LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 11/1 pp. 17-21
  • “Tiegħi l-Fidda u Tiegħi d-Deheb”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Tiegħi l-Fidda u Tiegħi d-Deheb”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ix-​Xogħol Kif Inhu Finanzjat?
  • Pubblikazzjonijiet b’437 Lingwa
  • Titjib fil-​Kwalità tat-​Traduzzjoni
  • Kliem li Jmiss il-​Qalb
  • “Aħna Ħaddiema Sħab m’Alla”
  • Naqdu lil Alla b’“Qalb u Ruħ Waħda”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Issib Int Ferħ fil-‘Privileġġ li Tagħti b’Qalb Tajba’?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Għoti bil-Ferħ mill-Qalb
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • ‘Ħa Nippreżentaw Offerta lil Ġeħova’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 11/1 pp. 17-21

“Tiegħi l-​Fidda u Tiegħi d-​Deheb”

FIS-​SITT seklu Q.E.K., is-​Sultan Ċiru tal-​Persja ħeles lill-​poplu t’Alla mill-​jasar f’Babilonja. Eluf minnhom irritornaw lejn Ġerusalemm biex jibnu mill-​ġdid it-​tempju taʼ Ġeħova li kien tħalla ħerba. Il-​qagħda ekonomika taʼ dawk li rritornaw ma kinitx stabbli, u ġirien ostili opponew il-​bini mill-​ġdid tat-​tempju. Għalhekk, xi wħud mill-​bennejja ddubitaw jekk qattx kienu se jlestu dan il-​proġett importanti ħafna.

Permezz tal-​profeta tiegħu Ħaggaj, Ġeħova assigura lill-​bennejja li Hu kien magħhom. “Inqanqal il-​ġnus kollha, u l-​ġid kollu tal-​popli jiġi kollu hawn, u nimla dan it-​tempju bil-​glorja,” qal Alla. Rigward it-​tħassib ekonomiku tal-​bennejja, Ħaggaj wassal dan il-​messaġġ: “Tiegħi l-​fidda u tiegħi d-​deheb, oraklu tal-​Mulej taʼ l-​eżerċti.” (Ħaggaj 2:​7-9) Fi żmien ħames snin minn mindu Ħaggaj qal dan il-​kliem inkuraġġanti, il-​proġett tlesta.​—Esdra 6:​13-​15.

Il-kliem taʼ Ħaggaj qanqal ukoll lill-​qaddejja t’Alla fi żminijiet reċenti matul proġetti kbar marbutin mal-​qima taʼ Ġeħova. Fl-​1879, meta l-​klassi taʼ l-​ilsir leali u għaqli bdiet tippubblika din ir-​rivista, dak iż-​żmien imsejħa Zion’s Watch Tower and Herald of Christ’s Presence, kien fiha l-​istqarrija li ġejja: “Aħna nemmnu li ĠEĦOVA hu l-​wieħed li jappoġġa lil ‘Zion’s Watch Tower,’ u ladarba dan il-​fatt huwa minnu din [l-organizzazzjoni] qatt m’hi se tittallab jew titlob lin-​nies għall-​appoġġ. Meta Hu, il-​wieħed li jgħid: ‘Id-​deheb u l-​fidda kollha tal-​muntanji huma tiegħi,’ jonqos milli jipprovdi l-​fondi neċessarji, aħna nifhmu li jkun iż-​żmien li nwaqqfu l-​ippubblikar.”

