LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bt kap. 1 pp. 6-12
  • Morru u Agħmlu Dixxipli

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Morru u Agħmlu Dixxipli
  • Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Inkarigu Estensiv
  • Ħarsa Fuq Fuq Lejn il-Ktieb tal-​Atti
  • Għodda għall-Istudju tal-Bibbja Biex Tgħinna
  • “Fl-Art Kollha”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Prinċipali mill-Ktieb taʼ l-Atti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • “Jagħtihom Xhieda fid-Dettall”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Nagħtu Xhieda bir-Reqqa Dwar is-Saltna t’Alla
    Il-Ministeru tas-Saltna—2011
Ara Iżjed
Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
bt kap. 1 pp. 6-12

KAPITLU 1

Morru u Agħmlu Dixxipli

Ħarsa fuq fuq lejn il-ktieb tal-​Atti tal-Appostli u kif japplika għal żmienna

1-6. Irrakkonta waħda mill-esperjenzi tal-aħwa li ppritkaw f’ċirkustanzi differenti.

REBECCA, Xhud taʼ Ġeħova żagħżugħa fil-Gana, kienet tqis l-iskola bħala t-territorju persunali tagħha. Hi dejjem kien ikollha letteratura bbażata fuq il-Bibbja fil-basket tal-iskola. Matul il-brejk, kienet tfittex opportunitajiet biex tagħti xhieda lill-istudenti sħabha. Rebecca bdiet studji tal-Bibbja maʼ diversi wħud mill-klassi tagħha.

2 Fuq il-gżira tal-Madagaskar, ftit lil hinn mill-kosta tal-Lvant tal-Afrika, żewġ pijunieri regolarment kienu jimxu xi 25 kilometru fis-sħana tropikali biex imorru f’villaġġ remot. Hemmhekk kienu jikkonduċu għadd taʼ studji tal-Bibbja maʼ wħud interessati.

3 Biex jilħqu lin-nies li jgħixu tul ix-xmajjar Paragwaj u Paraná, xi Xhieda fil-Paragwaj flimkien maʼ volontieri minn 15-il pajjiż ieħor ħadmu biex jibnu dgħajsa tax-xmajjar. Id-dgħajsa taʼ 45 tunnellata tistaʼ tesaʼ sa 12-il ruħ. Minn din id-dgħajsa, proklamaturi żelużi tas-Saltna xerrdu l-aħbar tajba fi nħawi li ma setgħux jintlaħqu mod ieħor.

4 Fit-Tramuntana Mbiegħda, xi Xhieda fl-Alaska ħadu vantaġġ minn opportunità unika biex jippritkaw matul l-istaġun turistiku tas-sajf. Meta t-temp ikun iktar sħun, vapuri tal-passiġġieri kienu jġibu viżitaturi taʼ ħafna nazzjonalitajiet differenti, u x-Xhieda lokali kienu lesti li jilqgħuhom fuq il-moll b’wirja li tolqot l-għajn taʼ letteratura Biblika b’varjetà kbira taʼ lingwi. F’dan l-istess reġjun, ajruplan wera li hu imprezzabbli f’li jilħaq villaġġi iżolati, u b’hekk jippermetti li l-aħbar tajba tiġi mxandra lill-komunitajiet taʼ Aleut, Athabascan, Tsimshian, u Tlingit.

5 Larry, fʼTexas, l-Istati Uniti tal-Amerika, kellu territorju speċjali—id-dar tal-anzjani li kien jgħix fiha. Għalkemm kien f’siġġu tar-roti minħabba aċċident, Larry żamm ruħu bieżel. Hu qasam m’oħrajn il-messaġġ tas-Saltna, inkluż it-tama tiegħu bbażata fuq il-Bibbja li taħt it-tmexxija tas-Saltna hu xi darba se jerġaʼ jimxi.—Is. 35:5, 6.

