Imxi fil-Biżaʼ taʼ Jehovah
“Fil-waqt li [l-kongregazzjoni] mxiet fil-biżaʼ taʼ Jehovah u fil-faraġ tal-ispirtu qaddis hija baqgħet timmoltiplika.”−ATTI 9:31.
1, 2. (a) X’ġara meta l-kongregazzjoni Kristjana daħlet f’perijodu taʼ paċi? (b) Għalkemm Jehovah jippermetti l-persekuzzjoni, hu x’jagħmel iżjed?
WIEĦED dixxiplu ffaċċja prova suprema. Kien se jżomm l-integrità lejn Alla? Iva, tabilħaqq! Hu kien mexa fil-biżaʼ t’Alla, mistagħġeb b’Dak li għamlu, u kien se jmut bħala xhud lejali taʼ Jehovah.
2 Dak ir-raġel taʼ integrità li kellu l-biżaʼ t’Alla kien Stiefnu, “raġel mimli fidi u spirtu qaddis.” (Atti 6:5) Il-qtil tiegħu qanqal mewġa taʼ persekuzzjoni, imma wara dan il-kongregazzjoni fil-Ġudea, fil-Galilija, u fis-Samarija daħlet f’perijodu taʼ paċi u nbniet spiritwalment. Barra minn hekk, “fil-waqt li mxiet fil-biżaʼ taʼ Jehovah u fil-faraġ tal-ispirtu qaddis hija baqgħet timmoltiplika.” (Atti 9:31) Bħala Xhieda taʼ Jehovah illum, nistgħu nkunu żguri li Alla se jberikna kemm jekk inġarrbu paċi jew persekuzzjoni, kif jidher f’Atti kapitli 6 sa 12. Mela ejjew nimxu f’biżaʼ taʼ reverenza lejn Alla meta niġu ppersegwitati jew nużaw kwalunkwe żamma mill-persekuzzjoni għall-bini spiritwali tagħna nfusna u għal iktar servizz attiv għalih.—Dewteronomju 32:11, 12; 33:27.
Lejali Sat-Tmiem
3. Xi problema ġiet megħluba f’Ġerusalemm, u kif?
3 Saħansitra jekk iqumu xi problemi fi żminijiet taʼ paċi, organizzazzjoni tajba tgħin issolvihom. (6:1-7) Lhud li jitkellmu bil-Grieg f’Ġerusalemm gergru li r-romol tagħhom kienu qed jinqabżu fit-tqassim tal-ikel taʼ kuljum bi preferenza għal-Lhud li jemmnu u li kienu jitkellmu bl-Ebrajk. Din il-problema ġiet solvuta meta l-appostli ħatru sebaʼ rġiel biex jieħdu ħsieb “din il-biċċa xogħol neċessarja.” Wieħed minnhom kien Stiefnu.
4. Stiefnu kif irreaġixxa għall-akkużi foloz?
4 Madankollu, Stiefnu li kellu l-biżaʼ t’Alla malajr iffaċċja prova. (6:8-15) Qamu ċerti rġiel li bdew jargumentaw maʼ Stiefnu. Xi wħud minnhom kienu tas-“Sinagoga tal-Irġiel Meħlusin,” forsi xi Lhud maqbuda mir-Rumani u iktar tard illiberati jew xi prożeliti Lhud li darba kienu rsiera. Billi ma setgħux jieqfu kontra l-għerf u l-ispirtu li tkellem bihom Stiefnu, l-egħdewwa tieghu ħaduh għand is-Sinedriju. Hemm xhieda foloz qalu: ‘Aħna smajna lil dar-raġel igħid li Ġesù se jeqred it-tempju u se jbiddel drawwiet li wassalhomlna Mosè.’ Madankollu, saħansitra l-egħdewwa tiegħu setgħu jaraw li Stiefnu ma kienx raġel ħażin imma kellu serenità f’wiċċu bħal taʼ anġlu, messaġġier t’Alla ċert mill-appoġġ tiegħu. Kemm kien differenti minn wiċċhom, mimli bix-xewqa li jagħmlu l-ħażen għaliex kienu taw lilhom infushom f’idejn Satana!
