LEZZJONI 23
Il-Letteratura Tagħna Kif Tinkiteb u Tiġi Tradotta?
Id-Dipartiment tal-Kitba, l-Amerika
Il-Korea t’Isfel
L-Armenja
Il-Burundi
Sri Lanka
Sabiex nagħmlu l-aħjar tagħna biex inxandru l-“aħbar tajba . . . lil kull ġens u tribù u lsien u poplu,” nipproduċu letteratura b’madwar 750 lingwa. (Rivelazzjoni 14:6) Kif jirnexxilna nwettqu dan ix-xogħol taʼ sfida? Nagħmluh bl-għajnuna taʼ kittieba internazzjonali u grupp taʼ tradutturi dedikati—ilkoll Xhieda taʼ Ġeħova.
Il-kitba oriġinali tiġi preparata bl-Ingliż. L-attività tad-Dipartiment tal-Kitba fil-kwartieri ġenerali tagħna qiegħda taħt il-ħarsien tal-Ġemgħa li Tiggverna. Dan id-dipartiment jikkoordina l-inkarigi tal-kittieba li jaqdu fil-kwartieri ġenerali u f’ċerti uffiċċji tal-fergħa. Minħabba li għandna varjetà taʼ kittieba, dan jippermettilna niktbu dwar suġġetti li jeffettwaw lin-nies minn kulturi differenti, u b’hekk il-pubblikazzjonijiet tagħna jingħoġbu min-nies taʼ diversi nazzjonijiet.
Il-kitba tintbagħat lit-tradutturi. Wara li l-kitba tkun ġiet editjata u approvata, din tintbagħat elettronikament lil timijiet taʼ tradutturi madwar id-dinja biex jittraduċu, jiċċekkjaw, u jagħmlu l-qari tal-provi. Jagħmlu sforz biex jagħżlu l-“kliem korrett u veru” ħalli bil-lingwa tagħhom joħroġ it-tifsir kollu tal-Ingliż.—Ekkleżjasti 12:10.
Il-kompjuters iħaffu l-proċess. Kompjuter ma jistax jagħmel ix-xogħol taʼ kittieba u tradutturi umani. Madankollu, ix-xogħol tagħhom jistaʼ jitħaffef billi jużaw dizzjunarji u programmi tal-lingwa u tar-riċerka fuq il-kompjuter. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ħalqu programm li jismu Multilanguage Electronic Publishing System (MEPS) (sistema elettronika għall-pubblikazzjonijiet b’ħafna lingwi). Dan jippermettilhom idaħħlu l-kitba b’mijiet taʼ lingwi, ipoġġu l-kitba mal-istampi, u jħejju d-dokument għall-istampar.
Għala nagħmlu dan l-isforz kollu, anki għal lingwi li huma mitkellma minn ftit eluf taʼ nies biss? Għax hija r-rieda taʼ Ġeħova “li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.”—1 Timotju 2:3, 4.
Kif issir il-kitba għall-pubblikazzjonijiet tagħna?
Għala nittraduċu l-letteratura tagħna b’daqstant lingwi?