LEZZJONI 54
Ġeħova kien paċenzjuż maʼ Ġona
Fil-belt Assirjana taʼ Ninwe, in-nies kienu ħżiena ħafna. Għalhekk, Ġeħova qal lill-profeta Ġona biex imur Ninwe u jwissihom biex iduru Lejh. Imma Ġona ħarab u mar in-naħa l-oħra. Hu telaʼ fuq vapur li kien sejjer Tarsis.
Waqt li l-vapur kien qed ibaħħar, qamet maltempata kbira, u l-baħrin bdew jibżgħu ħafna. Dawn talbu lill-allat tagħhom, u bdew jistaqsu: ‘Għala qed jiġri hekk?’ Fl-aħħar, Ġona qalilhom: ‘Kollu minħabba fija. Jien ħrabt għax ma ridtx nagħmel dak li qalli Ġeħova. Itfgħuni l-baħar, u l-maltempata tieqaf.’ Il-baħrin ma ridux jagħmlulu hekk, imma hu baqaʼ jgħidilhom biex jisimgħu minnu. Meta mbagħad tefgħuh il-baħar, il-maltempata waqfet.
Ġona ħaseb li kien se jmut. Hekk kif beda nieżel iktar u iktar fil-fond tal-baħar, hu beda jitlob lil Ġeħova. Imbagħad, Ġeħova bagħat ħuta kbira ħafna. Din belgħet lil Ġona, imma hu xorta baqaʼ ħaj. Xħin kien ġol-ħuta, Ġona beda jitlob lil Ġeħova: ‘Inwiegħdek li nobdik dejjem.’ Matul it-tlett ijiem li Ġona dam fil-ħuta, Ġeħova baqaʼ jieħu ħsiebu. Imbagħad, Ġeħova ġiegħel lill-ħuta tobżoq lil Ġona għal fuq l-art.
Peress li Ġeħova salva lil Ġona, kien dan ifisser li hu ma kellux għalfejn imur Ninwe? Le. Ġeħova reġaʼ qallu biex imur hemmhekk. Din id-darba, Ġona obda u mar. Lil dawk in-nies il-ħżiena qalilhom: ‘F’40 ġurnata oħra, Ninwe se tinqered.’ Imbagħad ġrat xi ħaġa tal-għaġeb—in-nies taʼ Ninwe obdew u nbidlu. Is-sultan taʼ Ninwe qal lin-nies tiegħu: ‘Duru lejn Alla u indmu. Forsi hu ma jeqridniex.’ Meta Ġeħova ra li n-nies iddispjaċiehom, hu ma qeridhomx.
Ġona tgħidx kemm irrabja li l-belt ma ġietx meqruda. Aħseb ftit: Ġeħova kien paċenzjuż maʼ Ġona u ħafirlu, imma min-naħa l-oħra, Ġona ma ħax pjaċir li Ġeħova kien ħafer lin-nies taʼ Ninwe. Minflok, ħareġ barra l-belt bin-nervi u qagħad għad-dell taʼ pjanta tal-qargħa bomblija. Imbagħad, din il-pjanta mietet, u Ġona rrabja. Għalhekk Ġeħova qallu: ‘Int iddispjaċiek iktar għal din il-pjanta milli għan-nies taʼ Ninwe. Jien urejt ħniena magħhom, u huma salvaw.’ X’inhi t-tagħlima? In-nies taʼ Ninwe kienu iktar importanti minn pjanta.
“Ġeħova . . . hu paċenzjuż magħkom għax ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema.”—2 Pietru 3:9