5. Liema punti għamel Stiefnu waqt li ta xiehda.
5 Mistoqsi mill-Qassis il-Kbir Qajfa, Stiefnu ta xiehda bla biżaʼ. (7:1-53) Il-ħarsa b’lura tiegħu lejn l-istorja taʼ Iżrael uriet li Alla kellu l-iskop li jwarrab il-Liġi u s-servizz tat-tempju meta jiġi l-Messija. Stiefnu nnota li Mosè, il-ħellies li kull Lhudi kien igħid li jonora, ġie miċħud mill-Iżraeliti, saħansitra bħalma issa ma aċċettawx lil Dak il-Wieħed li qed iġib ħelsien akbar. Billi qal li Alla ma jgħammarx fi djar magħmulin bl-idejn, Stiefnu wera li t-tempju u s-sistema taʼ qima tiegħu kienu se jispiċċaw. Imma ladarba l-imħallfin tiegħu la kellhom il-biżaʼ t’Alla u lanqas riedu jkunu jafu r-rieda Tiegħu, Stiefnu qal: ‘Irġiel stinati, intom dejjem tirreżistu lill-ispirtu qaddis. Liema profeta ma ppersegwitawhx missirijietkom tal-qedem? Huma qatlu lil dawk li bassru l-miġja tal-Wieħed Twajjeb, li tiegħu intom sirtu t-tradituri u l-qattiela.’
6. (a) Qabel mewtu, liema esperjenza li ssaħħaħ il-fidi kellu Stiefnu? (b) Stiefnu għala setaʼ jgħid b’mod korrett: “Mulej Ġesù, irċievi l-ispirtu tiegħi”?
6 L-istqarrija bla biżaʼ taʼ Stiefnu wasslet għall-qtil tiegħu. (7:54-60) L-imħallfin imtlew bir-rabja għal dan il-kxif tal-ħtija tagħhom fil-mewt taʼ Ġesù. Imma kemm issaħħet il-fidi taʼ Stiefnu meta ‘ħares fiss lejn is-sema u lemaħ il-glorja t’Alla u taʼ Ġesù bil-wieqfa fuq il-leminija Tiegħu’! Stiefnu issa setaʼ jiffaċċja lill-egħdewwa tiegħu bil-fiduċja li kien għamel ir-rieda t’Alla. Għalkemm ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jkollhomx viżjonijiet, jistaʼ jkollna serenità simili mogħtija minn Alla meta niġu ppersegwitati. Wara li tefgħu lil Stiefnu ’l barra minn Ġerusalemm, l-egħdewwa tiegħu bdew iħaġġruh, u hu għamel l-appell: “Mulej Ġesù, irċievi l-ispirtu tiegħi.” Dan kien xieraq għaliex Alla kien awtorizza lil Ġesù biex iqajjem oħrajn għall-ħajja. (Ġwann 5:26; 6:40; 11:25, 26) Għar-rkobbtejh, Stiefnu għajjat: “Jehovah, iżżommx dan id-dnub kontra tagħhom.” Imbagħad raqad fil-mewt bħala martri, bħalma għamlu ħafna segwaċi taʼ Ġesù minn dak iż-żmien ’il hawn, saħansitra fi żminijiet moderni.
Il-Persekuzzjoni Tifrex l-Aħbar Tajba
7. X’irriżulta mill-persekuzzjoni?
7 Il-mewt taʼ Stiefnu fil-fatt irriżultat fit-tixrid tal-aħbar tajba. (8:1-4) Il-persekuzzjoni ferrxet lid-dixxipli kollha ħlief lill-appostli mal-Ġudea u s-Samarija kollha. Sawlu, li kien qabel mal-qtil taʼ Stiefnu, ħarbat lill-kongregazzjoni qisu bhima, waqt li kien jinvadi dar wara l-oħra biex ikaxkar ’il barra lis-segwaċi taʼ Ġesù lejn il-ħabs. Hekk kif id-dixxipli mferrxin baqgħu jippridkaw, il-pjan taʼ Satana li jwaqqaf lix-xandara tas-Saltna li kellhom il-biżaʼ t’Alla billi jippersegwitahom safaʼ fix-xejn. Illum, ukoll, il-persekuzzjoni taʼ spiss ferrxet l-aħbar tajba jew ġibdet l-attenzjoni lejn ix-xogħol taʼ ppridkar tas-Saltna.
8. (a) X’ġara bħala riżultat tal-ipppridkar li sar fis-Samarija? (b) Pietru kif uża t-tieni muftieħ li kien fdalu Ġesù?
8 Filippu l-evanġelizzatur mar is-Samarija “biex jippriedka l-Kristu.” (8:5-25) Ferħ kbir waqaʼ f’dik il-belt hekk kif l-aħbar tajba kienet imxandra, spirti maħmuġin tkeċċew, u nies ġew imfejqin. L-appostli f’Ġerusalemm bagħtu lil Pietru u lil Ġwanni lejn is-Samarija, u meta huma talbu u poġġew idejhom fuq dawk imgħammdin, id-dixxipli ġodda rċevew l-ispirtu qaddis. Xmun li kien għadu kif tgħammed u li qabel kien saħħar ipprova jixtri din l-awtorità, imma Pietru qal: ‘Jalla l-fidda tiegħek tgħib miegħek. Qalbek mhix dritta fid-dehra t’Alla.’ Meta ntqallu biex jindem u jitħannen maʼ Jehovah għall-maħfra, hu qal lill-appostli biex jitolbu għan-nom tiegħu. Dan għandu jqanqal lil dawk kollha li jibżgħu minn Jehovah illum biex jitolbu għal għajnuna divina biex jissalvagwardjaw il-qalb. (Proverbji 4:23) (Minn din il-ġrajja ġiet il-kelma “simonija,” “ix-xiri jew il-bejgħ taʼ pożizzjoni f’xi knisja jew preferenza ekkleżjastika.”) Pietru u Ġwanni xandru l-aħbar tajba f’ħafna rħula Samaritani. B’hekk, Pietru uża t-tieni muftieħ li tah Ġesù biex jiftaħ il-bieb tal-għarfien u tal-opportunità biex tidħol fis-Saltna tas-sema.—Mattew 16:19.
9. Min kien l-Etjopjan li Filippu kien tah xiehda, u għala r-raġel setaʼ jitgħammed?
9 L-anġlu t’Alla mbagħad ta lil Filippu biċċa xogħol oħra. (8:26-40) F’karru fit-triq minn Ġerusalemm għal Gaża kien rikeb “ewnunku,” uffiċċjal fuq it-teżor tar-reġina Kandiċe tal-Etjopja. Hu ma kienx ewnuku fiżiku, ipprojbit mill-kongregazzjoni Lhudija, imma hu kien mar Ġerusalemm biex jagħti qima bħala prożelit ċirkonċiż. (Dewteronomju 23:1) Filippu sab lill-ewnuku jaqra mill-ktieb taʼ Isaija. Mistieden jitlaʼ fuq il-karru, Filippu ddiskuta l-profezija taʼ Isaija u “iddikjaralu l-aħbar tajba dwar Ġesù.” (Isaija 53:7, 8) Malajr l-Etjopjan esklama: “Ħares! Għadira ilma; xi jżommni milli nitgħammed?” Xejn ma żammu, ladarba kien jaf dwar Alla u issa kellu fidi fi Kristu. Mela Filippu għammed lill-Etjopjan, li mbagħad mar fi triqtu mimli bil-ferħ. Hemm xi ħaġa li żżomm lilek milli titgħammed?
