LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • lv kap. 9 pp. 97-109
  • “Aħarbu miż-Żína”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Aħarbu miż-Żína”
  • “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’INHI Ż-​ŻÍNA?
  • Il-​PORNOGRAFIJA—L-​EWWEL PASS
  • L-​GĦAŻLA MHIX GĦAQLIJA TAʼ DINA
  • ĠUŻEPPI ĦARAB MIŻ-​ŻÍNA
  • AĊĊETTA L-​GĦAJNUNA MILL-​ALLA TAL-​ĦNIENA
  • ‘IKSEB QALB GĦARFAʼ
  • Aħrab mill-immoralità sesswali!
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Il-Bibbja X’Tgħid Dwar is-Sess?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Nistgħu nibqgħu safjin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Ħalli lil Ġeħova jsaħħaħ u jipproteġi ż-żwieġ tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
“Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
lv kap. 9 pp. 97-109

Kapitlu 9

“Aħarbu miż-​Żína”

“Għalhekk, mewtu l-​membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-​art fejn tidħol iż-​żína, in-​nuqqas taʼ ndafa, l-​aptit sesswali, ix-​xewqa li twassal għall-​ħsara, u x-​xenqa b’għira, li hi idolatrija.”—KOLOSSIN 3:5.

1, 2. Balgħam kif ippjana li jagħmel il-​ħsara lin-​nies taʼ Ġeħova?

IS-​SAJJIED jerħilha għall-​post favorit tiegħu. Għandu ħuta partikulari f’moħħu. Jagħżel il-​lixka u jniżżel ix-​xlief fl-​ilma. Ftit mumenti wara, ix-​xlief jissikka, il-​qasba tintlewa, u jtellaʼ l-​ħuta. Bi tbissima fuq xofftejh, jaf li għażel il-​lixka t-​tajba.

2 Fis-​sena 1473 Q.E.K., raġel jismu Balgħam ħaseb ħafna dwar x’lixka kellu juża. Però, dawk li ried jaqbad f’nassa kienu n-​nies t’Alla, li kienu fit-​tined fil-​Pjanuri taʼ Mowab, fil-​fruntiera taʼ l-​Art Imwiegħda. Balgħam stqarr li kien profeta taʼ Ġeħova, imma fir-​realtà kien biss raġel rgħib mikri biex jisħet lil Israel. Madankollu, permezz taʼ l-​intervent taʼ Ġeħova, Balgħam setaʼ biss ibierek lil Israel. Minħabba li kien determinat li jikseb il-​premju tiegħu, Balgħam irraġuna li forsi setaʼ jipperswadi lil Alla biex jisħet lil niesu stess, li kieku setgħu jiġu mħajrin jikkommettu dnub serju. B’din il-​mira f’moħħu, Balgħam tefaʼ l-​lixka—it-​tfajliet seduċenti taʼ Mowab.—Numri 22:1-7; 31:15, 16; Rivelazzjoni 2:14.

3. Il-​pjan taʼ Balgħam sa liema punt irnexxa?

3 Ħadmet din l-​istrateġija? Sa ċertu punt, iva. Għaxriet t’eluf taʼ rġiel Israelin waqgħu għal-​lixka billi kellhom “relazzjonijiet immorali mal-​bniet taʼ Mowab.” Saħansitra bdew iqimu allat Mowabin, inkluż lid-​diżgustanti Bagħal taʼ Pegħor, alla tal-​fertilità, jew tas-​sess. Minħabba f’hekk, 24,000 Israeli mietu eżatt ħdejn il-​fruntiera taʼ l-​Art Imwiegħda. Xi traġedja enormi kienet din!—Numri 25:1-9.

