Isalva lill-Art Minn Rovina
DARBA, ilu fl-istorja umana, Alla salva lill-art minn rovina minn idejn il-bniedem. Hu għamel dan permezz taʼ dulluvju globali fi żmien Noè. Ma għandna l-ebda rekord li l-bniedem kien qed jirrovina l-ambjent fiżiku f’dak iż-żmien. Imma l-art kienet irrovinata b’mod ieħor sal-punt li Alla ħass li kien jinħtieġ jaġixxi bl-akbar severità.
Il-Bibbja tirrapporta: “L-art ġiet li hi rrovinata fil-ħarsa tal-veru Alla u l-art saret mimlija bil-vjolenza. Mela Alla ra l-art u, ħares! kienet irrovinata, għaliex il-laħam kollu kien irrovina l-mogħdija tiegħu fuq l-art.” (Ġenesi 6:4, 11, 12) Iva, fi żmien Noè Alla ħares lejn l-art bħala li kienet irrovinata minħabba l-vjolenza u l-ħażen tal-bniedem.
Bl-istess mod, meta Iżrael tal-qedem beda jieħu pussess tal-Art Imwiegħda, Alla wissa: “Ma tridux tniġġsu l-art li fiha qegħdin; għaliex hu d-demm li jniġġes lill-art . . . U ma tridux tħammġu l-art.” (Numri 35:33, 34) B’hekk, Kangħan kienet irrovinata minħabba l-ħtija tad-demm tal-abitanti tagħha. Eżempju orribbli taʼ dan kien il-prattika tagħhom taʼ li jissagrifikaw tfal żgħar lill-allat tagħhom.
Il-Kangħaniti kienu wkoll immorali ħafna, u dan ukoll effettwa l-ħarsa t’Alla lejn l-art. Hu wissa lil Iżrael: “Tagħmlux lilkom infuskom mhux nodfa b’xi [prattiċi immorali] bħal dawn, għaliex b’dawn l-affarijiet kollha l-ġnus li qed inkeċċi minn quddiemkom għamlu lilhom infushom mhux nodfa. Għaldaqstant l-art hija mhux nadifa, u . . . l-art se tirriġetta ’l barra lill-abitanti tagħha.” (Levitiku 18:24, 25) L-immoralità u t-tixrid tad-demm irrovinaw lil Kangħan sal-punt li Alla qered lill-ġnus Kangħaniti.
L-Irrovinar tal-Art
Xi ngħidu għal-lum? M’aħniex aħna ngħixu f’era taʼ vjolenza bla kontroll, tixrid taʼ demm, u immoralità? Jagħmel x’jagħmel il-bniedem biex jipprova jirranġa l-ħsara li huwa għamel lill-art fiżika, qatt ma jistaʼ jirrestawra l-ħajja taʼ dawk il-mitt miljun li huma stmati li mietu bil-gwerer tiegħu matul dan is-seklu; lanqas ma jistaʼ jġib lura l-miljuni maqtulin minn kriminali jew l-uħud imnikktin bla għadd li mietu bil-ġuħ. Ċertament, hu ma jistax jirrestawra lil dawk it-trabi li l-ħajjiet tagħhom jiġu mqassra b’aborti u li huma stmati li huma minn 40 sa 60 miljun kull sena. Nistgħu aħna niddubitaw li l-art qed tiġi rrovinata f’għajnejn Alla b’affarijiet bħal dawn—biex ma nsemmux l-immoralità li tant qed tiżdied illum?
Ir-raġuni tgħidilna li Alla jrid jaġixxi dalwaqt biex isalva lill-art mill-attivitajiet qerrieda tal-bniedem, u l-profezija tal-Bibbja tikkonfermah dan. Imma x’se jagħmel? Il-Bibbja tgħid li hu se ‘jġib f’rovina lil dawk li qed jirrovinaw l-art.’ (Rivelazzjoni 11:18; qabbel Mattew 24:3-14.) Bħalma sid il-kera jitfaʼ ’l barra lil kerrej distruttiv, hekk ukoll Alla se ”jitfaʼ ’l barra” lil dawk li jirrovinaw il-ħolqien sabiħ tiegħu, l-art.
Il-Bibbja tistqarr: “Inkwantu għall-ħżiena, huma se jinqatgħu mill-istess art; u inkwantu għall-qarrieqa, huma se jiġu mqaċċtin minnha.” (Proverbji 2:22) Din l-azzjoni divina li ġejja l-Bibbja ssejħilha Armageddon. (Rivelazzjoni 16:16) Ġesù wkoll sejħilha t-“tribulazzjoni kbira li bħalha ma ġratx sa mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas ma se terġaʼ tiġri.” (Mattew 24:21) Se tkun saħansitra akbar mid-Dulluvju.
