Nagħtu Xhieda bir-Reqqa Dwar is-Saltna t’Alla
1. X’se nikkunsidraw fl-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni mill-ġimgħa li tibda fl-14 taʼ Marzu?
1 Matul il-ġimgħa li tibda fl-14 taʼ Marzu, 2011, se nibdew nikkunsidraw il-ktieb Nagħtu Xhieda bir-Reqqa Dwar is-Saltna t’Alla fl-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni. Din il-pubblikazzjoni tkopri l-ktieb tal-Atti b’tali mod li l-qarrej jistaʼ jħoss l-eċċitament tal-ġrajjiet li ġraw waħda wara l-oħra u li huma mniżżlin fih. Minflok ma jipprovdi kummentarju vers b’vers, il-ktieb Nagħtu Xhieda jislet lezzjonijiet mill-ġrajjiet tal-Atti u jgħinna naraw kif nistgħu napplikawhom personalment.—Rum. 15:4.
2. Spjega xi aspetti tal-ktieb Nagħtu Xhieda.
2 Aspetti tal-Ktieb: L-introduzzjoni f’paġna 2 hija ittra kordjali mill-Ġemgħa li Tiggverna li tesprimi kif tridna nibbenefikaw minn din il-pubblikazzjoni. Minn kapitlu 2 ’il quddiem, hemm frażi li tispjega l-punt prinċipali taʼ kull kapitlu u Skrittura ċitata li tindika s-silta mill-ktieb tal-Atti li se tiġi diskussa. Ħafna kapitli fihom kaxxi informattivi li jagħtu iktar dettalji dwar nies, postijiet, jew ġrajjiet. Marġni wesgħin2201 jagħmluha possibbli għalina biex niktbu noti. Matul il-ktieb hemm stampi mill-isbaħ b’ħafna dettalji li se jgħinuna nġibu quddiem għajnejna ġrajjiet importanti, u fl-aħħar paġna hemm indiċi tal-istampi utli li jispjega x’qed jintwera fid-diversi stampi. Fuq in-naħa taʼ ġewwa tal-qoxra taʼ quddiem u taʼ wara hemm mapep li jgħinuna nsegwu l-progress taʼ sħabna fit-twemmin fl-ewwel seklu hekk kif bdew ixerrdu l-aħbar tajba “sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.”—Atti 1:8.
3. Liema mistoqsijiet importanti se jitwieġbu jekk nistudjaw il-ktieb tal-Atti?
3 Tweġibiet Għal Mistoqsijiet Importanti: Jekk nikkunsidraw il-ktieb tal-Atti se niġu megħjunin nagħrfu b’mod ċar it-tweġibiet għal mistoqsijiet importanti dwar il-ministeru Kristjan. Pereżempju, liema xogħol u messaġġ jidentifika lis-segwaċi veri taʼ Ġesù Kristu? Min jidderieġi x-xogħol tal-ippritkar li qed isir madwar id-dinja, u kif? Il-persekuzzjoni u l-oppożizzjoni joħolqu liema opportunitajiet għall-ministri? Xi rwol għandu l-ispirtu qaddis fil-ministeru tagħna?
4. Kif nistgħu nibbenefikaw bis-sħiħ mill-konsiderazzjoni tagħna taʼ din il-pubblikazzjoni?
4 Sabiex tibbenefika bis-sħiħ, studja l-materjal minn qabel, u pprepara ħalli tieħu sehem fid-diskussjoni tal-kongregazzjoni. Attendi kull laqgħa, u aħseb fil-fond dwar kif tistaʼ tapplika l-lezzjonijiet li titgħallem fil-ministeru persunali tiegħek. Jalla l-konsiderazzjoni tagħna taʼ din il-pubblikazzjoni eċċitanti tqanqalna nagħtu xhieda bir-reqqa dwar is-Saltna t’Alla!—Atti 28:23.