4. Eluf taʼ Israelin għala waqgħu vittma taʼ l-​immoralità?

4 X’wassal għal din il-​ħerba? Ħafna min-​nies kienu żviluppaw qalb mill-​agħar billi tbiegħdu minn Ġeħova, l-​istess Alla li kien ħelishom mill-​Eġittu, temagħhom fix-​xagħri, u wassalhom sa l-​art imwiegħda mingħajr periklu. (Ebrej 3:12) Hekk kif ħaseb dwar din il-​kwistjoni, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Lanqas nipprattikaw iż-​żína, kif żnew xi wħud minnhom, u spiċċaw biex waqgħu mejtin, tlieta u għoxrin elf minnhom f’jum wieħed.”a—1 Korintin 10:8.

5, 6. Ir-​rakkont dwar id-​dnub taʼ Israel fil-​Pjanuri taʼ Mowab għala huwa taʼ valur għalina llum?

5 Ir-​rakkont f’Numri fih ħafna lezzjonijiet importanti għall-​poplu t’Alla llum, li jinsabu fuq l-​għatba t’art imwiegħda ħafna akbar. (1 Korintin 10:11) Per eżempju, l-​ossessjoni bis-​sess li għandha d-​dinja tixbah lil dik tal-​Mowabin tal-​qedem imma fuq skala akbar. Iżjed minn hekk, kull sena eluf taʼ Kristjani jaqgħu vittma taʼ l-​immoralità—l-​istess lixka bażika li qabdet lill-​Israelin. (2 Korintin 2:11) U bħal Żimri, li b’wiċċ sfiq għadda jiddandan b’mara Midjanija dritt minn ġol-​kamp taʼ Israel għal ġot-​tinda tiegħu, xi wħud li jassoċjaw mal-​poplu t’Alla llum saru influwenza li tikkorrompi ġewwa l-​kongregazzjoni Kristjana.—Numri 25:6, 14; Ġuda 4.

6 Qed tara lilek innifsek fil-​Pjanuri taʼ Mowab taʼ żmienna? Tistaʼ tara l-​premju tiegħek—id-​dinja l-​ġdida li ilna nistennew—fuq ix-​xefaq? Jekk iva, mela agħmel dak kollu li tistaʼ biex tibqaʼ fl-​imħabba t’Alla billi tobdi l-​kmand: “Aħarbu miż-​żína.”—1 Korintin 6:18.

X’INHI Ż-​ŻÍNA?

7, 8. X’inhi ż-​“żína,” u dawk li jipprattikawha kif jiżirgħu dak li jaħsdu?

7 Kif tintuża fil-​Bibbja, il-​kelma “żína” (bil-Grieg, pornea) tirreferi għal relazzjonijiet sesswali projbiti li jsiru barra miż-​żwieġ Skritturali. Tinkludi l-​adulterju, il-​prostituzzjoni, u relazzjonijiet sesswali bejn individwi mhux miżżewġin, kif ukoll sess orali u anali u t-​tmesmis taʼ l-​organi sesswali taʼ individwu li m’huwiex is-​sieħeb jew is-​sieħba fiż-​żwieġ. Tinkludi wkoll atti bejn individwi taʼ l-​istess sess kif ukoll il-​bestjalità.b

8 L-​Iskrittura hi ċara ħafna: Dawk li jipprattikaw iż-​żína ma jistgħux jibqgħu fil-​kongregazzjoni Kristjana u mhux se jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem. (1 Korintin 6:9; Rivelazzjoni 22:15) Iżjed minn hekk, anki issa jġibu ħafna ħsara fuqhom infushom għaliex jitilfu l-​fiduċja u r-​rispett lejhom stess, ikollhom problemi fiż-​żwieġ, kuxjenza ħatja, tqala mhix mixtieqa, mard, u saħansitra mewt. (Galatin 6:7, 8) Għala taqbad triq miżgħuda b’daqshekk niket? B’sogħba, ħafna ma jaħsbux daqshekk bil-​quddiem meta jagħmlu l-​ewwel pass ħażin—li spiss jinvolvi l-​pornografija.

