It-Talb Taʼ Min Jinstemaʼ?
IT-TALB ilu jeżisti daqs l-umanità. Ikkunsidra lil Abel, bin l-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva. Meta hu offra lil Alla sagrifiċċju aċċettabbli, bla dubju dan kien akkumpanjat bi kliem taʼ supplika u tifħir.—Ġenesi 4:l-5.
Fid-disaʼ seklu qabel l-Era Komuni tagħna, il-profeta t’Alla Ġona “talab lil Jehovah Alla tiegħu mill-partijiet ġewwinija tal-ħuta” li kienet ġiet maħtura biex tibilgħu. Kienet dik it-talba effettiva? Iva, għax “maż-żmien Jehovah ikkmanda lill-ħuta, biex hi rremettiet lil Ġona ’l barra fuq art niexfa.” Ġona mbagħad kompla jwettaq l-inkarigu tiegħu mogħti minn Alla biex imur Niniveh.—Ġona 1:17; 2:1, 10; 3:l-5.
Meta David taʼ Iżrael tal-qedem kien imdawwar mill-egħdewwa tiegħu, hu għajjat: “O Jehovah, ismaʼ t-talba tiegħi; agħti widen għall-krib tiegħi. Fil-fedeltà tiegħek weġibni fit-tjieba tiegħek.” (Salm 143:1) It-talb taʼ David għal ħelsien ġie mismugħ, għax l-egħdewwa tiegħu qatt ma rnexxielhom jeliminawh. Għalhekk setaʼ jgħid: “Jehovah hu qrib dawk kollha li jsejħulu, dawk kollha li jsejħulu fis-sewwa.”−Salm 145:18.
Nilħqu l-Ħtiġijiet Ewlenin
Jidher ċar, mela, li l-qaddejja t’Alla tal-qedem kellhom it-talb tagħhom mismugħ. Naturalment, huma ma talbux b’xi sempliċi formalità lil xi Alla bla isem. Huma talbu b’fidi lil Jehovah, “l-Aktar Għoli fuq l-art kollha.” (Salm 83:18) Biex it-talb tagħna jkun effettiv, mela, liema ħtiġijiet ewlenin irridu nilħqu?
Itlob biss lil Jehovah. Huwa għal xejn infatti, m’huwiex skritturali—li titlob lil allat foloz, li l-idoli bla ħajja tagħhom għandhom ħluq muti, widnejn torox, idejn ma jħossux, saqajn ma jiċċaqalqux, u griżmejn bla ħoss. (Salm 115:5-7; 1 Ġwann 5:21) Kontra allat bla sugu bħal dawn, Jehovah jaġixxi f’isem dawk li jħobbuh u jaqduh. Per eżempju, sekli ilu profeti tal-alla falz Bagħal talbuh biex jibgħat nar mis-sema. Għalkemm talbu minn fil-għodu sa tard fil-għaxija, Bagħal ma setax iwieġeb. Imbagħad Elija talab lil Jehovah li wieġbu billi bagħat nar li kkonsma kompletament l-offerta mpoġġija fuq l-artal.—1 Slaten, kapitlu 18.
Ersaq lejn Alla permezz taʼ Ġesù Kristu biss. Alla Jehovah bagħat lill-Iben unigenitu tiegħu, Ġesù Kristu, lejn l-art biex jaqdi bħala rahan biex jifdi l-umanità mid-dnub u l-mewt. (Ġwann 3:16, 36; Rumani 5:12; 6:23) B’hekk, għal dawk li jieħdu vantaġġ minn dan il-provvediment, Alla fetaħ mod ġdid li bih wieħed jersaq lejh fit-talb. Qaddejja t’Alla taʼ qabel bħas-Salmista David talbu direttament lil Jehovah. (Salm 4:1; 17:1; 55:1; l02:1) Imma l-mod ġdid li bih wieħed jersaq lejh kien permezz taʼ Ġesù, li qal: “Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi. Titolbu x’titolbu f’ismi, jien se nagħmlu.” (Ġwann 14:6, 14) Imkien ma nsibu fl-Iskrittura li jissuġġerixxi li t-talb għandu jiġi dirett lil Alla permezz taʼ xi ħadd ieħor.
Għalhekk, mela, ladarba tgħallimna li għandna nitolbu lil Alla f’isem Ġesù, t-talb tagħna mhux se jiġi mismugħ jekk ma nitolbux biss lil Jehovah permezz taʼ Ibnu.