Wieħed li Jippersegwita Ikkonvertit
10, 11. Xi ġralu Sawlu taʼ Tarsu fit-triq lejn Damasku u ftit wara dan?
10 Sadattant, Sawlu fittex li jġiegħel lis-segwaċi taʼ Ġesù jiċħdu l-fidi tagħhom taħt it-thedhida taʼ priġunerija jew mewt. (9:1-18a) Il-qassis il-kbir (wisq probabbli Qajfa) tah ittri għal sinagogi f’Damasku li jawtorizzawh biex iġib marbutin lejn Ġerusalemm irġiel u nisa li jappartjenu lill-“Mogħdija,” jew manjiera taʼ ħajja bbażata fuq l-eżempji taʼ Kristu. Madwar nofs in-nhar ħdejn Damasku, dawl idda mis-sema u leħen staqsa: “Sawlu, għala qed tippersegwitani?” Dawk li kienu maʼ Sawlu semgħu “l-ħoss taʼ leħen” imma ma fehmux x’kien intqal. (Qabbel Atti 22:6, 9.) Dik ir-rivelazzjoni parzjali taʼ Ġesù gglorifikat kienet biżżejjed biex tagħmi lil Sawlu. Alla uża lid-dixxiplu Ananija biex jagħtih lura d-dawl.
11 Wara l-magħmudija tiegħu, dak li qabel kien jippersegwita sar il-mira tal-persekuzzjoni. (9:18b-25) Il-Lhud f’Damasku riedu joqtlu lil Sawlu. Bil-lejl, madankollu, id-dixxipli niżżluh minn fetħa fil-ħajt, wisq probabbli ġo basket kbir immaljat magħmul mill-ħabel jew zkuk mibruma. (2 Korintin 11:32, 33) Il-fetħa setgħet kienet xi tieqa taʼ dar taʼ wieħed mid-dixxipli mibnija ġol-ħajt. Ma kienx att taʼ djufija li tinganna lill-egħdewwa u tibqaʼ tippriedka.
12. (a) Xi ġralu Sawlu f’Ġerusalemm? (b) Il-kongregazzjoni kif kienet sejra?
12 F’Ġerusalemm, Barnabas għen lid-dixxipli biex jaċċettaw lil Sawlu bħala seħibhom fit-twemmin. (9:26-31) Hemm Sawlu bla biżaʼ ddisputa maʼ Lhud li kienu jitkellmu bil-Grieg, li wkoll ippruvaw joqtluh. Billi għarfu dan, l-aħwa ħaduh f’Ċesarija u bagħtuh lejn Tarsu, pajjiżu fiċ-Ċiliċja. Il-kongregazzjoni mal-Ġudea, il-Galilija, u s-Samarija kollha mbagħad “daħlet ġewwa perijodu taʼ paċi, billi kienet qed tinbena” spiritwalment. Hekk kif ‘imxiet fil-biżaʼ taʼ Jehovah u l-faraġ tal-ispirtu qaddis, hi kompliet timmoltiplika.’ X’eżempju mill-aħjar hu dan għall-kongregazzjonijiet kollha llum jekk iridu jirċievu l-barka taʼ Jehovah!
Ġentili Jsiru Wħud li Jemmnu!
13. Liema mirakli ġiegħel Alla lil Pietru biex iwettaq f’Lidda u Ġoppa?
13 Pietru wkoll kien qed iżomm ruħu attiv. (9:32-43) F’Lidda (issa Lod) fil-Pjanura taʼ Saron, hu fejjaq lil Aneas li kien ipparalizzat. Dan il-fejqan ġiegħel lil ħafna jduru lejn il-Mulej. F’Ġoppa, id-dixxipla maħbuba Tabita (Dorkas) mardet u mietet. Meta Pietru wasal hemm, romol imbikkija wrewh xi lbiesi li Dorkas kienet għamlet u li forsi kienu fuqhom. Hu ġab lil Dorkas lura għall-ħajja, u meta l-aħbar dwar dan infirxet, ħafna saru jemmnu. Pietru qagħad f’Ġoppa maʼ Xmun il-kunzatur, li kellu d-dar tiegħu ħdejn il-baħar. Il-kunzaturi kienu jgħaddsu l-ġlud tal-annimali fil-baħar u jgħadduhom bil-ġir qabel iqaxxrulhom il-pil. Il-ġlud kienu jinbidlu f’ġilda billi jikkonzawhom b’likwidu minn ċertu pjanti.
14. (a) Min kien Kornelju? (b) X’kien minnu dwar it-talb taʼ Kornelju?
14 F’dak iż-żmien (36 E.K.), kien hemm żvilupp notevoli f’post ieħor. (10:l-8) F’Ċesarija kien igħix il-Ġentil devot Kornelju, ċenturjun Ruman li kien jikkmanda madwar mitt raġel. Hu kien il-kap taċ-“ċorma Taljana,” li milli jidher kienet iffurmata minn rekluti minn fost ċittadini Rumani u rġiel meħlusa fl-Italja. Għalkemm Kornelju kellu l-biżaʼ t’Alla, hu ma kienx prożelita Lhudi. Permezz taʼ viżjoni, anġlu qallu li t-talb tiegħu kien “telaʼ bħal tfakkira quddiem Alla.” Għalkemm Kornelju f’dak iż-żmien ma kienx iddedikat lil Jehovah, hu rċieva tweġiba għat-talba tiegħu. Imma bħalma indikalu l-anġlu, hu bagħat għal Pietru.
15. X’ġara waqt li Pietru kien qed jitlob fuq il-bejt tad-dar taʼ Xmun?
15 Sadattant, Pietru kellu viżjoni waqt li kien qed jitlob fuq il-bejt tad-dar taʼ Xmun. (10:9-23) F’estasi, hu ra nieżel mis-sema oġġett bħal liżar mimli bi ħlejjaq maħmugin taʼ erbaʼ saqajn, affarijiet li jitkaxkru, u għasafar. Ordnat biex joqtol u jiekol, Pietru qal li qatt ma kien kiel xi ħaġa mniġġsa. “Ieqaf milli ssejjaħ imniġġsin l-affarijiet li Alla naddaf,” intqallu. Il-viżjoni ħawditu lil Pietru, imma hu segwa d-direzzjoni tal-ispirtu. B’hekk, hu u sitt aħwa Lhud akkompanjaw lill-irġiel mibgħutin minn Kornelju.—Atti 11:12.
16, 17. (a) X’qal Pietru lil Kornelju u lil dawk miġburin f’daru? (b) X’ġara waqt li Pietru kien għadu qed jitkellem?
16 Issa l-ewwel Ġentili kienu waslu biex jisimgħu l-aħbar tajba. (10:24-43) Meta Pietru u sħabu waslu f’Ċesarija, Kornelju, qrabatu, u l-ħbieb intimi tiegħu kienu jistennewhom. Kornelju ntefaʼ f’riġlejn Pietru, imma l-appostlu bl-umiltà rrifjuta din il-qima. Hu tkellem dwar kif Jehovah dilek lil Ġesù bl-ispirtu qaddis u l-qawwa bħala l-Messija u spjega li kulmin ipoġgi fidi fih jaqlaʼ l-maħfra tad-dnubiet.
17 Jehovah issa aġixxa. (10:44-48) Waqt li Pietru kien għadu jitkellem, Alla tefaʼ spirtu qaddis fuq dawk il-Ġentili li emmnu. F’dak il-ħin stess, huma ġew imnisslin bl-ispirtu t’Alla u ġew imnebbħin biex jitkellmu lingwi barranin u jfaħħruh bil-kbir. Għaldaqstant, huma kif jixraq ġew imgħammdin fl-isem taʼ Ġesù Kristu. B’hekk kien li Pietru uża t-tielet muftieħ biex jiftaħ għal Ġentili li jibżgħu minn Alla l-bieb tal-għarfien u tal-opportunità biex jidħlu fis-Saltna tas-sema.—Mattew 16:19.
18. L-aħwa Lhud kif irreaġixxew meta Pietru spjega li Ġentili ġew “imgħammdin fl-ispirtu qaddis”?
18 Iktar tard, f’Ġerusalemm, dawk li jappoġġaw iċ-ċirkonċiżjoni tlewmu maʼ Pietru. (11:1-18) Meta hu spjega kif il-Ġentili ġew “imgħammdin fl-ispirtu qaddis,” ħutu Lhud baxxew rashom u gglorifikaw lil Alla, billi qalu: “Sewwa, mela, Alla laqaʼ l-indiema bil-għan taʼ ħajja għal nies tal-ġnus ukoll.” Aħna wkoll għandna naċċettaw meta r-rieda divina tiġi ċċarata lilna.
Kongregazzjoni tal-Ġentili Stabbilita
19. Id-dixxipli kif saru jissejħu Kristjani?
19 L-ewwel kongregazzjoni tal-Ġentili issa ġiet iffurmata. (11:19-26) Meta d-dixxipli tferrxu bit-tribulazzjoni li qamet fuq Stiefnu, xi wħud marru Antijokija, is-Sirja, magħrufa għall-qima maħmuġa u l-korruzzjoni morali. Hekk kif tkellmu l-aħbar tajba man-nies hemm li jitkellmu bil-Grieg, “l-id taʼ Jehovah kienet magħhom,” u ħafna saru jemmnu. Barnabas u Sawlu għallmu hemm għal sena, u “kien l-ewwel f’Antijokija li d-dixxipli kienu bi providenza divina msejħin Kristjani.” Jehovah bla dubju mexxa l-affarijiet biex huma jissejħu hekk, peress li l-kelma Griega khre·ma·ti’zo tfisser “li tkun imsejjaħ bi providenza divina” u hi dejjem użata skritturalment f’konnessjoni maʼ dak li hu minn Alla.
20. X’bassar Agabus, u l-kongregazzjoni f’Antijokija kif irreaġixxiet?
20 Profeti li jibżgħu minn Alla wkoll ġew Antijokija minn Ġerusalemm. (11:27-30) Wieħed kien Agabus, li indika “permezz tal-ispirtu li ġuħ kbir kien wasal biex jiġi fuq l-art abitata kollha.” Dik il-profezija twettqet matul ir-renju tal-imperatur Ruman Klawdjus (4l-54 E.K.), u l-istoriku Ġosefus jirreferi għal dan il-“ġuħ kbir.” (Jewish Antiquities, XX, 51 [ii, 5]; XX, 101 [v, 2]) Imqanqla bl-imħabba, il-kongregazzjoni f’Antijokija bagħtet kontribuzzjoni lill-aħwa fil-bżonn fil-Ġudea.—Ġwann 13:35.
Il-Persekuzzjoni Ma Swiet Għal Xejn
21. X’azzjoni ħa Erodi Agrippa I kontra Pietru, imma b’liema riżultat?
21 Il-perijodu taʼ paċi ntemm meta Erodi Agrippa I beda jippersegwita lil dawk li kellhom il-biżaʼ taʼ Jehovah f’Ġerusalemm. (12:1-11) Erodi qatel lil Ġakbu bis-sejf, forsi qatagħlu rasu bħala l-ewwel appostlu martri. Billi ra li dan għoġob lil-Lhud, Erodi tefaʼ lil Pietru fil-ħabs. L-appostlu milli jidher kien marbut bil-ktajjen maʼ suldat kull naħa, fil-waqt li tnejn oħra għassew iċ-ċella tiegħu. Erodi ppjana li joqtlu wara l-Qbiż u l-jiem tal-ftajjar (Nisan 14-21), imma t-talb tal-kongregazzjoni għan-nom tiegħu ġie mwieġeb eżatt fil-ħin, saħansitra bħalma taʼ spiss jiġri lilna. Dan seħħ meta l-anġlu t’Alla b’mod mirakoluż ħeles lill-appostlu.
22. X’ġara meta Pietru mar fid-dar taʼ Marija, omm Mark?
22 Pietru malajr wasal ħdejn id-dar taʼ Marija (omm Ġwanni Mark) li milli jidher kien post fejn isiru l-laqgħat Kristjani. (12:12-19) Fid-dlam, il-qaddejja Rhoda għarfet leħen Pietru imma ħallietu barra wara l-kanċell imsakkar. Għall-ewwel id-dixxipli forsi ħasbu li Alla kien bagħat xi messaġġier anġeliku li jirrappreżenta lil Pietru u jitkellem b’leħen bħal tiegħu. Meta daħħlu lil Pietru ġewwa, madankollu, hu qalilhom biex jirrapportaw il-ħelsien tiegħu lil Ġakbu u lill-aħwa (forsi anzjani). Hu mbagħad telaq u mar jistaħba mingħajr ma kixef id-destinazzjoni tiegħu sabiex jevita li jpoġġi fil-periklu lilhom jew lilu nnifsu f’każ taʼ interrogazzjoni. It-tfitxija taʼ Erodi għal Pietru kienet bla frott, u l-għassiesa ġew ikkastigati, probabbli saħansitra mogħtijin il-mewt.
23. Kif intemmet il-ħakma taʼ Erodi Agrippa I, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?
23 Fil-44 E.K. il-ħakma taʼ Erodi Agrippa I intemmet ħesrem f’Ċesarija meta kellu 54 sena. (12:20-25) Hu kien f’burdata taʼ ġlied kontra l-Feniċi taʼ Tir u Sidon, li xaħħmu lill-qaddej tiegħu Blastus biex jirranġalhom seduta li fiha setgħu jappellaw għall-paċi. Fil-“jum magħżul” (li nzertat ukoll festa ad unur Ċesri Klawdjus), Erodi libes ilbies irjali, poġġa fuq il-bank tal-ġudizzju, u beda jagħti taħdita pubblika. Bi tweġiba l-udjenza għajtet: “Vuċi taʼ alla, u mhux taʼ bniedem!” Minnufih, l-anġlu taʼ Jehovah laqtu “għaliex ma tax il-glorja lil Alla.” Erodi ġie “mikul mid-dud u spiċċa.” Jalla dan l-eżempju taʼ twissija jqanqalna biex inkomplu nimxu fil-biżaʼ taʼ Jehovah, billi naħarbu l-kburija u nagħtuh il-glorja għal dak li nagħmlu bħala l-poplu tiegħu.
24. Artiklu fil-futur x’se juri rigward iż-żjieda?
24 Minkejja l-persekuzzjoni minn Erodi, “il-kelma taʼ Jehovah kompliet tikber u tinfirex.” Fil-fatt, bħalma se juri artiklu li għad irid jiġi, id-dixxipli setgħu jistennew iktar żjieda. Għala? Għaliex huma ‘mxew fil-biżaʼ taʼ Jehovah.’
Kieku Kif Tweiġeb?
◻ Stiefnu kif wera li hu kellu l-biżaʼ taʼ Jehovah, bħalma għamlu ħafna mill-qaddejja t’Alla minn dak iż-żmien ’il hawn?
◻ X’effett kellha l-mewt taʼ Stiefnu fuq l-attività taʼ ppridkar tas-Saltna, u għandu dan xebh fiż-żmien modern?
◻ Sawlu taʼ Tarsu li kien jippersegwita kif sar wieħed li jibżaʼ minn Jehovah?
◻ Min kienu l-ewwel Ġentili li saru jemmnu?
◻ Atti kapitlu 12 kif juri li l-persekuzzjoni ma twaqqafx lil dawk li jibżgħu minn Jehovah?
[Stampa f’paġna 12]
Dawl idda mis-sema u leħen staqsa: “Sawlu, Sawlu, għala qed tippersegwitani?”