Il-​PORNOGRAFIJA—L-​EWWEL PASS

9. Hija l-​pornografija bla periklu, kif jistqarru xi wħud? Spjega.

9 F’ħafna pajjiżi, il-​pornografija tingħata prominenza fuq l-​ixkafef għand tal-​gazzetti, fil-​mużika, u fuq it-​televixin, u tistaʼ tgħid li invadiet l-​Internet.c Hija bla periklu, kif jistqarru xi wħud? Dażgur li le! Dawk li jaraw il-​pornografija jistgħu jaqbdu l-​vizzju tal-​masturbazzjoni u jrawmu “aptiti sesswali t’għajb,” u minħabba f’hekk isiru dipendenti mis-​sess, xewqat perversi, nuqqas taʼ qbil serju fiż-​żwieġ, u anki divorzju.d (Rumani 1:24-27; Efesin 4:19) Wieħed riċerkatur iqabbel il-​vizzju tas-​sess mal-​kanċer. “Jibqaʼ jikber u jinfirex,” jgħid hu. “Kważi qatt ma teħles minnu, u huwa wkoll diffiċli ħafna biex tikkurah u tfejqu.”

10. B’liema modi nistgħu napplikaw il-​prinċipju li jinsab f’Ġakbu 1:14, 15? (Ara wkoll il-​kaxxa f’paġna 101.)

10 Ikkunsidra l-​kliem imniżżel f’Ġakbu 1:14, 15, li jgħid: “Kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess. Imbagħad, meta x-​xewqa ssir fertili, tiled id-​dnub; u meta d-​dnub jitwettaq, iġib il-​mewt.” Għalhekk, jekk tidħollok xewqa ħażina f’moħħok, aġixxi malajr biex tneħħiha! Per eżempju, jekk jiġu quddiem għajnejk stampi erotiċi, dawwar wiċċek mill-​ewwel, jew itfi l-​kompjuter, jew biddel l-​istazzjon tat-​televixin. Agħmel dak li hu neċessarju biex tevita li taqaʼ għal xewqa immorali qabel ma tkunx tistaʼ tikkontrollaha u tegħlbek!—Mattew 5:29, 30.

11. Meta nkunu qed niġġieldu kontra xewqat ħżiena, kif nistgħu nuru li nafdaw f’Ġeħova?

11 Mhux taʼ b’xejn li l-​Wieħed li jafna aħjar milli nafu lilna nfusna jwissina: “Għalhekk, mewtu l-​membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-​art fejn tidħol iż-​żína, in-​nuqqas taʼ ndafa, l-​aptit sesswali, ix-​xewqa li twassal għall-​ħsara, u x-​xenqa b’għira, li hi idolatrija.” (Kolossin 3:5) Veru, dan jistaʼ jkun taʼ sfida. Imma ftakar, għandna Missier tas-​sema kollu mħabba u paċenzjuż li nistgħu nsejħulu għall-​għajnuna. (Salm 68:19) Għalhekk, meta ħsibijiet ħżiena jiġuk f’moħħok, dur lejh mingħajr dewmien. Itlob għall-​“qawwa iktar min-​normal,” u ġiegħel lil moħħok jiffoka fuq affarijiet oħrajn.—2 Korintin 4:7; 1 Korintin 9:27; ara l-​kaxxa “Kif Nistaʼ Naqtaʼ Vizzju?” f’paġna 104.

12. X’inhi ‘qalbna,’ u għala għandna nħarsuha?

12 Ir-​raġel għaref Salamun kiteb: “Iktar minn kull ħaġa oħra li għandek tħares, ħares lil qalbek, għax minn ġo fiha ġejjin is-​sorsi tal-​ħajja.” (Proverbji 4:23) ‘Qalbna’ hija l-​persuna ġewwinija tagħna, dak li aħna tassew bħala persuna f’għajnejn Alla. Iżjed minn hekk, huwa l-​mod kif Alla jqis lil ‘qalbna’—mhux kif oħrajn għandhom mnejn iqisuna—li jiddetermina jekk nirċivux il-​ħajja taʼ dejjem jew le. Daqshekk huwa sempliċi. U daqshekk ieħor huwa serju. Sabiex ma jħarisx lejn mara b’mod indeċenti, Ġob, li kien leali, għamel patt, ftehim formali, m’għajnejh. (Ġob 31:1) X’eżempju mill-​aqwa għalina! Wieħed salmista wera l-​istess attitudni meta talab: “Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi.”—Salm 119:37.

L-​GĦAŻLA MHIX GĦAQLIJA TAʼ DINA

13. Min kienet Dina, u l-​għażla tal-​ħbieb tagħha għala ma kinitx għaqlija?

13 Bħalma rajna f’Kapitlu 3, ħbiebna jistaʼ jkollhom influwenza qawwija fuqna għat-​tajjeb jew għall-​ħażin. (Proverbji 13:20; 1 Korintin 15:33) Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Dina, bint il-​patrijarka Ġakobb. (Ġenesi 34:1) Minkejja t-​trobbija tajba tagħha, Dina b’nuqqas t’għaqal għamlet ħbieb maʼ xi tfajliet Kangħanin. Bħall-​Mowabin, il-​Kangħanin kienu magħrufin bħala nies immorali. (Levitiku 18:6-25) F’għajnejn l-​irġiel Kangħanin, inkluż Sikem—“l-​iktar wieħed stmat” mid-​dar taʼ missieru—Dina dehret li kienet priża faċli.—Ġenesi 34:18, 19.

14. L-​għażla tal-​ħbieb li għamlet Dina kif wasslet għal traġedja?

14 Dina x’aktarx li ma kellhiex relazzjonijiet sesswali f’moħħha meta rat lil Sikem. Però, hu għamel dak li l-​biċċa l-​kbira mill-​Kangħanin kienu jqisuh bħala naturali meta mqanqlin sesswalment. Kwalunkwe reżistenza taʼ l-​aħħar minuta min-​naħa taʼ Dina ma kienet tfisser xejn, għax “ħadha” u “stupraha.” Jidher li iktar tard Sikem “sar iħobb” lil Dina, imma dan ma biddilx dak li kien għamlilha. (Ġenesi 34:1-4) U ma kinitx Dina biss li sofriet minħabba dan. L-​għażla tal-​ħbieb li għamlet tat bidu għal sensiela taʼ ġrajjiet li ġabu għajb u tmaqdir fuq il-​familja kollha tagħha.—Ġenesi 34:7, 25-31; Galatin 6:7, 8.

15, 16. Kif nistgħu niksbu għerf veru? (Ara wkoll il-​kaxxa f’paġna 109.)

15 Jekk Dina tgħallmet lezzjoni importanti, tgħallmitha bid-​dnewwa. Dawk li jħobbu u jobdu lil Ġeħova m’għandhomx għalfejn jitgħallmu l-​lezzjonijiet tal-​ħajja bid-​dnewwa. Minħabba li jisimgħu minn Alla, huma jagħżlu li ‘jimxu maʼ l-​għorrief.’ (Proverbji 13:20a) B’hekk, isiru jifhmu ‘kulma għandhom jagħmlu biex jimxu tajjeb’ u jevitaw problemi u wġigħ bla bżonn.—Proverbji 2:6-9; Salm 1:1-3.

16 L-​għerf mingħand Alla hu disponibbli għal dawk kollha li jixxennqu għalih u li jissodisfaw din ix-​xenqa billi jippersistu fit-​talb u billi jistudjaw il-​Kelma t’Alla u l-​materjal provdut mill-​klassi taʼ l-​ilsir leali regolarment. (Mattew 24:45; Ġakbu 1:5) L-​umiltà wkoll hija importanti, u din tidher mill-​fatt li nkunu lesti nobdu pariri Skritturali. (2 Slaten 22:18, 19) Per eżempju, Kristjan bil-​kliem jistaʼ jaċċetta li qalbu tistaʼ tkun qarrieqa u ddisprata. (Ġeremija 17:9) Imma jekk ikun qed jiffaċċja sitwazzjoni li fiha ma jkunx qed jaġixxi b’mod għaqli, ikun umli biżżejjed biex jaċċetta parir u għajnuna speċifika bl-​imħabba?

17. Iddeskrivi sitwazzjoni li tistaʼ tqum fil-​familja, u uri kif missier jistaʼ jirraġuna maʼ bintu.

17 Immaġina din is-​sitwazzjoni. Missier ma jħallix lil bintu u żagħżugħ Kristjan joħorġu waħedhom. It-​tfajla tgħid: “Imma pa, ma tafdanix? M’aħna se nagħmlu xejn ħażin!” Għandha mnejn tħobbu lil Ġeħova u jkollha intenzjonijiet mill-​aħjar, però tkun ‘miexja bl-​għerf’ t’Alla? Tkun qed ‘taħrab miż-​żína’? Jew tkun qed turi nuqqas t’għaqal u ‘tafda lil qalbha stess’? (Proverbji 28:26) Forsi tistaʼ taħseb fi prinċipji oħrajn li jkunu jistgħu jgħinu lil missier f’sitwazzjoni bħal din biex jirraġuna maʼ bintu.—Ara Proverbji 22:3; Mattew 6:13; 26:41.

ĠUŻEPPI ĦARAB MIŻ-​ŻÍNA

18, 19. Liema tentazzjoni qamet fil-​ħajja taʼ Ġużeppi, u kif ittrattaha?

18 Ġużeppi, ħu Dina mill-​missier kien żagħżugħ mill-​aħjar li jħobb lil Alla u li ħarab miż-​żína. (Ġenesi 30:20-24) Bħala tfajjel, Ġużeppi ra b’għajnejh stess ir-​riżultat tan-​nuqqas t’għaqal t’oħtu. Mingħajr dubju, dawn il-​memorji, kif ukoll ix-​xewqa li Ġużeppi jibqaʼ fl-​imħabba t’Alla, ipproteġewh snin wara fl-​Eġittu meta mart sidu pprovat tħajru “jum wara l-​ieħor.” M’għandniex xi ngħidu, bħala lsir, Ġużeppi ma setax sempliċement jaqbad u jitlaq mix-​xogħol! Kellu jittratta s-​sitwazzjoni b’għaqal u b’kuraġġ. Dan għamlu billi darba wara l-​oħra qal le lill-​mara taʼ Putifar u, fl-​aħħar, spiċċa biex ħarab minnha.—Ġenesi 39:7-12.

19 Ikkunsidra dan: Kieku Ġużeppi kien joqgħod jaħseb dwar il-​mara jew ħadha drawwa li joħlom dwar is-​sess, kien se jkun kapaċi jżomm l-​integrità? X’aktarx li le. Minflok ma żamm dawn il-​ħsibijiet midinbin f’moħħu, Ġużeppi kien jgħożż ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova, u dan deher ċar fi kliemu lill-​mara taʼ Putifar. “Sidi,” hu kien jgħidilha, “ma ċaħħadni assolutament minn xejn ħlief minnek, għax int martu. Allura, kif nistaʼ jien nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?”—Ġenesi 39:8, 9.

20. Ġeħova kif mexxa l-​affarijiet fil-​każ taʼ Ġużeppi?

20 Immaġina l-​ferħ li żgur ħass Ġeħova hekk kif osserva liż-​żagħżugħ Ġużeppi, ’il bogħod minn familtu, iżomm l-​integrità tiegħu jum wara l-​ieħor. (Proverbji 27:11) Iktar tard, Ġeħova mexxa l-​affarijiet sabiex Ġużeppi mhux biss jinħeles mill-​ħabs imma wkoll isir il-​prim ministru taʼ l-​Eġittu u l-​amministratur taʼ l-​ikel! (Ġenesi 41:39-49) Kemm huwa minnu l-​kliem taʼ Salm 97:10: “O intom li tħobbu lil Ġeħova, obogħdu dak li hu ħażin. Hu qed iħares ruħ il-​leali tiegħu; minn id dawk mill-​agħar jeħlishom”!

21. Ħu żagħżugħ f’pajjiż Afrikan kif wera kuraġġ morali?

21 Bl-​istess mod illum, ħafna qaddejja t’Alla juru li ‘jobogħdu dak li hu ħażin, u jħobbu dak li hu tajjeb.’ (Għamos 5:15) Ħu żagħżugħ f’pajjiż Afrikan jiftakar li tfajla fil-​klassi tiegħu bla mistħija offrietlu li jkollu x’jaqsam magħha jekk jgħinha waqt eżami tal-​matematika. “Mill-​ewwel irrifjutajt l-​offerta tagħha,” qal hu. “Billi żammejt l-​integrità, żammejt id-​dinjità u r-​rispett lejja nnifsi, li huma ħafna iktar taʼ valur mid-​deheb u l-​fidda.” Veru, id-​dnub jistaʼ jagħti “tgawdija temporanja,” imma eċċitament bħal dan li jgħaddi malajr spiss iġib ħafna tbatija. (Ebrej 11:25) Iżjed minn hekk, huwa insinifikanti meta mqabbel maʼ l-​hena dejjiemi li jiġi mill-​ubbidjenza lejn Ġeħova.—Proverbji 10:22.

AĊĊETTA L-​GĦAJNUNA MILL-​ALLA TAL-​ĦNIENA

22, 23. (a) Jekk Kristjan iwettaq dnub serju, għala xorta m’huwiex bla tama? (b) X’għajnuna hemm disponibbli għal xi ħadd li jkun għamel il-​ħażen?

22 Minħabba li aħna imperfetti, ilkoll nissieltu biex irrażżnu xewqat tal-​laħam u biex nagħmlu dak li hu tajjeb f’għajnejn Alla. (Rumani 7:21-25) Ġeħova hu konxju taʼ dan, “jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:14) Però, kultant Kristjan jistaʼ jikkommetti dnub serju. Jinsab hu bla tama? Dażgur li le! Huwa minnu li dak li jkun ikkommetta l-​ħażen forsi jbati konsegwenzi koroh, bħalma ġara fil-​każ tas-​Sultan David. Minkejja dan, Alla dejjem ‘lest li jaħfer’ lil dawk li jindmu u li ‘jistqarru dnubiethom bil-​miftuħ.’—Salm 86:5; Ġakbu 5:16; Proverbji 28:13.

23 Barra minn dan, Alla b’qalb tajba pprovda lill-​kongregazzjoni Kristjana bi “rġiel bħala għotjiet”—rgħajja maturi spiritwalment li huma kwalifikati u ħerqanin li jgħinu. (Efesin 4:8, 12; Ġakbu 5:14, 15) Il-​mira tagħhom hi li jgħinu lil dak li jkun għamel il-​ħażen biex jirrestawra r-​relazzjoni tiegħu m’Alla u, fi kliem ir-​raġel għaref, biex “jikseb qalb għarfa” ħalli ma jagħmilx l-​istess żball.—Proverbji 15:32.

‘IKSEB QALB GĦARFAʼ

24, 25. (a) Iż-​żagħżugħ deskritt fi Proverbji 7:6-23 kif wera li kellu “qalb belha”? (b) Kif nistgħu ‘niksbu qalb għarfaʼ?

24 Il-​Bibbja titkellem dwar nies “b’qalb belha” u dwar dawk li ‘jiksbu qalb għarfa.’ (Proverbji 7:7) Minħabba l-​immaturità spiritwali u n-​nuqqas taʼ l-​esperjenza fis-​servizz t’Alla, xi ħadd “b’qalb belha” jistaʼ jkun nieqes mid-​dixxerniment u ġudizzju tajjeb. Bħaż-​żagħżugħ deskritt fi Proverbji 7:6-23, għandu mnejn ikun iktar faċli li jaqaʼ fi dnub serju. Madankollu, min “jikseb qalb għarfa” jagħti attenzjoni serja lill-​persuna ġewwinija permezz taʼ studju tal-​Kelma t’Alla b’mod regulari u bit-​talb. U sal-​punt li jistaʼ fl-​istat imperfett tiegħu, hu jġib il-​ħsibijiet, ix-​xewqat, l-​emozzjonijiet, u l-​miri f’ħajtu fi qbil maʼ dak li japprova Alla. B’hekk, ikun “iħobb lilu nnifsu,” jew ibierek lilu nnifsu, u “se jsib it-​tajjeb.”—Proverbji 19:8.

25 Staqsi lilek innifsek: ‘Konvint bis-​sħiħ jien li l-​livelli t’Alla huma tajbin? Nemmen b’mod sod li jekk inżomm magħhom se jkolli l-​akbar ferħ?’ (Salm 19:7-10; Isaija 48:17, 18) Jekk għandek l-​iċken dubju, ipprova rranġah. Immedita fuq il-​konsegwenzi taʼ li tinjora l-​liġijiet t’Alla. Barra minn hekk, ‘duq u ara li Ġeħova hu tajjeb’ billi tgħix il-​verità u billi timla moħħok bi ħsibijiet bnien—affarijiet li huma veri, ġusti, safjin, iqanqlu l-​imħabba, u virtużi. (Salm 34:8; Filippin 4:8, 9) Tistaʼ tkun ċert li iktar ma tagħmel dan, iktar se ssir tħobb lil Alla, tħobb dak li jħobb hu, u tobgħod dak li jobgħod hu. Ġużeppi ma kienx perfett. Madankollu, irnexxielu ‘jaħrab miż-​żína’ għaliex ħalla lil Ġeħova jsawru matul ħafna snin, biex hekk jagħtih ix-​xewqa li jogħġbu. Jalla jkun l-​istess fil-​każ tiegħek.—Isaija 64:8.

26. Liema suġġett importanti se jiġi kunsidrat issa?

26 Il-​Ħallieq tagħna ħalaq l-​organi riproduttivi tagħna, mhux bħala logħob għal eċċitament taʼ dak il-​ħin, imma biex inkunu nistgħu nirriproduċu u biex ingawdu l-​intimità fiż-​żwieġ. (Proverbji 5:18) Il-​ħarsa t’Alla lejn iż-​żwieġ se tiġi diskussa fiż-​żewġ kapitli li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a In-numru li ngħata fil-​ktieb tan-​Numri milli jidher inkluda “l-​kapijiet kollha tal-​poplu” li nqatlu mill-​imħallfin u li setgħu ammontaw għal 1,000 raġel, u dawk maqtulin direttament minn Ġeħova.—Numri 25:4, 5.

b Għal diskussjoni dwar it-​tifsir taʼ nuqqas taʼ ndafa u kondotta laxka, ara “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” fit-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju, 2006, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

c Hawnhekk, il-​“pornografija” tirreferi għal deskrizzjoni taʼ materjal erotiku bl-​istampi, bil-​kitba, jew bil-​vuċi, intenzjonat biex iqanqal eċċitament sesswali f’dak li jkun. Il-​pornografija tvarja minn stampa taʼ persuna f’poża erotika għal deskrizzjoni t’atti sesswali oxxeni ħafna bejn żewġ individwi jew iktar.

d Il-masturbazzjoni hija diskussa fl-​Appendiċi, paġni 218-19.

[Kaxxa f’paġna 101]

KIF SIBT IS-​SAĦĦA BIEX INKUN NADIF MORALMENT

“Fl-​adoloxxenza tiegħi, dħalt fin-​nassa tal-​masturbazzjoni u taʼ li nara l-​pornografija,” jgħid wieħed żagħżugħ. “Sħabi fl-​iskola kienu jqisu kondotta bħal din bħala parti normali mill-​adoloxxenza. Imma għamlitli l-​ħsara fil-​kuxjenza, u tajtha għal ħajja taʼ immoralità. Maż-​żmien irrealizzajt li sempliċement kont ilsir tax-​xewqat tiegħi. Madankollu, irnexxieli negħleb il-​vizzji maħmuġin tiegħi bl-​għajnuna taʼ Ġeħova u l-​kongregazzjoni. Issa noqgħod attent maʼ min nagħmilha, ladarba naf li oħrajn jistaʼ jkollhom influwenza kbira fuqi. Sibt li talb regulari u studju persunali tal-​Bibbja huma essenzjali biex ma nerġax naqaʼ f’vizzji ħżiena. Minflok ma jien ilsir għax-​xewqat tal-​laħam, issa għandi l-​privileġġ li naqdi bħala pijunier regulari.”

[Kaxxa/Stampa f’paġna 104]

KIF NISTAʼ NAQTAʼ VIZZJU?

Prinċipju: “O intom li tħobbu lil Ġeħova, obogħdu dak li hu ħażin.”—Salm 97:10.

Xi mistoqsijiet biex tistaqsi lilek innifsek

▪ Qiegħed nevita sitwazzjonijiet li jistgħu jqanqlu xewqat ħżiena?—Mattew 5:27, 28.

▪ Nimmedita fuq il-​konsegwenzi taʼ li naġixxi fuq xewqat ħżiena?—Proverbji 22:3.

▪ Liema tip t’azzjoni deċiżiva lest li nieħu biex negħleb il-​vizzju tiegħi?—Mattew 5:29, 30.

▪ Lest li nkellem lil ġenitur jew ħabib matur spiritwalment dwar il-​problema tiegħi?—Proverbji 1:8, 9; Galatin 6:1, 2.

▪ Kif nistaʼ nuri li nistrieħ fuq is-​saħħa u l-​għerf taʼ Ġeħova biex negħleb il-​vizzju?—Proverbji 3:5, 6; Ġakbu 1:5.

[Kaxxa f’paġna 109]

SKRITTURI GĦALL-​MEDITAZZJONI

“O intom li tħobbu lil Ġeħova, obogħdu dak li hu ħażin.”—Salm 97:10.

“Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.”—Mattew 5:28.

“Min jipprattika ż-​żína qed jidneb kontra ġismu stess.”—1 Korintin 6:18.

“Insawwat lil ġismi u njassru, sabiex, wara li nkun ippridkajt lil oħrajn, jien stess ma niġix diżapprovat b’xi mod.”—1 Korintin 9:27.

“Dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad; għax min jiżraʼ għal laħmu jaħsad it-​taħsir minn laħmu, imma min jiżraʼ għall-​ispirtu jaħsad il-​ħajja taʼ dejjem mill-​ispirtu.”—Galatin 6:7, 8.

“Għalhekk, mewtu l-​membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-​art fejn tidħol iż-​żína, in-​nuqqas taʼ ndafa, l-​aptit sesswali.”—Kolossin 3:5.

“Kull wieħed minnkom ikun jaf kif jikkontrolla ġismu bil-​qdusija u bl-​unur, mhux b’aptit sesswali mimli xenqa.”—1 Tessalonikin 4:4, 5.

[Stampa f’paġna 98]

Il-​veduta tal-​Pjanuri taʼ Mowab

[Stampa f’paġna 103]

Ikun għaqli li nħallu l-​użu taʼ l-​Internet fid-​dar f’post miftuħ għal kulħadd

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja