw li jieħdu sehem f’ċerti obbligi taċ-ċittadini Rumani. . . . Ma kinux joħorġu għall-politika.”
Rigward il-Kristjani tal-bidu u s-servizz militari, it-teologu Ġermaniż Peter Meinhold qal: “Kien meqjus bħala inkompatibbli li wieħed ikun Kristjan u suldat fl-istess ħin.” Jonathan Dymond, kittieb dwar ir-reliġjon, fl-esej tiegħu, “An Inquiry Into the Accordancy of War With the Principles of Christianity” (Inkjesta Dwar il-Qbil tal-Gwerra mal-Prinċipji tal-Kristjanità) kiteb li għal xi żmien wara l-mewt taʼ Ġesù, is-segwaċi Tiegħu “rrifjutaw li jieħdu sehem fi [gwerer]; kienu x’kienu l-konsegwenzi, sew jekk kienu tmaqdir, tfigħ il-ħabs, jew mewt.” Dymond żied jgħid: “Ħadd ma jistaʼ jiċħadhom dawn il-fatti.” Kittieb ieħor qal, kien biss meta “l-Kristjanità saret korrotta” li l-Kristjani saru suldati.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 55]
JIEN QED NIBQAʼ NEWTRALI?
Prinċipju: “Is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja.”—Ġwanni 18:36.
Xi mistoqsijiet biex tistaqsi lilek innifsek
▪ Kif nistaʼ nispjega għala t-tislim tal-bandiera huwa tip taʼ qima taʼ l-idoli?c—Eżodu 20:4, 5; 1 Ġwanni 5:21.
▪ Meta nispjega għala ma niħux sehem f’ċerti ċerimonji nazzjonali, kif nistaʼ nuri r-rispett profond tiegħi lejn dawk li m’humiex taʼ l-istess twemmin tiegħi?—1 Pietru 3:15.
▪ X’inhuma r-raġunijiet tiegħi għala ma nappoġġa ebda partit politiku jew għala ma nwettaq ebda tip taʼ servizz militari?—Ġwanni 13:34; 1 Ġwanni 3:10-12.
[Nota taʼ taħt]
[Stampa f’paġna 57]
L-apparenza tiegħi ġġib unur lil Ġeħova?