LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jr kap. 6 pp. 67-80
  • “Obdi, Jekk Jogħġbok, Minn Leħen Ġeħova”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Obdi, Jekk Jogħġbok, Minn Leħen Ġeħova”
  • Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​WIEĦED LI GĦANDNA D-​DMIR NOBDU
  • L-​UBBIDJENZA LEJN ĠEĦOVA HIJA KWISTJONI URĠENTI
  • IL-​MAĦFRA TAʼ ĠEĦOVA—MOGĦTIJA B’ĠENEROŻITÀ IMMA MHIX AWTOMATIKA
  • OBDI LIL ĠEĦOVA BILLI TERĠAʼ LURA GĦANDU
  • L-​UBBIDJENZA TISTAʼ TIPPROTEĠIK
  • DAWK LI JOBDU LIL ĠEĦOVA MHUMIEX WAĦEDHOM
  • Qiegħed Tistaqsi Kuljum, “Fejn Hu Ġeħova?”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • “Ma Nistax Noqgħod Sieket”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • “Int Għidilhom Din il-​Kelma”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • “Jien Inserraħ lir-​Ruħ Għajjiena”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
Ara Iżjed
Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
jr kap. 6 pp. 67-80

Kapitlu Sitta

“Obdi, Jekk Jogħġbok, Minn Leħen Ġeħova”

1, 2. Dawk li jsegwu ‘t-​triq popolari,’ spiss x’attitudni jkollhom, u int għaliex għandek tkun differenti?

L-​UBBIDJENZA mhijiex popolari fid-​dinja tal-​lum. Ħafna lanqas ma jieħdu deċiżjonijiet skont gwida ġenerali, bħal ‘Agħmel dak li hu tajjeb.’ Anzi fil-​qosor tistaʼ tgħid li r-​raġunar tagħhom hu ‘Agħmel li trid’ jew ‘L-​aqwa li ma tinqabadx.’ Int tistaʼ tara dan meta sewwieqa ma jobdux il-​liġijiet tat-​traffiku, investituri jiksru l-​istatuti finanzjarji, u uffiċjali għoljin jiksru l-​liġijiet li huma stess forsi għenu biex jintgħamlu. Anki fi żmien Ġeremija, kien komuni li n-​nies jiġru fit-​“triq l-​iktar popolari,” avolja dan hu ħażin u taʼ ħsara.—Ġer. 8:6.

2 Int tirrealizza li dawk li jixtiequ l-​approvazzjoni t’Alla li Jistaʼ Kollox ma jistgħux jaqbdu u jsegwu ‘t-​triq popolari.’ B’mod sinifikanti, Ġeremija għamel kuntrast bejn dawk li ‘m’obdewx leħen Ġeħova’ u dawk li riedu Jobduh. (Ġer. 3:25; 7:28; 26:13; 38:20; 43:4, 7) Aħna għandna nanalizzaw individwalment il-​waqfa tagħna f’dan ir-​rigward. Għala? L-​attakki taʼ Satana fuq l-​integrità tal-​aduraturi veri saru tassew ħorox. Hu qisu serp li jissajja għall-​priża u ħabta u sabta jattakka b’gidma li tistaʼ toqtol. Id-​determinazzjoni tagħna biex nobdu leħen Ġeħova tgħinna nitbiegħdu mis-​snien velenużi taʼ dak is-​serp. Imma kif nistgħu nsaħħu d-​determinazzjoni tagħna biex nobdu ’l Ġeħova? Il-​kitbiet taʼ Ġeremija jistgħu jgħinuna.

Il-​WIEĦED LI GĦANDNA D-​DMIR NOBDU

3. Ġeħova għala jistħoqqlu l-​ubbidjenza tagħna?

3 Ġeħova għala jistħoqqlu l-​ubbidjenza sħiħa tagħna? Ġeremija juri raġuni waħda billi jsejjaħlu “Dak li għamel l-​art bil-​qawwa tiegħu, li b’għerfu waqqaf l-​art produttiva fis-​sod.” (Ġer. 10:12) Ġeħova hu s-​Sovran tal-​univers. Għandu jkollna l-​biżaʼ tiegħu, iktar milli jkollna lejn kull ħakkiem ieħor. Hu għandu d-​dritt assolut jistenna minna li naġixxu fi qbil mal-​kmandi għaqlin tiegħu, li fil-​fatt huma fl-​aħjar interessi dejjiema tagħna.—Ġer. 10:6, 7.

Stampa f’paġna 69

Li tixrob “l-​ilma ħaj” li jagħti Ġeħova jsaħħek biex tobdi

4, 5. (a) X’verità tgħallmu l-​Lhud matul żminijiet taʼ nixfa? (b) L-​abitanti taʼ Ġuda kif ħlew “l-​ilma ħaj” mingħand Ġeħova? (ċ) Kif tistaʼ tixrob “l-​ilma ħaj” li jipprovdi Alla?

4 Iżda Ġeħova, minbarra li hu l-​Ħakkiem Universali, hu wkoll is-​Sostenitur tal-​ħajja—il-​ħajja tagħna. Dan intgħamel ċar b’mod drammatiku lil-​Lhud taʼ żmien Ġeremija. L-​art tal-​Eġittu ddependiet ħafna mill-​ilmijiet taʼ xmara, in-​Nil, imma s-​sitwazzjoni kienet differenti fl-​Art Imwiegħda. Fil-​biċċa l-​kbira, il-​poplu t’Alla ddependa minn xita tal-​istaġuni, u spiss ħażen l-​ilmijiet żejda fi ġwiebi taħt l-​art. (Dt. 11:13-​17) Ġeħova biss setaʼ jibgħat ix-​xita biex din ixxarrab il-​ħamrija ħalli tipproduċi. Mill-​banda l-​oħra, setaʼ wkoll iżomm lura x-​xita meħtieġa. B’hekk, fi żmien Ġeremija, il-​Lhud diżubbidjenti esperjenzaw nixfa devastanti waħda wara l-​oħra u dawn ħallew l-​għelieqi u d-​dwieli xotti għall-​aħħar u l-​bjar u l-​ġwiebi tagħhom vojta.—Ġer. 3:3; 5:24; 12:4; 14:1-​4, 22; 23:10.

5 Waqt li dawk il-​Lhud apprezzaw l-​ilma letterali, huma rrifjutaw “l-​ilma ħaj” li Ġeħova offrielhom b’mod ġeneruż. Huma għamlu dan billi minn jeddhom m’obdewx il-​Liġi t’Alla u billi straħu fuq alleanzi mal-​ġnus taʼ madwarhom. Bħal dawk li meta jiskarsa l-​ilma jferrgħuh f’ġiebja mxaqqa li ma tistax iżżomm l-​ilma fiha, il-​Lhud batew il-​konsegwenzi. (Aqra Ġeremija 2:13; 17:13.) Aħna żgur li għandna raġun li ma nġibux gwaj kbir fuqna stess billi naġixxu bħalhom. Ġeħova jibqaʼ jipprovdilna abbundanza taʼ gwida bbażata fuq il-​Kelma mnebbħa tiegħu. Ovvjament, dak “l-​ilma ħaj” hu taʼ benefiċċju għalina jekk biss nistudjawh regolarment u nħabirku biex ngħixu fi qbil miegħu.

6. (a) Iddeskrivi l-​attitudni tas-​Sultan Sedekija lejn li jobdi lil Ġeħova. (b) Għaliex taħseb li s-​sultan ma kienx għaqli?

6 Hekk kif qorob jum ir-​rendikont t’Alla maʼ Ġuda, l-​ubbidjenza saret iktar u iktar importanti. Jekk Lhud individwali riedu jirċievu l-​approvazzjoni u l-​protezzjoni taʼ Ġeħova, kellhom jindmu u jibdew jobduh. Is-​Sultan Sedekija ffaċċja din l-​għażla. Hu ma kienx sod għal dak li hu tajjeb. Meta dawk taʼ taħtu qalulu li riedu joqtlu lil Ġeremija, hu ma kellux il-​ħila jiqfilhom. Bħalma rajna fil-​kapitlu taʼ qabel, il-​profeta salva minn dan l-​attentat fuq ħajtu bl-​għajnuna t’Għebed-​melek u iktar tard hu ħeġġeġ lil Sedekija: “Obdi, jekk jogħġbok, minn leħen Ġeħova.” (Aqra Ġeremija 38:4-​6, 20.) Jidher ċar li għall-​ġid tiegħu stess, is-​sultan kellu jiddeċiedi: Se nobdi jien lil Alla?

Għala kien xieraq li Ġeremija jħeġġeġ lil-​Lhud darba wara l-​oħra biex jobdu ’l Alla?

L-​UBBIDJENZA LEJN ĠEĦOVA HIJA KWISTJONI URĠENTI

7. X’inhuma xi sitwazzjonijiet fejn tistaʼ tiġi mġarrba l-​ubbidjenza tiegħek?

7 L-​ubbidjenza hija importanti llum daqskemm kienet fi żmien Ġeremija. Kemm hi b’saħħitha d-​determinazzjoni tiegħek biex tobdi lil Ġeħova? Jekk bi żball tara websajt pornografiku fuq l-​Internet, se tibqaʼ tħares lejh jew se tiġġieled kontra kwalunkwe tentazzjoni u toħroġ minnu? Xi ngħidu jekk xi ħadd li ma jemminx fuq ix-​xogħol jew fl-​iskola jistaqsik toħroġ miegħu? Kapaċi tirrifjutah? Letteratura jew siti fuq l-​Internet li huma apostati kieku jħajruk jew jimbottawk? F’dawn is-​sitwazzjonijiet u f’oħrajn, żomm f’moħħok il-​kliem taʼ Ġeremija 38:20.

8, 9. (a) Għaliex hu għaqli li tagħti widen meta l-​anzjani jipprovaw jgħinuk? (b) Kif għandek tħares lejn il-​parir li tingħata iktar minn darba mill-​anzjani?

8 Ġeħova spiss bagħat lil Ġeremija għand il-​poplu Tiegħu bi tħeġġiġ bħal: “Duru lura, jekk jogħġobkom, kull wieħed minnkom minn triqtu l-​ħażina, u rranġaw triqatkom u l-​għemejjel tagħkom.” (Ġer. 7:3; 18:11; 25:5; aqra Ġeremija 35:15.) B’mod simili, l-​anzjani Kristjani llum jagħmlu l-​almu tagħhom biex jgħinu lill-​aduraturi sħabhom li jkunu f’periklu spiritwali. Jekk xi darba l-​anzjani jagħtuk parir biex tevita li taġixxi b’nuqqas t’għaqal jew b’mod żbaljat, agħtihom widen. Il-​mira tagħhom hi bħal dik taʼ Ġeremija.

9 L-​anzjani jafu jfakkruk fi prinċipji Skritturali li diġà wrewk. Ifhem li qatt mhu faċli li tirripeti l-​istess parir, imma dan isir jerġaʼ iktar diffiċli jekk dak li jeħtieġ l-​għajnuna juri attitudni bħal dik taʼ ħafna mil-​Lhud li semgħu lil Ġeremija. Ipprova ħares lejn l-​isforzi ripetuti tal-​anzjani bħala turijiet tal-​imħabba taʼ Ġeħova. Agħraf ukoll li Ġeremija ma kienx ikollu għalfejn jirripeti t-​twissijiet tiegħu kieku l-​Lhud laqgħu kliemu. Iva, tistaʼ tevita li terġaʼ tingħata l-​istess parir billi tapplika l-​parir fil-​pront.

Stampa f’paġna 70

Meta l-​anzjani jipprovaw jgħinuk, agħtihom widen

IL-​MAĦFRA TAʼ ĠEĦOVA—MOGĦTIJA B’ĠENEROŻITÀ IMMA MHIX AWTOMATIKA

10. Ġeħova għala ma jaħfirx id-​dnubiet kif ġieb u laħaq?

10 Ma nistgħux nobdu lil Ġeħova b’mod perfett f’din is-​sistema, nipprovaw kemm nipprovaw. Għalhekk, nirringrazzjawh talli hu lest li jaħfer in-​nuqqasijiet tagħna. Xorta waħda hu ma jiskużaniex kif ġieb u laħaq. Għala le? Għax id-​dnub hu xi ħaġa li Ġeħova ma jġerragħx. (Is. 59:2) Minħabba dan, hu jrid ikun ċert li aħna jistħoqqilna l-​maħfra tiegħu.

11. Għala hu impossibbli li tgħaddiha lixxa fejn jidħlu dnubiet bil-​moħbi?

11 Bħalma semmejna, ħafna Lhud fi żmien Ġeremija ħaduha drawwa li ma jobdux lil Alla, u b’hekk abbużaw mill-​paċenzja u l-​ħniena tiegħu. Jistaʼ qaddej t’Alla llum jiżviluppa tendenza simili? Iva, jekk hu jew hi tinjora t-​tfakkiriet taʼ Ġeħova u tibda tidneb. F’xi każi, dan ġara fil-​beraħ, bħal meta xi ħadd jidħol fi żwieġ fejn wieħed mill-​imseħbin, jew it-​tnejn li huma, mhuwiex ħieles skritturalment biex jerġaʼ jiżżewweġ. Imma anki jekk dnub isir bil-​moħbi, dak li mhux qed jobdi lil Ġeħova qiegħed fi triq perikoluża. Individwu li jgħix ħajja doppja għandu mnejn jaħseb, ‘Mhux se ninqabad.’ Però, ir-​realtà hi li Alla jgħarrex fl-​imħuħ u fil-​qlub u jistaʼ jara x’jiġri bejn erbaʼ ħitan. (Aqra Ġeremija 32:19.) X’għandu jsir jekk xi ħadd tassew m’obdiex lil Alla?

12. L-​anzjani kultant xi jkollhom jagħmlu biex jipproteġu l-​kongregazzjoni?

12 Ħafna Lhud ħarsu b’disprezz lejn l-​għajnuna li offra Ġeħova darba wara l-​oħra permezz taʼ Ġeremija. Bl-​istess mod, wieħed li jkun ħati taʼ dnub serju llum għandu mnejn ma jindimx u jiċħad l-​għajnuna tal-​anzjani. F’dan il-​każ, l-​anzjani jkollhom isegwu d-​direzzjoni Skritturali biex jipproteġu l-​kongregazzjoni billi jaqtgħu lill-​midneb mis-​sħubija. (1 Kor. 5:11-​13; ara l-​kaxxa “Ħajja Mingħajr Liġi,” f’paġna 73.) Imma jfisser dan li m’hemmx tama għalih u li qatt ma jistaʼ jerġaʼ jikseb il-​favur taʼ Ġeħova? Le. L-​Iżraelin kienu ilhom ribellużi; xorta waħda Alla qal: “Erġgħu lura, ulied ribelli. Jien infejjaqkom mill-​qagħda ribelluża li tinsabu fiha.” (Ġer. 3:22)a Ġeħova jistieden lill-​midinbin biex jerġgħu lura għandu. Tabilħaqq, hu jidderiġihom biex jagħmlu dan.

ĦAJJA MINGĦAJR LIĠI

Kif kienet il-​ħajja fost il-​Lhud wara l-​qerda taʼ Ġerusalemm? Ġeremija jagħtina lemħa fil-​Lamentazzjonijiet 2:9. Is-​swar tal-​belt kienu ġġarrfu, forsi anke l-​bibien li qabel kienu pproteġew il-​belt. Imma agħar minn hekk, ‘ma kienx hemm liġi.’ Fisser Ġeremija li dawk li kienu salvaw kienu saru bħal marmalja bla kontroll? X’aktarx kien qed jirreferi għat-​telfien tas-​sigurtà spiritwali u l-​faraġ li l-​Lhud kienu darba gawdew meta l-​qassisin u l-​profeti leali kienu għallmuhom il-​Liġi t’Alla. Il-​profeti foloz li issa kienu qed jgħallmu lin-​nies ma kienu qed joffru l-​ebda ‘viżjoni,’ jew gwida, reali minn Ġeħova; dawk il-​“viżjonijiet” li raw kienu bla siwi.—Lam. 2:14.

Wieħed li ġie maqtugħ mis-​sħubija tal-​kongregazzjoni Kristjana jistaʼ jinduna li qiegħed f’sitwazzjoni simili. Il-​ħbiberija dħulija li darba gawda mal-​aħwa spiritwali tiegħu issa spiċċat, l-​istess kif għamlet l-​attenzjoni kollha mħabba mill-​anzjani. U hu tbiegħed mill-​istruzzjoni spiritwali vitali li kien gawda. Fid-​dinja fejn “m’hemmx liġi” minn Ġeħova, wisq probabbli hu jħoss vojt kbir. Minkejja dan, hu jistaʼ jerġaʼ lura għal waqfa approvata quddiem Ġeħova u jerġaʼ jgawdi barkiet għonja. (2 Kor. 2:6-​10) Però, żgur taqbel li jkun bil-​wisq aħjar li tobdi lil Ġeħova u qatt ma ssir mingħajr liġi.

Għala hu għaqli li nfittxu l-​maħfra t’Alla meta nidinbu?

OBDI LIL ĠEĦOVA BILLI TERĠAʼ LURA GĦANDU

13. Jekk xi ħadd irid jerġaʼ lura għand Ġeħova, xi jrid jirrikonoxxi?

13 Sabiex jerġaʼ lura għand Alla, kif qal Ġeremija, hemm bżonn li dak li jkun jistaqsi lilu nnifsu, ‘X’għamilt?’ Imbagħad, fid-​dawl tal-​livelli Skritturali għandu jaċċetta t-​tweġiba onesta. Il-​Lhud fi żmien Ġeremija li ma nidmux evitaw din il-​mistoqsija. Huma rrifjutaw li jagħrfu sa liema punt kienu dinbu, allura Ġeħova ma ħafrilhomx għax ma setax jaħfrilhom. (Aqra Ġeremija 8:6.) B’kuntrast, midneb niedem jirrikonoxxi li billi m’obdiex lil Ġeħova, hu ġab tkażbir fuq isem Alla u fuq il-​kongregazzjoni Kristjana. Dak li tassew ikun niedem ikun ukoll imnikket għall-​aħħar minħabba l-​ħsara li setaʼ għamel lil nies innoċenti. Għandu jagħraf li t-​talba tiegħu għall-​maħfra se tkun biss taʼ valur għal Ġeħova meta jirrikonoxxi l-​effett sħiħ tal-​għemejjel ħżiena tiegħu. Xorta waħda, li wieħed jerġaʼ jkun approvat minn Alla jinvolvi iktar minn hekk.

14. Persuna kif ‘terġaʼ lura għand Ġeħova’? (Inkludi l-​kaxxa “X’Inhi l-​Indiema?”)

14 Bniedem tassew niedem jifli l-​motivi, ix-​xewqat, u d-​drawwiet tiegħu. (Aqra Lamentazzjonijiet 3:40, 41.) Hu se jeżamina aspetti f’ħajtu fejn juri dgħufija, bħal pereżempju, il-​ħbiberija tiegħu maʼ tas-​sess oppost, l-​użu tiegħu tal-​alkoħol jew it-​tabakk, l-​użu tal-​Internet, jew l-​attivitajiet tan-​negozju. L-​istess bħalma mara tad-​dar togħrok anke l-​irkejjen moħbijin fil-​kċina biex iżżomm darha nadifa u sanitarja, bniedem niedem għandu jaħdem iebes biex inaddaf ħsiebu u l-​azzjonijiet persunali tiegħu. Għandu ‘jerġaʼ lura għand Ġeħova’ billi jagħmel dak li jistenna minnu Alla u jġib ħajtu fi qbil mal-​livelli Tiegħu. Xi Lhud fi żmien Ġeremija reġgħu lura għand Ġeħova “b’mod falz.” Huma għamlu tabirruħhom li kien iddispjaċiehom imma qatt ma biddlu qalbhom jew ħajjithom. (Ġer. 3:10) Kuntrarju għalihom, dak li ġenwinament jitlob għall-​maħfra ma jipprovax jidħaq b’Ġeħova jew bil-​kongregazzjoni Tiegħu. Minflok ma sempliċement ikun irid jiġbor ġieħu jew jerġaʼ jikseb is-​sħubija tal-​qraba jew oħrajn fil-​verità, hu jrid jagħti dahru kompletament għall-​affarijiet ħżiena li għamel u juri li jistħoqqlu l-​maħfra u l-​favur t’Alla.

X’INHI L-​INDIEMA?

Il-​kliem Ebrajk u Grieg fil-​Bibbja li hu konness mal-​indiema għandu x’jaqsam mal-​attitudni taʼ dak li jkun; dan l-​individwu jibdel fehemtu rigward il-​mod ħażin kif aġixxa jew kif kien se jaġixxi. Dan il-​kliem ukoll jiddeskrivi s-​sentimenti li jkollu bniedem bħal dan, inkluż id-​dispjaċir u l-​faraġ. (2 Sam. 13:39; Ġob 42:6) Il-​Bibbja tagħmilha ċara li l-​indiema vera tinvolvi azzjonijiet motivati minn emozzjonijiet b’saħħithom u mill-​qalb. Dan it-​tip taʼ ndiema hu dak li Ġeħova jfittex f’dawk kollha li jgħidu li jindmu minn dnubiethom.—Ġer. 31:18, 19.

15. X’tip taʼ talb joffri lil Alla bniedem li tassew ikun niedem?

15 It-​talb huwa parti vitali mill-​indiema. Fil-​qedem, kien komuni li n-​nies jgħollu jdejhom lejn is-​sema meta jitolbu. Illum, meta xi ħadd li tassew ikun niedem jitlob, hu ‘jgħolli qalbu flimkien maʼ jdejh fit-​talb lil Alla,’ kif esprimieha Ġeremija. (Lam. 3:41, 42) Il-​fatt li l-​midneb niedem iħossu dispjaċut jimmotivah biex iġib il-​kondotta tiegħu fi qbil mat-​talba għall-​maħfra. It-​talb tiegħu hu sinċier għax ġej mill-​fond taʼ qalbu.

Stampa f’paġna 75

‘Għala ma tajtx widen?’

16. Għala hu raġunevoli li terġaʼ lura għand Alla?

16 Bla dubju, int tirrealizza li midneb li verament jammetti l-​iżbalji tiegħu jistaʼ jkollu jegħleb il-​kburija tiegħu. Imma din hi xi ħaġa importanti: Ġeħova jrid lill-​midinbin jerġgħu lura għandu. Meta Alla jara sogħba ġenwina f’qalb il-​bniedem, qalbu stess tintmess. Hu ‘jitqanqal’ b’sentimenti teneri għax irid jaħfer lil kull min jindem minn dnubietu, l-​istess kif għamel lill-​Iżraelin li reġgħu lura mill-​eżilju. (Ġer. 31:20) Kemm hu rassiguranti li nkunu nafu li Alla joffri paċi u tama lil dawk li jobduh! (Ġer. 29:11-​14) Huma jistgħu għal darb’oħra jkollhom post fost il-​qaddejja devoti t’Alla.

L-​UBBIDJENZA TISTAʼ TIPPROTEĠIK

17, 18. (a) Min kienu r-​Rekabin? (b) Kif jidher f’paġna 77, għal xiex huma magħrufin?

17 L-​ubbidjenza sħiħa lejn Ġeħova hija l-​iktar ħaġa għaqlija. Nistgħu naraw dan mill-​eżempju tar-​Rekabin fi żmien Ġeremija. Iktar minn żewġ sekli qabel, l-​antenat Keni tagħhom Ġeħonadab, li lealment ħa waqfa favur Ġeħu, kien tahom għadd taʼ kmandi restrittivi. Wieħed minnhom kien biex ma jixorbux inbid. Ġeħonadab kien ilu mejjet, imma r-​Rekabin baqgħu jobduh. Biex jipprovahom, Ġeremija ħadhom f’kamra tal-​ikel fit-​tempju, poġġa l-​inbid quddiemhom, u ħeġġiġhom jixorbu. Huma qalulu: “M’aħniex se nixorbu nbid.”—Ġer. 35:1-​10.

18 Għar-​Rekabin kien importanti li jobdu lill-​antenat tagħhom li kien ilu mejjet. B’diliġenza saħansitra akbar, l-​aduraturi veri għandhom jobdu l-​kmandi tal-​Alla l-​ħaj. Id-​determinazzjoni tar-​Rekabin biex jobdu impressjonat lil Ġeħova, u għamlithom jispikkaw bħala differenti ħafna mil-​Lhud diżubbidjenti. Alla wiegħed lir-​Rekabin li jipproteġihom mill-​gwaj li kien riesaq. Jekk napplikaw din il-​lezzjoni llum, mhuwiex raġunevoli li dawk li jobdu lil Ġeħova bis-​sħiħ huma assigurati mill-​protezzjoni tiegħu matul it-​tribulazzjoni l-​kbira?—Aqra Ġeremija 35:19.

Stampa f’paġna 77

L-​indiema minn dnub serju għala hi aspett importanti tal-​ubbidjenza? L-​ubbidjenza kif tistaʼ tgħin lil dak li jkun biex jevita l-​bżonn li jindem?

DAWK LI JOBDU LIL ĠEĦOVA MHUMIEX WAĦEDHOM

19. Alla xi protezzjoni jistaʼ jagħtik jekk tobdih?

19 Il-​ħarsien protettiv t’Alla għall-​poplu tiegħu m’għandux jitqies bħala xi ħaġa tal-​passat. Anke issa, Ġeħova jipproteġi lil dawk ubbidjenti minn periklu spiritwali. Bħalma sur għoli pproteġa lill-​bliet tal-​qedem minn attakk, hekk il-​liġi t’Alla tipproteġi ’l dawk li jistudjawha u jibqgħu japplikawha. Se tibqaʼ int wara s-​sur protettiv tal-​liġijiet morali t’Alla? Tistaʼ tkun ċert li jaħbatlek tajjeb jekk tagħmel hekk. (Ġer. 7:23) Ħafna esperjenzi jagħtu prova taʼ dan.—Ara l-​kaxxa “L-​Ubbidjenza Lejn Ġeħova Ġġib il-​Protezzjoni.”

20, 21. (a) Minn xiex tistaʼ tkun ċert hekk kif taqdi lil Ġeħova? (b) Is-​Sultan Ġeħojakim kif irreaġixxa għall-​messaġġ t’Alla permezz taʼ Ġeremija?

20 L-​opponenti jagħmluha taʼ sfida li taqdi lil Alla, kemm jekk huma fil-​familja, kemm fuq il-​post tax-​xogħol jew tal-​iskola, kif ukoll fost l-​awtoritajiet fejn tgħix. Iżda, tistaʼ tkun ċert li jekk dejjem tobdi bis-​sħiħ lil Ġeħova, hu se jappoġġak anke fl-​iktar sitwazzjonijiet diffiċli. Tinsiex—Alla wiegħed li jappoġġa lil Ġeremija matul l-​oppożizzjoni ħarxa li kien se jiffaċċja, u Ġeħova proprju hekk għamel. (Aqra Ġeremija 1:17-​19.) Waħda mid-​drabi li l-​appoġġ t’Alla deher ċar kien fi żmien is-​Sultan Ġeħojakim.

21 Ftit kien hemm ħakkiema t’Iżrael li opponew il-​kelliema t’Alla daqskemm opponiehom b’qilla Ġeħojakim. Nistgħu naraw dan fil-​każ tal-​profeta Urija, li kien jgħix fi żmien Ġeremija. Is-​sultan mill-​agħar Ġeħojakim kien lest li jaqsam fruntieri internazzjonali biex jaqbdu. Meta l-​profeta taʼ Ġeħova, Urija, inġieb lura, is-​sultan qatlu. (Ġer. 26:20-​23) Fir-​rabaʼ sena tal-​ħakma taʼ Ġeħojakim, Ġeħova kkmanda lil Ġeremija biex iniżżel bil-​miktub il-​kliem kollu li Hu kien qal sa dak iż-​żmien u biex imbagħad jaqrah b’leħen għoli fit-​tempju. Ġeħojakim akkwista r-​romblu taʼ Ġeremija u qabbad lil uffiċjal tas-​sultan jaqrahulu. Waqt il-​qari, is-​sultan qattaʼ d-​dokument u xeħtu biċċa biċċa fin-​nar, avolja xi prinċpijiet ħeġġewh biex ma jagħmilx dan. Imbagħad, bagħat xi rġiel biex jarrestaw lil Ġeremija u lil Baruk. X’ġara? “Ġeħova żammhom moħbijin.” (Ġer. 36:1-​6; aqra Ġeremija 36:21-​26.) Ġeħova ma ħalliex lil Ġeħojakim jagħmel ħsara lil dawk iż-​żewġt irġiel leali.

L-​UBBIDJENZA LEJN ĠEĦOVA ĠĠIB IL-​PROTEZZJONI

Xhud żagħżugħ fi Spanja bbenefika bil-​kbir għax obda lil Ġeħova. Hu jikteb: “Fl-​iskola, tfajla fil-​klassi tiegħi riditni noħroġ magħha. Tgħidx kemm kienet ħelwa, imma f’qalbi kont naf li hu perikoluż li noħroġ maʼ xi ħadd li ma jħobbx lil Ġeħova.

“Kważi fl-​istess żmien, sħabi tal-​klassi kienu qed jagħmluli pressjoni biex nattendi party tal-​aħħar tas-​sena. Meta tajthom ir-​raġunijiet Bibliċi għala ma kontx se mmur, bdew jgħajruni. Ħassejtni mwarrab. Tkellimt dwar il-​problema m’anzjan fil-​kongregazzjoni tiegħi. Hu staqsieni, ‘Jistgħu dawk li ma jirrispettawx id-​deċiżjonijiet u l-​livelli morali tiegħek tassew ikunu ħbiebek?’ Dan il-​kliem saħħaħni u għenni nirreżisti l-​pressjoni minn dawk tal-​klassi.

“Kemm jien grat li għamilt dan. F’dak il-​party, tfajla ġiet stuprata. Fl-​istess lejla, tlieta minn sħabi tal-​klassi weġġgħu serjament f’inċident bil-​karozza għax is-​sewwieq kien xurban. Li kieku mort dak il-​party, stajt kont fil-​karozza magħhom. Nirringrazzja lil Ġeħova talli saħħaħni biex nobdih meta ffaċċjajt il-​pressjoni minn dawk tampari fl-​iskola.”

22, 23. X’titgħallem dwar l-​appoġġ t’Alla mill-​esperjenza taʼ Xhud fl-​Asja ċentrali?

22 Jekk jidhirlu li hu xieraq, Ġeħova jistaʼ jaħbi wkoll lill-​qaddejja tiegħu llum mill-​periklu. Imma iktar spiss, hu jagħtihom il-​kuraġġ u l-​għerf biex jobduh u jibqgħu jippritkaw l-​aħbar tajba. Omm waħedha li se nsejħulha Gulistan għandha erbat itfal. Hi kellha l-​appoġġ taʼ Ġeħova. Għal xi żmien, kienet l-​unika Xhud f’territorju kbir fl-​Asja ċentrali fejn l-​awtoritajiet jopponu l-​ippritkar tas-​Saltna. L-​iktar kongregazzjoni fil-​viċin hi iktar minn 400 kilometru ’l bogħod, u għalhekk Gulistan rari jkollha s-​sħubija taʼ Kristjani maturi. Minkejja l-​oppożizzjoni u problemi oħrajn, hi tipprietka minn dar għal dar u ssib ħafna wħud interessati. Skont rapport reċenti, kienet qed tikkonduċi studji tal-​Bibbja maʼ xi 20 persuna u tieħu ħsieb grupp taʼ nagħaġ li dejjem jikber taʼ Ġeħova.

23 L-​istess bħalma għen lil Ġeremija u lil Xhieda bħal Gulistan, Alla lest li jgħin lilek u lill-​qaddejja ubbidjenti oħrajn tiegħu. Kun determinat li tobdi lilu bħala Ħakkiem u mhux lill-​bnedmin. Imbagħad, l-​oppożizzjoni u ostakli oħrajn mhumiex se jżommuk lura milli tfaħħar pubblikament lill-​uniku Alla veru quddiem dawk fit-​territorju tiegħek.—Ġer. 15:20, 21.

24. Kif tistaʼ tibbenefika issa jekk tobdi?

24 Il-​ferħ u s-​sodisfazzjon veru fil-​ħajja ma jistgħux jinkisbu jekk ngħixu ħajja indipendenti mill-​Ħallieq tagħna. (Ġer. 10:23) Wara li studjajt dak li kiteb Ġeremija dwar l-​ubbidjenza, qed tara xi modi kif tistaʼ tħalli lil Ġeħova jidderieġi l-​passi tiegħek iktar bis-​sħiħ? Il-​kmandi tiegħu jifformaw l-​unika gwida għall-​għajxien li twassal għal ferħ u suċċess taʼ veru. “Obdu minn leħni,” iħeġġeġ Ġeħova, “sabiex jaħbtilkom tajjeb.”—Ġer. 7:23.

B’konnessjoni mar-​relazzjoni tiegħek m’Alla, kif tistaʼ tapplika l-​lezzjonijiet dwar l-​ubbidjenza li jinsabu fil-​ktieb taʼ Ġeremija?

a Hawnhekk Ġeħova kien qed ikellem lis-​saltna t’Iżrael tat-​Tramuntana. In-​nies taʼ dik is-​saltna t’għaxar tribujiet kienu ilhom fl-​eżilju għal xi 100 sena meta Ġeremija wassal dan il-​messaġġ. Hu għaraf li sa żmienu, dak il-​ġens kien għadu ma nidimx. (2 Slat. 17:16-​18, 24, 34, 35) Minkejja dan, individwi setgħu jerġgħu lura għall-​favur t’Alla u saħansitra jerġgħu lura mill-​eżilju.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja