Ġenna taʼ l-Art Dalwaqt!
“Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.” —Mattew 6:9, 10, Il-Bibbja taʼ l-Għaqda Biblika Maltija, It-Tieni Edizzjoni (1996).
DIN it-talba magħrufa, li ħafna jafuha bħala l-Missierna, tagħti tama lill-umanità. Dan kif?
Bħalma turi t-talba tal-Missierna, is-Saltna t’Alla se tikkaġuna li r-rieda t’Alla sseħħ fuq l-art bħalma żgur li issa qiegħda sseħħ fis-sema. U hija r-rieda t’Alla li l-Ġenna taʼ l-art tiġi restawrata. (Rivelazzjoni 21:1-5) X’inhi eżatt is-Saltna t’Alla, u kif se tirrestawra l-art f’Ġenna?
Gvern Reali
Is-Saltna t’Alla hija gvern reali. Bħal fil-każ taʼ kwalunkwe gvern, din teħtieġ ħakkiema, liġijiet, u sudditi biex tkun tistaʼ taħdem. Tissodisfa s-Saltna t’Alla dawn il-ħtiġijiet? Innota t-tweġibiet tal-Bibbja għat-tliet mistoqsijiet li ġejjin:
Min huma l-ħakkiema tas-Saltna t’Alla? (Isaija 33:22) Alla Ġeħova ħatar lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex jieħu t-tmexxija tas-Saltna. (Mattew 28:18) Taħt id-direzzjoni taʼ Ġeħova, Ġesù għażel għadd limitat taʼ individwi minn “kull tribù u lsien u poplu u ġens” li “se jsaltnu [miegħu] għal fuq l-art.”—Rivelazzjoni 5:9, 10.
Is-Saltna t’Alla liema liġijiet stabbiliet biex is-sudditi tagħha jobduhom? Xi wħud mil-liġijiet jew mill-kmandamenti jeħtieġu azzjoni speċifika. Ġesù identifika l-iktar waħda importanti minn dawn il-liġijiet, billi qal: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament. It-tieni jixbhu u hu dan, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’”—Mattew 22:37-39.
Liġijiet oħrajn jeħtieġu li s-sudditi tas-Saltna t’Alla jevitaw li jagħmlu ċerti azzjonijiet. Per eżempju, il-Bibbja tipprovdi din l-istqarrija ċara: “Tqarrqux bikom infuskom! Ħadd li hu immorali jew iqim l-idoli jew li m’huwiex leali fiż-żwieġ jew li hu pervertit jew li jġib ruħu t’omosesswali m’għandu sehem fis-Saltna t’Alla. Lanqas min hu ħalliel jew rgħib jew sakranazz jew kulmin jidgħi u jqarraq b’oħrajn.”—1 Korintin 6:9, 10, Contemporary English Version.
Min huma s-sudditi tas-Saltna t’Alla? Ġesù xebbah is-sudditi tas-Saltna t’Alla maʼ nagħaġ. Hu qal: “Jisimgħu leħni, u jsiru merħla waħda, ragħaj wieħed.” (Ġwanni 10:16) Biex ikun sudditu tas-Saltna t’Alla, individwu mhux biss irid jgħid li jsegwi lir-Ragħaj mill-Aħjar, Ġesù, imma wkoll irid jagħmel dak li jikkmanda. Ġesù qal: “Mhux kulmin jgħidli, ‘Mulej, Mulej,’ jidħol fis-saltna tas-smewwiet, imma min jagħmel ir-rieda taʼ Missieri li hu fis-smewwiet.”—Mattew 7:21.
Għalhekk, dawk li huma sudditi tas-Saltna t’Alla jużaw u jonoraw l-isem t’Alla, Ġeħova, bħalma għamel Ġesù. (Ġwanni 17:26) Huma jobdu l-kmand taʼ Ġesù biex jgħallmu lil oħrajn dwar “din l-aħbar tajba tas-saltna.” (Mattew 24:14; 28:19, 20) U huma juru mħabba ġenwina lejn xulxin.—Ġwanni 13:35.
Se ‘Jeqred lil Dawk li Qed Jeqirdu l-Art’
Il-kundizzjonijiet preżenti tad-dinja juru li s-Saltna t’Alla dalwaqt tieħu azzjoni biex iġġib bidliet kbar fuq l-art. Kif nafuh dan? Elfejn sena ilu, Ġesù ddeskriva sinjal b’ħafna aspetti li kellu jindika li “s-saltna t’Alla tkun qrib.” (Luqa 21:31) Bħalma ġie muri fl-artiklu taʼ qabel, l-aspetti tas-sinjal issa qed jidhru biċ-ċar madwar id-dinja kollha.
X’jiġi wara? Ġesù jwieġeb: “Imbagħad ikun hemm tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn.” (Mattew 24:21) Dan m’huwiex diżastru magħmul mill-bniedem. Minflok huwa Alla li jaġixxi biex ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-art.’ (Rivelazzjoni 11:18) In-nies mill-agħar, dawk li bl-għemejjel egoistiċi tagħhom kważi rrovinaw lill-pjaneta, “se jitqaċċtu mill-art.” Imma dawk bla ħtija, li jaqdu lil Alla kif irid hu, “se jibqgħu fiha.”—Proverbji 2:21, 22.
Alla Ġeħova għandu raġuni valida biex jieħu azzjoni drastika. Għala? Ikkunsidra din it-tixbiha: Immaġina li għandek blokk żgħir t’appartamenti. Xi wħud minn dawk li jikru l-appartamenti jġibu ruħhom sew u juru konsiderazzjoni; huma jħallsu l-kera u jieħdu ħsieb sew taʼ djarhom. Madankollu, oħrajn jaqilgħu l-inkwiet u huma egoisti; huma jirrifjutaw li jħallsu l-kera u jagħmlu ħsara kbira lill-bini. Minkejja t-twissijiet ripetuti, huma jibqgħu jġibu ruħhom ħażin. Kieku int x’tagħmel? Bħala s-sid żgur li se tkeċċi ’l barra lil dawk li jġibu ruħhom ħażin.
B’mod simili, Alla Ġeħova, bħala l-Ħallieq taʼ l-art u kulma fiha, għandu d-dritt li jiddeċiedi lil min se jħalli jgħix fuq il-pjaneta. (Rivelazzjoni 4:11) Ġeħova qal li l-iskop tiegħu hu li jneħħi minn fuq din l-art lin-nies mill-agħar li jinjoraw ir-rieda tiegħu jew li jabbużaw mid-drittijiet taʼ l-oħrajn.—Salm 37:9-11.
Ġenna taʼ l-Art Restawrata
Dalwaqt, is-Saltna t’Alla f’idejn Ġesù Kristu se taħkem l-art. Ġesù sejjaħ dan il-bidu mill-ġdid it-“tiġdid taʼ kollox.” (Mattew 19:28) Kif se jkunu l-kundizzjonijiet? Innota l-wegħdi tal-Bibbja li ġejjin:
Salm 46:9. “Iwaqqaf il-gwerer sa truf l-art.”
Isaija 35:1. “Ix-xagħri u r-reġjun bla ilma se jifirħu, u l-pjanura tad-deżert se tifraħ u twarrad bħaż-żagħfran.”
Isaija 65:21-23. “Il-magħżulin tiegħi se jużaw xogħol idejhom bis-sħiħ. Ma jitħabtux għalxejn, u lanqas ma jildu għall-inkwiet.”
Ġwanni 5:28, 29. “Ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu [leħen Ġesù] u joħorġu.”
Rivelazzjoni 21:4. “[Alla] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”
Raġunijiet Biex Nemmnu
Temmen int fil-wegħdi tal-Bibbja? Il-Bibbja bassret li ħafna ma kinux se jemmnu. Din tgħid: “Fl-aħħar jiem jiġu nies li jwaqqgħu kollox għaċ-ċajt . . . u jimxu skond ix-xewqat tagħhom stess u jgħidu: ‘Fejn hi din il-preżenza mwiegħda tiegħu? Għax minn dakinhar li missirijietna raqdu fil-mewt, kollox għadu għaddej eżatt bħalma kien sa mill-bidu tal-ħolqien.’” (2 Pietru 3:3, 4) Imma dawn l-uħud li jwaqqgħu għaċ-ċajt huma żbaljati bil-kbir. Ikkunsidra erbaʼ raġunijiet għala tistaʼ temmen dak li tgħid il-Bibbja:
(1) Fil-passat, Alla aġixxa kontra n-nies mill-agħar fuq l-art. Eżempju li jispikka taʼ dan huwa d-Dilluvju taʼ żmien Noè.—2 Pietru 3:5-7.
(2) Il-Kelma t’Alla bassret bir-reqqa l-kundizzjonijiet taʼ l-art bħalissa.
(3) M’huwiex minnu li “kollox għadu għaddej eżatt bħalma kien sa mill-bidu tal-ħolqien.” Il-pjaneta tagħna qed tbati minn ħsara soċjali, morali, u ambjentali fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha fl-istorja.
(4) L-“aħbar tajba tas-saltna” issa qed tiġi pridkata madwar id-dinja, u dan juri li ‘t-tmiem se jiġi’ dalwaqt.—Mattew 24:14.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jistidnuk biex tistudja magħhom il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, sabiex titgħallem iktar dwar it-tama taʼ ħajja taʼ dejjem taħt il-ħakma tas-Saltna t’Alla. (Ġwanni 17:3) Iva, hemm futur mill-isbaħ jistenna lill-umanità. L-aqwa żmien li qatt eżista jinsab eżatt quddiemna! Se tkun int parti minn dan il-futur?
[Kumment f’paġna 7]
Dawk li jgħidu li l-affarijiet se jibqgħu l-istess bħalma dejjem kienu huma żbaljati bil-kbir
[Stampa f’paġna 8]
Se tkun int parti minn dan il-futur?