Hija din soluzzjoni estrema jew inġusta? Le, Alla, bħala l-Ħallieq tal-art, għandu d-dritt li jiddeċiedi min se jabita fiha. Hu għandu d-dritt ukoll li jżomm lill-bniedem responsabbli taʼ għemilu. Iktar minn hekk, jekk Alla jippermetti lill-bniedem ikompli l-korsa tiegħu bla ma jiġi kkorreġut, l-art se tkun irrovinata għal kulħadd, u l-ħajja se ssir impossibbli. Mill-banda l-oħra, billi ‘jġib f’rovina lil dawk li qed jirrovinaw l-art,’ Alla jippreserva l-wirt tal-art tagħna għal uħud li japprezzaw. Il-Bibbja twiegħed: “Għax id-dritti huma dawk li se jgħammru fuq l-art, u taʼ bla ħtija huma dawk li se jibqgħu fiha.”−Proverbji 2:21.
Bil-għajnuna t’Alla, miljuni sabu l-qawwa biex juru lilhom infushom bla ħtija għaliex iridu jibqgħu fiha biex igawdu l-ħolqien t’Alla. Huma jsegwu wkoll il-livelli morali għolja t’Alla u jevitaw il-vjolenza u l-ħtija tad-demm saħansitra indirettament. B’hekk, huma m’humiex dawk li qed jirrovinaw l-art f’dan is-sens tant importanti.
Art Salvata Minn Rovina
Uħud bħal dawn issa għandhom il-prospett ferrieħi taʼ li jaraw l-art mibdula mill-istat irrovinat tal-preżent għal ġenna b’saħħitha. Mela, saħansitra l-iġsma tagħhom se jiġu mnaddfa, ippurifikati mill-effetti taʼ rovina tad-dnub. L-aħħar ktieb tal-Bibbja jiddeskrivi l-provvediment t’Alla f’li jagħmel dan kollu possibbli bħala “xmara taʼ ilma tal-ħajja” simbolika. Fuq kull naħa taʼ din ix-xmara, “kien hemm siġar tal-ħajja li jipproduċu tnax-il qatgħa taʼ frott, billi jagħtu l-frott tagħhom kull xahar, u l-weraq tas-siġar kienu għall-fejqan tal-ġnus.”−Rivelazzjoni 22:1, 2.
Din il-viżjoni mnebbħa hija garanzija li Alla se jsalva l-art u lill-umanità taʼ fuqha minn rovina. Profeziji oħra jagħtu titwila bil-quddiem taʼ dik l-art restawrata. Ikkunsidra, per eżempju, l-ħarsa bil-quddiem poetika taʼ Isaija: “Ix-xagħri u r-reġjun bla ilma se jeżaltaw, u l-pjanura tad-deżert se tkun ferħana u tiżgħar bħaż-żafran. Mhix se tonqos li tiżgħar, u tassew se tkun ferħana bi tferrieħ u b’għajjat taʼ ferħ.” (Isaija 35:1, 2) F’dak iż-żmien mhux se jkun hemm ibħra mniġġsin, ħamrija rrovinata, jew atmosfera tossika.
Iktar importanti, l-art mhix se tkun irrovinata bi vjolenza, tixrid taʼ demm, jew immoralità. Dawk biss li jirrispettaw lil Alla, lil-livelli tiegħu, u lill-ħolqien tiegħu se jkunu hemm. (Rivelazzjoni 21:7, 8) Ismaʼ naqra issa r-riżultati glorjużi taʼ dawn l-affarijiet kollha: “[Alla] se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom, u l-mewt ma tkunx iżjed, u la l-għali u la l-biki u lanqas l-uġigħ ma jkunu iżjed. L-affarijiet taʼ qabel għaddew. . . . ‘Ħares! Qed nagħmel l-affarijiet kollha ġodda.’”—Rivelazzjoni 21:4, 5.
X’riżultat hieni! Kemm aħna ferħanin li Alla dalwaqt se ‘jġib f’rovina lil dawk li qed jirrovinaw l-art’! U kemm iqanqluna dawn il-wegħdi mnebbħin biex inkunu rridu naqdu lil Alla li se jsalva l-art minn rovina u jagħmilha dar ġenna għall-umanità taʼ qalb tajba!
[Kumment f’paġna 6]
Il-Bibbja tgħid li Alla se ‘jġib f’rovina lil dawk li qed jirrovinaw l-art.’—Rivelazzjoni 11:18