6 Biex jattendu assemblea fit-Tramuntana taʼ Mjanmar, grupp taʼ Xhieda għamlu vjaġġ taʼ tlett ijiem b’dgħajsa minn Mandalay. Kellhom sebaʼ mitt sena biex jippritkaw l-aħbar tajba, u għalhekk ħadu magħhom letteratura Biblika li offrew lill-passiġġieri sħabhom. Kull darba li d-dgħajsa kienet tieqaf f’belt jew raħal, il-pubblikaturi żelużi kienu jinżlu u malajr imorru jduru l-post joffru l-letteratura. Sadanittant, kienu jitilgħu passiġġieri ġodda fuq id-dgħajsa u jsiru “territorju ġdid” għal meta jirritornaw il-pubblikaturi tas-Saltna.

7. Il-qaddejja taʼ Ġeħova b’liema modi jagħtu xhieda dwar is-Saltna t’Alla, u x’inhi l-mira tagħhom?

7 Bħalma rajna minn dawn il-ftit eżempji tal-aħwa, qaddejja żelużi taʼ Ġeħova madwar id-dinja qegħdin ‘jagħtu xhieda fid-dettall dwar is-Saltna t’Alla.’ (Atti 28:23) Huma jmorru minn dar għal dar, javviċinaw lin-nies fit-triq, jiktbu l-ittri, u jitkellmu magħhom bit-telefown. Jekk ikunu qegħdin f’tal-linja, jimxu f’xi ġonna, jew jieħdu l-brejk fil-post tax-xogħol sekulari tagħhom, huma b’ħeġġa jfittxu kull opportunità biex jagħtu xhieda dwar is-Saltna t’Alla. Il-metodi speċifiċi għandhom mnejn ivarjaw, imma l-mira hija l-istess—li jippritkaw l-aħbar tajba kull fejn jinstabu n-nies.—Mt. 10:11.

8, 9. (a) It-tkabbir tax-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna għala huwa miraklu? (b) Liema mistoqsija interessanti tqum, u x’għandna bżonn nagħmlu biex insibu t-tweġiba?

8 Għażiż qarrej, qiegħed int fost il-ħafna proklamaturi tas-Saltna li bħalissa huma attivi f’iktar minn 235 pajjiż? Jekk inhu hekk, int għandek sehem f’dan it-tkabbir eċċitanti tax-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna! Dak li twettaq fl-għalqa madwar id-dinja huwa miraklu. Minkejja ostakli u sfidi diffiċli—saħansitra projbizzjonijiet minn gvernijiet u persekuzzjoni diretta—ix-Xhieda taʼ Ġeħova qed jagħtu xhieda bid-dettall dwar is-Saltna t’Alla lin-nies tal-ġnus kollha.

9 Mistoqsija interessanti li għandna nikkunsidraw hi, Għala ebda ostaklu, lanqas saħansitra l-oppożizzjoni satanika, ma kien kapaċi jwaqqaf ix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna milli jimxi ’l quddiem? Biex inwieġbu din il-mistoqsija, għandna bżonn inħarsu lura lejn l-ewwel seklu wara Kristu (WK). Wara kollox, aħna x-Xhieda taʼ Ġeħova tal-lum qed inkomplu x-xogħol li beda lura dak iż-żmien.

Inkarigu Estensiv

10. Ġesù għal xiex iddedika ruħu, u x’kien jaf dwar dan ix-xogħol?

10 Ġesù Kristu, Dak li stabbilixxa l-kongregazzjoni Kristjana, iddedika ħajtu għall-ippritkar tal-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Hu darba spjega: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla fi bliet oħra wkoll, għax għalhekk intbgħatt.” (Lq. 4:43) Ġesù kien jaf li hu kien qed jagħti bidu għal xogħol li ma setax jispiċċah waħdu. Ftit qabel mewtu, hu bassar li l-messaġġ tas-Saltna kien se jiġi pritkat “lill-popli kollha.” (Mk. 13:10) Imma kif kien se jsir dan, u minn min?

Ġesù qed ikellem folla kbira taʼ dixxipli tiegħu.