L-ippubblikar qatt ma twaqqaf. Ġew stampati 6,000 kopja taʼ l-​ewwel ħarġa, bl-​Ingliż biss. Illum jiġu stampati bejn wieħed u ieħor 28,578,000 kopja minn kull ħarġa, b’161 lingwa.a Mill-​Awake!, ir-​rivista li tmur id f’id mat-​Torri taʼ l-​Għassa, jiġu stampati bejn wieħed u ieħor 34,267,000 kopja, b’81 lingwa.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jibdew ħafna proġetti li għandhom l-​istess skop tat-​Torri taʼ l-​Għassa​—dak li jeżalta lil Ġeħova bħala l-​Mulej Sovran taʼ l-​univers u li jħabbar l-​aħbar tajba tas-​Saltna tiegħu. (Mattew 24:14; Rivelazzjoni 4:​11) Il-​konvinzjoni tax-​Xhieda llum hija bħal dik imniżżla f’din ir-​rivista fl-​1879. Huma jemmnu li Alla qed jappoġġa x-​xogħol tagħhom u li l-​fondi se jkunu disponibbli għal proġetti li għandhom il-​barka tiegħu. Però, l-​attivitajiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova kif inhuma finanzjati b’modi li nistgħu narawhom? U liema tipi taʼ proġetti qed jagħmlu sabiex jippridkaw l-​aħbar tajba madwar id-​dinja kollha?

Ix-​Xogħol Kif Inhu Finanzjat?

Hekk kif jippridkaw pubblikament, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova spiss jisimgħu l-​mistoqsija, “Titħallsu għal dan ix-​xogħol?” It-​tweġiba hija le, ma jitħallsux. Huma jagħtu mill-​ħin tagħhom minn jeddhom. Dawn il-​predikaturi jqattgħu ħafna sigħat jitkellmu m’oħrajn dwar Ġeħova u l-​wegħda fil-​Bibbja għal futur aħjar għaliex huma motivati mill-​gratitudni. Huma japprezzaw dak li Alla għamel għalihom u kemm il-​messaġġ taʼ l-​aħbar tajba tejjeb il-​ħajja u l-​ħarsa tagħhom stess. Għalhekk, huma jridu jaqsmu dawn l-​affarijiet tajbin m’oħrajn. Billi jagħmlu dan, huma jsegwu l-​prinċipju li qal Ġesù: “Irċivejtu b’xejn, agħtu b’xejn.” (Mattew 10:8) Tabilħaqq, ix-​xewqa tagħhom li jkunu xhieda għal Ġeħova u Ġesù tqanqalhom biex jonfqu l-​flus minn buthom stess sabiex jaqsmu t-​twemmin tagħhom man-​nies, saħansitra maʼ dawk li jgħixu ’l bogħod minnhom.​—Isaija 43:10; Atti 1:8.

L-ammont kbir taʼ dan ix-​xogħol taʼ ppridkar u l-​mezzi użati biex isir​—stamperiji, uffiċċji, Swali taʼ l-​Assembleat, djar missjunarji, u affarijiet oħrajn​—​jirrikjedi spejjeż kbar. Il-​flus minfejn jiġu? Il-​kontribuzzjonijiet volontarji jkopru dawn l-​ispejjeż kollha. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jitolbux lill-​membri tagħhom fil-​kongregazzjonijiet biex jagħtu l-​flus ħalli jappoġġaw l-​attivitajiet organizzazzjonali, u lanqas ma jitolbu l-​flus għall-​pubblikazzjonijiet li jqassmu. Jekk xi ħadd ikun irid jagħti donazzjoni biex jappoġġa l-​attività edukattiva tagħhom, ix-​Xhieda b’ferħ jaċċettawha. Ejja nikkunsidraw x’inhu involut f’aspett wieħed biss mill-​isforzi biex l-​aħbar tajba tiġi pridkata madwar id-​dinja kollha​—it-​traduzzjoni.

Pubblikazzjonijiet b’437 Lingwa

Għal għaxriet taʼ snin il-​pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu fost l-​iktar pubblikazzjonijiet tradotti b’lingwi oħrajn madwar id-​dinja. Fuljetti, browxers, rivisti, u kotba ġew tradotti f’437 lingwa. M’għandniex xi ngħidu, it-​traduzzjoni, bħall-​attivitajiet l-​oħrajn involuti fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba, tirrikjedi ammont taʼ riżorsi konsiderevoli. X’jinvolvi eżattament il-​proċess tat-​traduzzjoni?

Meta l-​edituri tal-​pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova jiffinalizzaw il-​kontenut t’artiklu bl-​Ingliż, dan jintgħamel disponibbli b’mod elettroniku lil timijiet taʼ tradutturi mħarrġin li jinsabu madwar id-​dinja. Kull tim tat-​traduzzjoni huwa responsabbli għal waħda mil-​lingwi li fiha jiġu stampati l-​pubblikazzjonijiet. Skond in-​numru taʼ proġetti li jkunu qed jieħdu ħsieb u l-​komplessità tal-​lingwa li fiha jkunu qed jittraduċu​—il-​lingwa tal-​lokal​—dawn it-​timijiet jistgħu jkunu magħmulin minn 5 sa 25 membru.

L-artiklu tradott jiġi ċċekkjat maʼ l-​Ingliż u mbagħad jiġi ċċekkjat għall-​grammatika u n-​naturalezza. Il-​mira hi li safejn hu possibbli jitwasslu l-​ħsibijiet li hemm fl-​oriġinal b’eżattezza u b’mod ċar. Dan iqajjem diversi sfidi. Meta jkunu qed jaħdmu fuq artiklu li juża vokabolarju speċjalizzat, it-​tradutturi u l-​proofreaders għandhom mnejn ikollhom jagħmlu riċerka estensiva kemm fil-​lingwa oriġinali (l-Ingliż jew lingwa oħra sekondarja, bħall-​Franċiż, l-​Ispanjol, jew ir-​Russu) kif ukoll fil-​lingwa lokali biex ikunu ċerti li kollox ikun eżatt. Per eżempju, meta artiklu fl-​Awake! jiddiskuti suġġett tekniku jew storiku, ikun hemm bżonn taʼ ħafna riċerka.

Ħafna tradutturi jaħdmu f’uffiċċji tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, full-time jew inkella part-time. Oħrajn jaħdmu fil-​post fejn jitkellmu l-​lingwa li jkunu se jittraduċu fiha. It-​tradutturi ma jitħallsux tax-​xogħol tagħhom. It-​tradutturi full-time sempliċement jingħataw kamra fejn joqogħdu u ikel flimkien maʼ xi ħaġa żgħira tal-​flus għall-​ispejjeż bażiċi u persunali li jkollhom. Madwar id-​dinja, hemm xi 2,800 Xhud li jaqdu bħala tradutturi. Bħalissa hemm 98 uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li fihom timijiet tat-​traduzzjoni jew jieħdu ħsieb ix-​xogħol taʼ timijiet f’postijiet oħrajn. Biex nagħtu biss eżempju wieħed, il-​fergħa tar-​Russja tieħu ħsieb iktar minn 230 traduttur full-time jew part-time li jittraduċu f’iktar minn 30 lingwa, inkluż xi wħud li m’humiex daqshekk magħrufin barra mill-​post li jiġu mitkellma, bħaċ-​Chuvash, l-​Ossetian, u l-​Uighur.

Titjib fil-​Kwalità tat-​Traduzzjoni

Bħalma jaf kulmin ipprova jitgħallem lingwa oħra, m’hijiex ħaġa sempliċi li tittraduċi ħsibijiet komplikati bir-​reqqa. Il-​mira hi li l-​fatti u l-​ħsibijiet tal-​kitba oriġinali jiġu rappreżentati b’eżattezza u fl-​istess ħin it-​traduzzjoni tinqara b’mod naturali, bħallikieku kienet miktuba oriġinalment bil-​lingwa tal-​lokal. Biex tintlaħaq din il-​mira jinħtieġ is-​sengħa. Tradutturi ġodda jdumu snin sħaħ sa ma jsiru tas-​sengħa fit-​traduzzjoni, u x-​Xhieda taʼ Ġeħova jipprovdulhom programm kontinwu t’edukazzjoni. Kultant aħwa tas-​sengħa jżuru t-​timijiet biex jagħtu l-​għajnuna ħalli l-​abbiltà fit-​traduzzjoni u fl-​użu tal-​programmi tal-​kompjuter titjieb.

Dan il-​programm taʼ taħriġ qed ikollu riżultati mill-​aqwa. Per eżempju, il-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fin-​Nikaragwa tirrapporta: “Għall-​ewwel darba, it-​tradutturi tagħna bil-​lingwa Miskito rċivew taħriġ fil-​proċeduri u t-​tekniki minn ħu tas-​sengħa mill-​fergħa tal-​Messiku. Dan it-​taħriġ għamel differenza kbira fil-​mod kif it-​tradutturi tagħna jwettqu l-​inkarigi tagħhom. Il-​kwalità tat-​traduzzjoni tjiebet ħafna.”

Kliem li Jmiss il-​Qalb

Sforzi biex il-​Bibbja u l-​letteratura bbażata fuq il-​Bibbja jiġu tradotti fi lsien pajjiż in-​nies huma mmirati biex imissulhom qalbhom, u dan hu eżatt dak li qed jiġri. Fl-​2006, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Bulgarija kienu ferħanin se jtiru bil-​ħarġa tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana bil-​Bulgaru. Il-​fergħa tal-​Bulgarija tirrapporta li rċiviet ħafna espressjonijiet t’apprezzament għaliha. Membri fil-​kongregazzjonijiet jgħidu li “issa l-​Bibbja verament tmissilhom qalbhom, mhux biss lil moħħhom.” Wieħed raġel imdaħħal fiż-​żmien minn Sofia kkummenta: “Jien qrajt il-​Bibbja għal ħafna snin, imma qatt ma qrajt traduzzjoni li hija iktar faċli biex tinftiehem u li mill-​ewwel tmisslek qalbek.” Bl-​istess mod, fl-​Albanija, wara li Xhud lokali rċiviet il-​kopja tagħha tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bl-​Albaniż, hi kkummentat: “Kemm tinstemaʼ sabiħa l-​Kelma t’Alla bl-​Albaniż! Xi privileġġ li għandna lil Ġeħova jkellimna bil-​lingwa tagħna stess!”

Tim tat-​traduzzjoni jistaʼ jdum diversi snin biex jittraduċi l-​Bibbja kollha kemm hi. Imma meta r-​riżultat ikun li miljuni taʼ nies ikunu jistgħu jifhmu verament il-​Kelma t’Alla għall-​ewwel darba, ma taħsibx li dan l-​isforz kollu hu taʼ min jagħmlu?

“Aħna Ħaddiema Sħab m’Alla”

M’għandniex xi ngħidu, it-​traduzzjoni hija biss waħda mill-​ħafna attivitajiet neċessarji biex l-​aħbar tajba tiġi pridkata b’mod effettiv. Il-​kitba, l-​istampar, u t-​trasportazzjoni taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja u l-​ħafna attivitajiet oħrajn konnessi maʼ dan taʼ l-​uffiċċji tal-​fergħa, is-​circuits, u l-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova jirrikjedu sforzi u spejjeż konsiderevoli. Madankollu, in-​nies t’Alla joffru lilhom infushom ‘minn rajhom’ sabiex iwettqu dan ix-​xogħol. (Salm 110:​3, Saydon) Huma jikkunsidrawh privileġġ il-​fatt li jagħtu l-​kontribut tagħhom u jħossuhom onorati li b’riżultat taʼ dan, Ġeħova jikkunsidrahom bħala “ħaddiema sħab” miegħu.​—1 Korintin 3:​5-9.

Huwa minnu li l-​wieħed li jgħid “tiegħi l-​fidda u tiegħi d-​deheb” ma jiddependix mill-​għajnuna finanzjarja tagħna sabiex iwettaq xogħlu. Madankollu, Ġeħova onora lill-​qaddejja tiegħu bil-​privileġġ li jkollhom sehem fit-​taqdis taʼ ismu billi jikkontribwixxu għall-​ippridkar taʼ veritajiet li jsalvaw il-​ħajja “lill-​ġnus kollha.” (Mattew 24:14; 28:​19, 20) M’intix imqanqal biex tagħmel dak kollu li tistaʼ biex tappoġġa dan ix-​xogħol li qatt m’hu se jerġaʼ jsir?

[Nota taʼ taħt]

a Għal lista tal-​lingwi, ara paġna 2 taʼ din ir-​rivista.

[Kaxxa f’paġna 18]

“IQANQLUNA BIEX NAĦSBU BIS-​SERJETÀ”

Tfajla t’14-il sena kitbet lill-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Kamerun: “Wara li xtrajt l-​affarijiet li kelli bżonn għall-​iskola għal din is-​sena, irnexxieli nbigħ żewġ kotba tas-​sena l-​oħra għal 2,500 frank [madwar Lm1.70]. Qed nibgħat bħala kontribuzzjoni dan l-​ammont flimkien maʼ 910 frank [madwar Lm0.40] mill-​flus li faddalt. Nixtieq inħeġġiġkom biex tkomplu f’dan ix-​xogħol mill-​aqwa li qed tagħmlu. Grazzi tar-​rivisti t-​Torri taʼ l-​Għassa u l-​Awake! Dawn iqanqluna biex naħsbu bis-​serjetà.”

[Kaxxa/Stampa f’paġna 18]

DONAZZJONI UNIKA

Il-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Messiku rċiviet din l-​ittra minn Manuel, tifel taʼ sitt snin li jgħix fl-​istat taʼ Chiapas u li għandu apprezzament kbir. Minħabba li ma jafx jikteb, ħabib tiegħu kiteb l-​ittra għalih. Manuel jgħid: “Nannti tatni ħanżira. Meta din wildet il-​ħnieżer żgħar, jien għażilt l-​isbaħ wieħed u rabbejtu bl-​għajnuna taʼ l-​aħwa. B’ħafna mħabba, qed nibgħat bħala donazzjoni dak li qlajt meta begħt il-​ħanżir. Kien jiżen 100 kilo, u qlajt 1,250 peso [madwar Lm35] tiegħu. Jekk jogħġobkom użaw il-​flus għal Ġeħova.”

[Kaxxa f’paġna 19]

‘UŻAWHOM BIEX TITTRADUĊU L-​BIBBJA’

Fil-​konvenzjonijiet distrettwali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova għas-​sena 2005 fl-​Ukraina, ħarġet it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana bl-​Ukrain. L-​għada, instab dan il-​messaġġ f’kaxxa għall-​kontribuzzjonijiet tal-​konvenzjoni: “Jien għandi disaʼ snin. Grazzi ħafna taʼ l-​Iskrittura Griega. Ommna tat lili u lil ħija ż-​żgħir dawn il-​flus biex naqbdu tal-​linja għall-​iskola. Imma meta ma kinitx tkun ix-​xita, konna nimxu sa l-​iskola u faddalna dawn il-​50 hryvnia [madwar Lm3]. Jien u ħija nixtiequ li tużaw dawn il-​flus biex tittraduċu l-​Bibbja kollha bl-​Ukrain.”

[Kaxxa f’paġna 20, 21]

MODI KIF XI WĦUD JAGĦŻLU LI JAGĦTU

KONTRIBUZZJONIJIET GĦAX-​XOGĦOL MADWAR ID-​DINJA

Ħafna jwarrbu, jew ifaddlu, ammont li jitfgħuh fil-​kaxxi għall-​kontribuzzjonijiet immarkati “Kontribuzzjonijiet għax-​Xogħol Madwar id-​Dinja​—Mattew 24:14.”

Kull xahar, il-​kongregazzjonijiet jibagħtu dawn l-​ammonti lill-​uffiċċju tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li jieħu ħsieb ix-​xogħol f’pajjiżhom. Donazzjonijiet volontarji taʼ flus jistgħu jintbagħtu direttament lill-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania, Attention Treasurer’s Office, 25 Columbia Heights, Brooklyn, New York 11201-2483, jew lill-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li jaqdi f’pajjiżek. Iċ-​ċekkijiet li jintbagħtu fl-​indirizz t’hawn fuq għandhom ikunu pagabbli lill-​“Watch Tower.” Ġojjelli jew affarijiet prezzjużi oħrajn jistgħu jingħataw bħala donazzjoni wkoll. Maʼ dawn il-​kontribuzzjonijiet għandha tintbagħat ittra qasira li tistqarr li din hija għotja għalkollox.

ARRANĠAMENT TAʼ DONAZZJONI KUNDIZZJONALI

Il-​flus jistgħu jitpoġġew b’fedekommess mal-​Watch Tower biex jintużaw madwar id-​dinja. Madankollu, jekk jiġu mitlubin, il-​flus jerġgħu jingħataw lura. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-​Uffiċċju tat-​Teżorier fl-​indirizz li ngħata diġà.

IPPJANAR ĠENERUŻ

Minbarra l-​flus li jingħataw għalkollox bħala rigal, hemm metodi oħrajn kif wieħed jagħmel għotjiet li jkunu taʼ benefiċċju għas-​servizz tas-​Saltna mad-​dinja kollha. Dawn jinkludu:

Assigurazzjoni: Il-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania tistaʼ tiġi intitolata bħala l-​benefiċjarja taʼ polza t’assigurazzjoni fuq il-​ħajja jew pjan taʼ rtirar mix-​xogħol u pensjoni.

Kontijiet fil-​Bank: Kontijiet fil-​bank, ċertifikati taʼ depożitu, jew kontijiet individwali taʼ rtirar mix-​xogħol jistgħu jingħataw b’fedekommess jew jintgħamlu pagabbli mal-​mewt lill-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania, fi qbil mal-​ħtiġijiet lokali tal-​bank.

Ishma u Titoli: Jistgħu jingħataw ishma u titoli b’donazzjoni lill-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania bħala għotja għalkollox.

Proprjetà Immobbli: Proprjetà immobbli li tistaʼ tinbiegħ tistaʼ tingħata jew bħala għotja għalkollox jew, fil-​każ taʼ proprjetà residenzjali, billi d-​donatur iżomm il-​proprjetà u jkompli jgħix fiha sakemm idum ħaj. Ikkuntattja lill-​uffiċċju tal-​fergħa f’pajjiżek qabel ma tagħmel kuntratt biex tagħti xi proprjetà immobbli.

Testmenti u Fedekommessi: Jistgħu jitħallew xi flus jew proprjetà lill-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania permezz taʼ testment effettwat bil-​liġi, jew il-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania tistaʼ tissejjaħ bħala l-​benefiċjarja taʼ ftehim fedekommess. Fedekommess li jkun taʼ benefiċċju għal organizzazzjoni reliġjuża jistaʼ jipprovdi ċerti vantaġġi mit-​taxxi.

Bħalma jimplika t-​terminu “ppjanar ġeneruż,” dawn it-​tipi taʼ donazzjonijiet jirrikjedu ġeneralment xi ppjanar min-​naħa tad-​donatur. Tħejja browxer bl-​Ingliż u bl-​Ispanjol intitolat Charitable Planning to Benefit Kingdom Service Worldwide biex jgħin lill-​individwi li jkunu jixtiequ jagħmlu xi forma taʼ ppjanar ġeneruż għall-​benefiċċju tax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​browxer inkiteb sabiex jipprovdi informazzjoni rigward il-​modi differenti kif jistgħu jintgħamlu l-​għotjiet issa jew b’testment mal-​mewt. Wara li qraw il-​browxer u ħadu parir mingħand il-​konsulenti legali jew tat-​taxxi tagħhom, ħafna setgħu jgħinu biex jappoġġaw l-​attivitajiet reliġjużi u umanitarji tax-​Xhieda taʼ Ġeħova mad-​dinja kollha u fl-​istess ħin jieħdu l-​massimu mill-​benefiċċji marbutin mat-​taxxi talli għamlu dan. Dan il-​browxer jistaʼ jinkiseb billi wieħed jistaqsi għal kopja direttament miċ-​Charitable Planning Office.

Għal iktar informazzjoni, tistaʼ tikkuntattja liċ-​Charitable Planning Office, b’ittra jew bit-​telefon, fl-​indirizz t’hawn taħt, jew tistaʼ tikkuntattja l-​uffiċċju tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li jieħu ħsieb ix-​xogħol f’pajjiżek.

Charitable Planning Office

Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania

100 Watchtower Drive

Patterson, New York 12563-9204

Telefon: (845) 306-0707

[Stampi f’paġna 19]

Tradutturi tal-​lingwa Miskito, fil-​fergħa tan-​Nikaragwa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja