Xellug: Provvisti t’għajnuna li ntbagħtu mill-Iżvizzera għal ħutna fil-Ġermanja, 1946; lemin: Terġaʼ tinbena Sala tas-Saltna fil-Ġappun wara li ntlaqtet minn tsunami, 2011
IS-6 SEZZJONI
L-appoġġ li nagħtu lis-Saltna—Jinbnew postijiet taʼ qima u tingħata għajnuna
TIDĦOL fis-Sala tas-Saltna tiegħek u bilkemm tagħrafha s-sala. Minn dejjem kont kburi b’dan il-bini. Forsi anke għandek memorji sbieħ taʼ meta għent fil-bini tas-sala xi snin qabel. Imma, sa ċertu punt, issa int iktar kburi, għax is-Sala tas-Saltna tbiddlet b’mod temporanju f’ċentru fejn tingħata għajnuna. Wara li maltempata reċenti kkaġunat għargħar fl-inħawi tiegħek u għamlet ħafna ħsara, il-Kumitat tal-Fergħa malajr organizza mod kif dawk effettwati mid-diżastri jingħataw ikel, ħwejjeġ, ilma nadif, u għajnuna oħra. Provvisti għall-għajnuna li ġew mogħtijin b’mod volontarju qegħdin impoġġijin f’ordni. Aħwa rġiel u nisa qed jidħlu fis-sala, jieħdu dak li għandhom bżonn, u, f’ħafna każijiet, jibku bil-ferħ.
Ġesù qal li l-iktar ħaġa li kienet se tispikka fis-segwaċi tiegħu kienet se tkun l-imħabba li għandhom għal xulxin. (Ġw. 13:34, 35) F’din is-sezzjoni, se nikkunsidraw kif l-imħabba Kristjana qed tidher fil-proġetti taʼ bini tax-Xhieda taʼ Ġeħova u fl-għajnuna li jagħtu meta jkun hemm xi diżastru. Din l-imħabba turi biċ-ċar li qed ngħixu taħt il-ħakma tas-Saltna mmexxija minn Ġesù.