“Morru u għallmu n-nies mill-popli kollha biex isiru dixxipli.”​—Mattew 28:19

11. Ġesù liema inkarigu importanti ta lid-dixxipli tiegħu, u liema appoġġ kienu se jingħataw biex iwettquh?

11 Wara l-mewt u l-irxoxt tiegħu, Ġesù deher lid-dixxipli tiegħu u tahom dan l-inkarigu importanti: “Għalhekk, morru u għallmu n-nies mill-popli kollha biex isiru dixxipli tiegħi u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis. U għallmuhom jobdu dak kollu li kkmandajtkom. Jien se nibqaʼ magħkom sal-aħħar jiem taʼ din id-dinja.” (Mt. 28:19, 20) Il-kliem “jien se nibqaʼ magħkom” indika li d-dixxipli kien se jkollhom l-appoġġ tiegħu fix-xogħol tal-ippritkar u taʼ li jagħmlu dixxipli. Kien se jkollhom bżonn dan l-appoġġ, għax Ġesù kien bassar li ‘l-popli kollha se jobogħduhom.’ (Mt. 24:9) Id-dixxipli kien se jkollhom ukoll għajnuna minn sors ieħor. Eżatt qabel ma telaʼ fis-sema, Ġesù qalilhom li l-ispirtu qaddis kien se jagħtihom il-qawwa biex ikunu xhieda tiegħu “fl-art kollha.”—Atti 1:8.

12. Liema mistoqsijiet importanti jqumu, u għala hu vitali li nkunu nafu t-tweġibiet?

12 Issa jqumu xi mistoqsijiet importanti: L-appostli taʼ Ġesù u d-dixxipli l-oħrajn tal-ewwel seklu, ħadu l-inkarigu tagħhom bis-serjetà? Dan il-grupp relattivament żgħir taʼ rġiel u nisa Kristjani, taw xhieda bid-dettall dwar is-Saltna t’Alla minkejja persekuzzjoni ħarxa? Kellhom verament l-appoġġ t’Alla Ġeħova, taʼ Ġesù Kristu, tal-anġli, u tal-ispirtu qaddis fix-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli? Dawn il-mistoqsijiet u oħrajn relatati magħhom jitwieġbu fil-ktieb Bibliku tal-​Atti. Huwa vitali li nkunu nafu t-tweġibiet. Għala? Għax Ġesù wiegħed li x-xogħol li inkarigahom bih kien se jkompli “sal-aħħar jiem taʼ din id-dinja.” Għalhekk, dan l-inkarigu japplika għall-Kristjani veri kollha, inkluż aħna li qed ngħixu fiż-żmien tal-aħħar. B’hekk, għandna interess kbir fir-rakkont storiku li hemm fil-ktieb tal-​Atti.

Ħarsa Fuq Fuq Lejn il-Ktieb tal-​Atti

13, 14. (a) Min kiteb il-ktieb tal-​Atti, u l-kittieb kif kiseb l-informazzjoni tiegħu? (b) Fil-ktieb tal-​Atti xi nsibu?

13 Min kiteb il-ktieb tal-​Atti? Il-ktieb stess qatt ma jsemmi min kitbu, imma mill-kliem tal-ftuħ jidher ċar li l-kittieb tal-​Atti kiteb ukoll l-Evanġelju taʼ Luqa. (Lq. 1:1-4; Atti 1:1, 2) B’hekk, minn żminijiet bikrin, Luqa, “tabib maħbub” u storjografu diliġenti, kien kunsidrat bħala l-kittieb tal-​Atti. (Kol. 4:14) Il-ktieb ikopri perijodu taʼ madwar 28 sena, mit-tlugħ taʼ Ġesù fis-sema fis-sena 33 WK sat-tmiem tal-priġunerija tal-appostlu Pawlu f’Ruma madwar is-sena 61 WK. Il-fatt li Luqa jinkludi lilu nnifsu f’siltiet tar-rakkont jissuġġerixxi li hu kien preżenti f’ħafna mill-ġrajjiet li jiddeskrivi. (Atti 16:8-10; 20:5; 27:1) Bħala riċerkatur li kien jidħol fid-dettall, Luqa x’aktarx li kiseb informazzjoni direttament mingħand Pawlu, Barnaba, Filippu, u oħrajn imsemmijin fir-rakkont.

14 Fil-ktieb tal-​Atti xi nsibu? Iktar qabel, fl-Evanġelju tiegħu, Luqa kiteb dwar l-affarijiet li qal u għamel Ġesù. Madankollu, fil-ktieb tal-​Atti, Luqa jirrapporta dwar dak li qalu u għamlu s-segwaċi taʼ Ġesù. Għalhekk, il-ktieb tal-​Atti hu dwar nies li wettqu xogħol straordinarju, għalkemm ħafna minnhom kienu meqjusin minn oħrajn bħala wħud “komuni u taʼ ftit skola.” (Atti 4:13) Fil-qosor, ir-rakkont ispirat jgħidilna kif ġiet stabbilita l-kongregazzjoni Kristjana u kif kibret. Atti juri kif ippritkaw il-Kristjani tal-ewwel seklu—il-metodi u l-attitudni tagħhom. (Atti 4:31; 5:42) Jenfasizza l-irwol tal-ispirtu qaddis fit-tixrid tal-aħbar tajba. (Atti 8:29, 39, 40; 13:1-3; 16:6; 18:24, 25) Atti jiġbed l-attenzjoni lejn it-tema tal-Bibbja, li tinvolvi li jiġi mqaddes isem Alla permezz tas-Saltna mmexxija minn Kristu, u juri kif il-messaġġ tas-Saltna nxtered b’mod trijonfanti minkejja oppożizzjoni ħarxa.—Atti 8:12; 19:8; 28:30, 31.

15. B’liema modi se nibbenefikaw waqt li neżaminaw il-ktieb tal-​Atti?

15 Tabilħaqq, li neżaminaw il-ktieb Bibliku tal-​Atti huwa eċċitanti u jsaħħilna l-fidi! Jekk nirriflettu fuq l-eżempju qalbieni u żeluż tas-segwaċi taʼ Kristu tal-bidu, qalbna se titqanqal. Se niġu motivati nimitaw il-fidi taʼ ħutna tal-ewwel seklu. B’hekk, se nkunu armati aħjar ħalli nwettqu l-inkarigu tagħna biex ‘immorru u ngħallmu n-nies . . . biex isiru dixxipli.’ Il-pubblikazzjoni li qed taqra bħalissa hija disinjata biex tgħinek tagħmel studju diliġenti tal-ktieb tal-​Atti.

Għodda għall-Istudju tal-Bibbja Biex Tgħinna

16. X’inhuma t-tliet objettivi taʼ din il-pubblikazzjoni?

16 X’inhu l-iskop ġenerali taʼ din il-pubblikazzjoni? It-tliet objettivi taʼ dan il-ktieb huma (1) biex isaħħaħ il-konvinzjoni tagħna li permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, Ġeħova qed jappoġġa x-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli, (2) biex iqanqal iż-żelu tagħna għall-ministeru billi neżaminaw l-eżempju tas-segwaċi taʼ Kristu tal-ewwel seklu, u (3) biex ikabbar ir-rispett tagħna għall-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u għal dawk li qed jieħdu t-tmexxija fix-xogħol tal-ippritkar u f’li jindokraw lill-kongregazzjonijiet.

17, 18. Din il-pubblikazzjoni kif inhi mqassma, u liema aspetti se jkunu t’għajnuna fl-istudju persunali tal-Bibbja?

17 Din il-pubblikazzjoni kif inhi mqassma? Se tinnota li hi mqassma fi tmien taqsimiet u kull waħda tkopri parti mill-ktieb tal-​Atti. Il-mira tal-kapitli li jmiss mhijiex li tipprovdi diskussjoni vers vers tal-​Atti. Minflok, hi li tislet lezzjonijiet mill-ġrajjiet li hemm imniżżlin f’dan il-ktieb Bibliku u li tgħinna naraw kif nistgħu napplikaw personalment il-punti li nitgħallmu. Fil-bidu taʼ kull kapitlu hemm frażi li tispjega l-punt prinċipali taʼ dak il-kapitlu u Skrittura ċitata li tindika s-silta mill-ktieb tal-​Atti li se tiġi diskussa.

18 Hemm aspetti oħrajn taʼ din il-pubblikazzjoni li se jkunu t’għajnuna fl-istudju persunali tal-Bibbja. Stampi mill-isbaħ li juru ġrajjiet eċċitanti tal-ktieb tal-​Atti se jgħinuk iġġib quddiem għajnejk x’kien qed jiġri hekk kif tirrifletti fuq ir-rakkont Bibliku. F’ħafna kapitli hemm kaxxi li fihom materjal addizzjonali li hu t’għajnuna. Ċerti kaxxi fihom informazzjoni dwar karattru Bibliku li l-fidi tiegħu hi taʼ min jimitaha. Kaxxi oħrajn jagħtu iktar dettalji dwar postijiet, ġrajjiet, drawwiet, jew karattri oħrajn li huma msemmijin fl-​Atti.

Ħu jagħti territorju lill-koppja biex jippritkaw.

Aħdem it-territorju assenjat lilek b’sens t’urġenza

19. Minn żmien għal żmien liema eżami tagħna nfusna għandna nagħmlu?

19 Din il-pubblikazzjoni tistaʼ tgħinek tagħmel eżami onest tiegħek innifsek. Ilek kemm ilek taqdi bħala pubblikatur tas-Saltna, huwa tajjeb li minn żmien għal żmien tieqaf u tanalizza l-prijoritajiet tiegħek fil-ħajja u l-ħarsa tiegħek lejn il-ministeru Kristjan. (2 Kor. 13:5) Staqsi lilek innifsek: ‘Qed inżomm sens t’urġenza fil-ministeru tiegħi? (1 Kor. 7:29-31) Qed nipprietka l-aħbar tajba b’konvinzjoni u żelu? (1 Tess. 1:5, 6) Qed nieħu sehem kemm jistaʼ jkun fix-xogħol tal-ippritkar u taʼ li nagħmel dixxipli?’—Kol. 3:23.

20, 21. L-inkarigu tagħna għala hu daqstant urġenti, u x’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?

20 Ejja dejjem niftakru li aħna ġejna inkarigati biex nagħmlu xogħol importanti—li nippritkaw u nagħmlu dixxipli. Maʼ kull ġurnata li tgħaddi, l-inkarigu tagħna jsir iktar urġenti. It-tmiem taʼ din is-sistema qed jersaq b’pass mgħaġġel. Qatt qabel ma kien hawn daqstant ħajjiet fil-periklu. Ma nafux kemm iktar uħud b’attitudni xierqa għad iridu jwieġbu għall-messaġġ tagħna. (Atti 13:48) Imma hija r-responsabbiltà tagħna li ngħinu lil uħud bħal dawn qabel ma jkun tard wisq.—1 Tim. 4:16.

21 Għalhekk, huwa vitali li nimitaw l-eżempju taʼ predikaturi żelużi tas-Saltna tal-ewwel seklu. Jalla l-istudju diliġenti tiegħek taʼ din il-pubblikazzjoni jqanqlek tipprietka dejjem b’iktar żelu u qlubija. U jalla d-determinazzjoni tiegħek tiġi msaħħa biex tkompli ‘tagħti xhieda fid-dettall dwar is-Saltna t’Alla.’—Atti 28:23.

DATI IMPORTANTI FIT-TIXRID TAL-KRISTJANITÀ MATUL L-EWWEL SEKLU WK

  1. 33

    Ġesù rxoxtat

    Ġesù jinkariga lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli

    Id-dixxipli midlukin bl-ispirtu qaddis f’Pentekoste

    Il-kongregazzjoni Kristjana stabbilita

  2. ċ. 33-34

    Stiefnu jmut martri

    Jitgħammed l-ewnuku Etjopjan

  3. ċ. 34

    Jikkonverti Sawl taʼ Tarsu

  4. ċ. 34-36

    Sawl jipprietka f’Damasku

  5. ċ. 36

    L-ewwel żjara taʼ Pawlu f’Ġerusalemm bħala segwaċi taʼ Kristu

    Pawlu jżur lil Pietru f’Ġerusalemm (Gal. 1:18)

  6. 36

    Jikkonverti Kornelju

    L-ewwel Ġentili jsiru Kristjani

  7. ċ. 41

    Jinkiteb l-Evanġelju taʼ Mattew

    Il-viżjoni taʼ Pawlu tat-“tielet sema” (2 Kor. 12:2)

  8. ċ. 44

    Agabu jipprofetizza l-ġuħ

    Ġakbu (bin Żebedew) imut martri

    Pietru mitfugħ il-ħabs, meħlus b’mod mirakoluż

  9. 44

    Imut Erodi Agrippa I

  10. ċ. 46

    Ifaqqaʼ l-ġuħ imbassar

    Pawlu jieħu flus u provvisti f’Ġerusalemm

  11. ċ. 47-48

    L-ewwel vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu

  12. ċ. 49

    Il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni f’Antjokja

    Laqgħa f’Ġerusalemm

    Pawlu jikkoreġi lil Pietru (Gal. 2:11-14)

  13. ċ. 49-52

    It-tieni vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu

    Barnaba u Marku jippritkaw f’Ċipru

  14. ċ. 49-50

    Klawdju jkeċċi lil-Lhud minn Ruma

  15. ċ. 50

    Luqa jingħaqad maʼ Pawlu fi Troas

    Il-viżjoni taʼ Pawlu tar-raġel mill-Maċedonja

    Pawlu jżur Filippi

    Il-kongregazzjoni taʼ Filippi stabbilita

    Il-kongregazzjoni taʼ Tessalonika stabbilita

    Pawlu jżur Ateni

  16. ċ. 50-52

    Pawlu jżur Korintu

    Jinkiteb l-1 Tessalonikin

    Jinkiteb Galatin

  17. ċ. 51

    Jinkiteb it-2 Tessalonikin

  18. ċ. 52-56

    It-tielet vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu

  19. ċ. 52-55

    Pawlu jżur Efesu

  20. ċ. 55

    Jinkiteb l-1 Korintin

    Titu jintbagħat Korintu

    Jinkiteb it-2 Korintin

  21. ċ. 56

    Jinkiteb Rumani

    Pawlu jirxoxta lil Ewtiku fi Troas

    Pawlu u Luqa joqogħdu maʼ Filippu f’Ċesarija

    Pawlu arrestat f’Ġerusalemm

  22. ċ. 56-58

    Pawlu priġunier f’Ċesarija

    Jinkiteb l-Evanġelju taʼ Luqa

  23. ċ. 58

    Festu jilħaq flok Feliċ

  24. 58

    Erodi Agrippa II jismaʼ lil Pawlu

  25. ċ. 59-61

    L-ewwel tfigħ il-ħabs taʼ Pawlu f’Ruma

  26. ċ. 60-61

    Jinkiteb Kolossin

    Jinkiteb Efesin

    Jinkiteb Filemon

    Jinkiteb Filippin

  27. ċ. 60-65

    Jinkiteb l-Evanġelju taʼ Marku

  28. ċ. 61

    Jinkiteb Atti

    Jinkiteb Ebrej

  29. ċ. 61-64

    Jinkiteb l-1 Timotju

    Titu jitħalla fi Kreta (Titu 1:5)

    Jinkiteb Titu

  30. q. 62

    Jinkiteb Ġakbu

  31. ċ. 62-64

    Jinkiteb l-1 Pietru

  32. ċ. 64

    Jinkiteb it-2 Pietru

  33. ċ. 65

    It-tieni tfigħ il-ħabs taʼ Pawlu f’Ruma

    Jinkiteb it-2 Timotju

    Titu jitlaq lejn id-Dalmazja (2 Tim. 4:10)

    Jinqatel Pawlu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja