Isolvi l-Kwistjoni Universali Għal Dejjem
“Jehovah innifsu fuq il-leminija tiegħek żgur li se jkisser lil slaten f’biċċiet f’jum ir-rabja tiegħu.”−SALM 110:5.
1, 2. Fis-sena 70 E.K., liema ġrajja setgħet tefgħet dubju fuq l-universalità tas-sovranità taʼ Alla Jehovah, imma sa dak iż-żmien, lejn min kien dawwar il-favur tiegħu?
IS-SOVRANITÀ universali tal-Ħallieq tas-sema u tal-art hija l-kwistjoni tal-akbar importanza quddiem il-bnedmin u l-anġli. Dalwaqt, il-kwistjoni se tiġi solvuta darba għal dejjem, imma għal ħafna sekli l-egħdewwa ta ’ Jehovah sfidaw is-sovranità tiegħu. Tabilħaqq, il-qerda fis-70 E.K. tal-belt taʼ Ġerusalemm flimkien mat-tempju tagħha ddedikat lil Jehovah setaʼ tefaʼ dubju dwar l-universalità tas-sovranità tal-Ħallieq. Madankollu, kien hemm raġuni valida għala Jehovah ma għażilx dak in-nhar li jkun Alla gwerrier għan-nom taʼ Iżrael tal-laħam.
2 X’kienet ir-raġuni? Sa dak iż-żmien Alla Jehovah kien dawwar il-favur tiegħu lejn ġens ġdid, Iżrael spiritwali, “l-Iżrael t’Alla,” bħalma l-appostlu Pawlu jsejjaħ il-kongregazzjoni taʼ Ġesù Kristu. (Galatin 6:16) S’issa, madankollu, matul l-hekk imsejħa Era Kristjana kollha, Jehovah ma ġġelidx għal Iżrael spiritwali bħala Alla gwerrier bl-istess mod kif iġġieled għal Iżrael naturali taħt il-patt tal-Ligi taʼ Mosè. Hu saħansitra ppermetta lis-suldati Rumani, bl-instigazzjoni tal-Lhud, li jagħtu l-mewt lil Ġesù Kristu fuq zokk tat-tortura fuq il-Kalvarju. Dak kien 37 sena qabel it-tieni qerda taʼ Ġerusalemm mir-Rumani, fis-sena 70 E.K.
3, 4. Minn żmien Mosè sa żmien is-Sultan Ħeżekija Alla kif kien wera lilu nnifsu bħala gwerrier, imma fil-każ tal-Iżraeliti spiritwali, x’kien il-każ rigward il-ġlied tiegħu u tagħhom?
3 Minn żmien il-profeta Mosè sar-renju tas-Sultan Ħeżekija taʼ Ġerusalemm, Alla Jehovah iġġieled b’mod mirakoluż għall-ġens taʼ Iżrael, u l-Iżraeliti ġġieldu taħtu b’armi qattiela. (Dewteronomju 1:30; 3:22; 20:3, 4; Ġożwè 10:42) Imma mhux hekk fil-każ taʼ Iżrael spiritwali! Mill-mewt taʼ Ġesù Kristu ‘l barra minn Ġerusalemm sal-Era Komuni tagħna, dan Alla gwerrier għażel li ma jiġġelidx fi gwerra fiżika għal Iżrael t’Alla. Bl-istess mod, hu ma awtorizzax lill-Iżraeliti spiritwali li jiffurmaw il-kongregazzjoni Kristjana biex jiġġieldu b’armi materjali tal-gwerra. Il-Kristjani għandhom tip ieħor taʼ gwerra x’jiġġieldu.
4 Fi qbil maʼ dan, wieħed mill-ġellieda ewlenin għall-fidi Kristjana kiteb lill-Kristjani sħabu f’Korintu, il-Greċja: “L-armi tal-gwerra tagħna m’humiex tal-laħam, imma qawwijin permezz t’Alla biex jegħlbu affarijiet li jkunu daħlu fil-fond ħafna. Għax qed naqilbu taʼ taħt fuq raġunar u kull ħaġa mkabbra li titqajjem kontra l-għarfien t’Alla; u qed inġibu kull ħsieb fi qbid biex nagħmluh ubbidjenti għall-Kristu; u qed inżommu lilna nfusna għal-lest biex nagħtu kastig għal kull diżubbidjenza, malli l-ubbidjenza tagħkom infuskom tkun twettqet għalkollox.” (2 Korintin 10:4-6) Iktar kmieni fl-istess ittra, Pawlu tkellem dwar “l-armi tat-tjieba fuq l-id il-leminija u fuq ix-xellugija.”−2 Korintin 6:7; ara wkoll Efesin 6:1l-18.
Jehovah se Jiġġieled f’Armageddon
5. Fil-ġnien taʼ Ġetsemani, x’pożizzjoni ħa Ġesù lejn l-użu taʼ armi materjali għal difiża persunali u x’korsa t’azzjoni jieħdu d-dixxipli tiegħu?
5 Ġesù Kristu, meta kien fuq l-art, qatt ma rrikorra għal armi qattiela biex jiddefendi lilu nnifsu. Fil-lejl meta ġie tradut fil-ġnien taʼ Ġetsemani, id-dixxiplu devot tiegħu Xmun Pietru ħareġ sejf u qataʼ barra l-widna tal-qaddej tal-qassis il-kbir Lhudi. Imma Ġesù b’mod mirakoluż reġaʼ poġġa lura l-widna f’postha u qal: “Dawk kollha li jieħdu s-sejf se jgħibu bis-sejf. Jew taħseb int li ma nistax nappella lil Missieri biex ifornini f’dan il-mument iktar minn tnax-il legjun taʼ anġli? F’dak il-każ, kif isseħħ l-Iskrittura li għandu jiġri b’dan il-mod?” (Mattew 26:52-54) Quddiem dan kollu, dawk li verament jimitaw lill-Iben t’Alla li jissagrifika lilu nnifsu jżommu n-newtralità tagħhom, b’mod dirett kif ukoll indirett, fejn għandhom x’jaqsmu gwerer dinjin.—Ġwann 17:16; 18:36.
6. Matul il-gwerra tal-jum il-kbir taʼ Alla li Jistaʼ Kollox f’Armageddon, x’pożizzjoni se jieħdu x-Xhieda taʼ Jehovah?
6 Hawn, mela, ħalli l-ġnus jingħataw din it-twissija li matul “il-gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox” fil-“post li hu msejjaħ bl-Ebrajk Ħar-Magedon,” ix-Xhieda taʼ Jehovah mhux se jieħdu sehem fil-ġlied. Dan se jħalluh għal dak Alla l-gwerrier, “Jehovah tal-armati,” flimkien mal-leġjuni tiegħu taʼ anġli taħt it-tmexxija taʼ Ġesù Kristu.—Rivelazzjoni 16:14-16; 19:1l-21; Salm 84:12.
Jehovah Dalwaqt Ikompli L-Attivitajiet Militari Tiegħu
7. Bħala Alla gwerrier, Jehovah b’liema titlu ġie msejjaħ, u għadu jixraqlu dak it-titlu?
7 Dak Alla taʼ Iżrael tal-qedem sar magħruf u indirizzat bħala Jehovah tseva’ohth’, jew Jehovah tal-armati. (1 Samwel 1:3, 11) F’Rumani 9:29 (King James Version) l-appostlu Kristjan Pawlu jirreferi għal Isaija 1:9 u jikteb: ”Ħlief għax il-Mulej taʼ Sabaot ħallielna żerriegħa, kieku konna bħal Sodom, u konna sirna bħal Gomorra.” Ukoll, id-dixxiplu Kristjan Ġakbu jikteb: “Il-għajjat tagħhom li ħasdu huma mdaħħlin ġewwa widnejn il-Mulej taʼ sabaot.” (Ġakbu 5:4, KJ; American Standard Version) Mela Pawlu u Ġakbu kklassifikaw lil Alla bħala Jehovah tal-armati matul l-ewwel seklu tal-Era Komuni tagħna. Matul it-18-il seklu taʼ wara, Alla ma ħax sehem fi gwerer tal-laħam għan-nom taʼ Iżrael spiritwali, l-Iżrael t’Alla, bl-istess mod li għamel għal Iżrael tal-qedem, iżda hu għadu Jehovah tal-armati.
8-10. (a) Min awtorizza l-gwerra fis-sema, u Mikiel għala kien mill-iktar ikkwalifikat biex jiggwerra? (b) X’kien ir-riżultat tal-gwerra fis-sema u kemm baqaʼ żmien qabel il-gwerra tal-jum il-kbir taʼ Jehovah?
8 Mat-twelid tas-Saltna Messjanika fl-1914 fit-tmiem taʼ “żminijiet il-Ġentili,” faqqgħet gwerra fil-qasam tas-sema taʼ Alla Jehovah. (Luqa 21:24, KJ) Min awtorizza dik il-gwerra? Alla Jehovah innifsu. Hu bagħat lil Ibnu, li kien ingħata t-tron, fil-kamp tal-battalja taħt l-isem taʼ Mikiel għaliex dan il-Wieħed hu l-iktar ikkwalifikat biex iwieġeb il-mistoqsija li fih dak l-isem, jiġifieri, “Min Hu Bħhal Alla?” Mikiel bla telf taʼ ħin ħa azzjoni bħala r-rappreżentant li jitqabad għal Jehovah tal-armati.
9 Fi qbil maʼ dan, naqraw f’Rivelazzjoni 12:7-10: “U faqqgħet gwerra fis-sema: Mikiel u l-anġli tiegħu tqabdu mad-dragun, u d-dragun u l-anġli tiegħu tqabdu imma ma għelibx, lanqas ma nstab post għalihom iżjed fis-sema. Mela ġie mixħut ’l isfel id-dragun il-kbir, is-serpent oriġinali, dak imsejjaħ Xitan u Satana, li qed jiżżvija lill-art abitata kollha; ġie mixħut ’l isfel lejn l-art, u l-anġli tiegħu ġew mixħutin ’l isfel miegħu. U jien smajt leħen qawwi fis-sema jgħid: ‘Issa seħħet is-salvazzjoni u l-qawwa u s-saltna t’Alla tagħna u l-awtorità tal-Kristu tiegħu, għaliex ix-xellej taʼ ħutna ġie mixħut ’l isfel.’”
10 Sa dan iż-żmien, iktar minn 70 sena wara dik il-battalja fis-sema, baqaʼ biss “perijodu qasir taʼ żmien” qabel tfaqqaʼ l-gwerra tal-jum il-kbir taʼ Jehovah u Alla juri lilu nnifsu b’mod ċar bħala Jehovah tal-armati lill-ġenerazzjoni preżenti taʼ bnedmin.—Rivelazzjoni 12:12; Żakkarija 14:3.
Il-Ġellied Għall-Ivvendikar taʼ Jehovah
11. Liema żmien maħtur jistennew il-fdal tal-merħla ċkejkna u l-folla kbira, u x’se japplawdu b’għajjat taʼ ferħ f’dak il-jum?
11 Taħt ispirazzjoni, il-għaref Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem kiteb: “Għal kollox hemm żmien maħtur, saħansitra ħin għal kull affari taħt is-smewwiet: . . . żmien għal gwerra u żmien għal paċi.” (Ekkleżjasti 3:l-8) Fuq l-art id-dixxipli tas-Sultan renjanti li hu “xi ħaġa iktar minn Salamun” jistennew iż-żmien u l-okkażjoni meta Hu jiggwida l-anġli rebbieħa tas-sema għall-impenn tal-battalja f’Ħar-Magedon. (Mattew 12:42; Rivelazzjoni 19:1l-16) Hemm hu “se jirgħa [lill-ġnus] b’virga tal-ħadid,” billi jkissirhom “b’xettru tal-ħadid.” (Rivelazzjoni 19:15; Salm 2:9) Kemm se japplawdu d-dixxipli protetti tiegħu, li jżommu l-paċi, meta hu jeħlishom b’mod li jqanqal il-biżaʼ! Dan se jinkludi kemm lill-fdal tal-“merħla ċkejkna” taʼ werrieta sħabu fis-Saltna kif ukoll il-“folla kbira” taʼ “ngħaġ oħra” tiegħu li jħaddnu t-tama li jirtu l-Ġenna tal-art taħt ir-renju tiegħu taʼ paċi għal elf sena. (Luqa 12:32; Rivelazzjoni 7:9-17; Ġwann l0:16) B’għajjat taʼ ferħ, “taħt l-istess dell taʼ Dak li Jistaʼ Kollox,” se japplawdu r-rebħa li se tibqaʼ tissemma tas-Sultan Ragħaj, Ġesù Kristu, l-ivvendikar tas-sovranità universali taʼ Alla Jehovah.—Salm 91:1.
12. Minn fejn il-gwerra tinsab imdendla fuq ras il-ġnus, u b’liema riżultat skond Salm 68:1, 2?
12 Mingħajr esaġerazzjoni, jistaʼ issa jingħad li gwerra bil-wisq lil hinn mill-qasam tal-bniedem u li tinvolvi l-użu taʼ armi mmirati bi preċiżjoni li jissuperaw il-bombi nukleari tiegħu hija mdendla fuq ras il-ġnus kollha tal-art, kemm jekk parti jew le mill-organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda. Isma’: “Ħallu lil Alla jqum, ħallu lill-egħdewwa tiegħu jixterdu, u ħallu lil dawk li jobogħduh intensament jaħarbu minħabba fih. Bħalma d-duħħan hu misjuq lil hinn, jalla intom issuqu lilhom lil hinn; bħalma x-xemgħa ddub minħabba n-nar, ħallu lil uħud mill-agħar igħibu minn quddiem Alla.”−Salm 68:1, 2.
13. Hekk kif ikomplu t-tħejjijiet għall-gwerra, lil min huma indirizzati l-kelmiet taʼ Salm 45:l-6 issa b’mod bil-wisq f’waqtu?
13 It-tħejjijiet għall-gwerra fost il-gwerer kollha qegħdin isiru issa. Bħala l-Ġellied minn taʼ quddiemnett t’Alla, il-Gwerrier għall-ivvendikar taʼ Jehovah huwa indirizzat fil-kliem li ġej kompost taħt ispirazzjoni minn membru tal-ġens taʼ Iżrael: “Int tabilħaqq iktar sbejjaħ minn ulied il-bnedmin. Il-ħlewwa ġiet imferraʼ min fuq xofftejk. Dak hu għala Alla bierkek għal żmien indefinit. Ħażżem sejfek fuq irkobbtok, o setgħani, bid-dinjità tiegħek u l-isplendur tiegħek. U fl-isplendur tiegħek mur lejn is-suċċess; irkeb għall-kawża tal-verità u tal-umiltà u tat-tjieba, u idek il-leminija se tgħallmek dwar affarijiet li jqanqlu l-biżaʼ. Il-vleġeġ tiegħek jaqtgħu—taħtek jibqgħu jaqgħu l-popli—f’qalb l-egħdewwa tas-sultan. Alla huwa t-tron tiegħek għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem; ix-xettru tal-istat tiegħek taʼ sultan huwa xettru taʼ dak li hu dritt.”−Salm 45:l-6.
Ġnus Jiġimgħu Lilhom Infushom Flimkien Kontra Jehovah
14, 15. Wara li nħelsu mill-arrest, liema kliem minn Salm 2 ikkwotaw l-appostli bħala li ġie mwettaq, u x’rikjesta għamlu lil Alla?
14 Ftit wara t-twaqqif tal-kongregazzjoni Kristjana fil-jum taʼ Pentekoste tat-33 E.K., Kristjani midlukin għarfu li japplika Salm 2:1, 2. Din l-Iskrittura taqra: “Il-ġnus għala kienu qegħdin fi storbju u l-gruppi nazzjonali nfushom baqgħu jgemgmu ħaġa vojta? Is-slaten tal-art jieħdu l-waqfa tagħhom u l-uffiċjali għoljin infushom inġabru flimkien bħal wieħed kontra Jehovah u kontra l-midluk tiegħu.” Wara li l-appostli tal-Midluk taʼ Jehovah kienu daqu l-ewwel arrest u abbuż tagħhom minn egħdewwa Lhud, huma ngħaqdu mill-ġdid maʼ sħabhom Kristjani u mbagħad ikkwotaw dawn il-kelmiet taʼ Salm 2 kif kompost minn David. Atti 4:23-30 jirrapporta l-ġrajja, billi jgħid:
15 “Wara li nħelsu huma marru għand nieshom stess u rrapportaw liema affarijiet kienu qalulhom il-qassisin ewlenin u l-irġiel ixjeħ. Malli semgħu dan huma b’fehma waħda għollew l-ilħna tagħhom lejn Alla u qalu: ‘Mulej Sovran, int Dak li għamilt is-sema u l-art u l-baħar u l-affarijiet kollha fihom, u li permezz tal-ispirtu qaddis int għidt bil-fomm taʼ missierna tal-qedem David, il-qaddej tiegħek, “Il-ġnus għala saru storbjużi u l-popli jimmeditaw affarijiet vojta. Is-slaten tal-art ħadu l-waqfa tagħhom u l-ħakkiema nġemgħu flimkien bħal wieħed kontra Jehovah u kontra l-midluk tiegħu.” Saħansitra hekk, kemm Erodi u kemm Ponzju Pilatu maʼ nies tal-ġnus u maʼ popli taʼ Iżrael kienu fil-fatt miġburin flimkien f’dil-belt kontra l-qaddej qaddis tiegħek Ġesù, li lilu int dlikt, sabiex jagħmel dawk l-affarijiet li idek u l-parir tiegħek ħatru minn qabel li għandhom iseħħu. U issa, Jehovah, agħti kas tat-theddid tagħhom, u agħti lill-irsiera tiegħek li jibqgħu jitkellmu l-kelma tiegħek bil-qlubija kollha, waqt li tmidd idek biex tfejjaq u waqt li jseħħu sinjali u għeġubijiet permezz taʼ isem il-qaddej qaddis tiegħek, Ġesù.’”
16, 17. (a) Fl-istorja umana kollha, qatt ġrat xi ħaġa li tistaʼ titqabbel maʼ dak li beda jseħħ fl-1914? Spjega. (b) X’korsa t’azzjoni qed ikomplu jieħdu l-ġnus, billi b’hekk qed jobbliġaw lil Alla Jehovah biex jikteb liema ħaġa, rigward ‘il-ktieb tal-gwerer tiegħu’?
16 Madankollu, meta nsemmu ġnus storbjużi, slaten jieħdu l-waqfa tagħhom bħal wieħed, mexxejja politiċi jinġemgħu flimkien kontra Jehovah u l-Midluk tiegħu, Ġesù Kristu, x’hemm fl-istorja umana kollha li jistaʼ jitqabbel maʼ dak li beda 76 sena ilu fl-1914? Dik ma kinetx biss is-sena meta faqqgħet l-ewwel gwerra dinjija fl-eżistenza umana kollha imma b’mod partikulari s-sena meta ż-żminijet tal-Ġentili, “iż-żminijiet maħtura tal-ġnus,” intemmu! (Luqa 21:24) Salm 2 b’mod ċar kellu l-applikazzjoni akbar tiegħu b’seħħ minn dik is-sena.
17 Fit-tmiem taʼ żminijiet il-Ġentili fl-1914, ħadd mill-ġnus—lanqas saħansitra l-ġnus tal-hekk imsejjaħ Kristjaneżmu, li ħafna miċ-ċittadini tagħhom iqisu lilhom infushom b’mod reliġjuż Iżraeliti spiritwali—ma kien lest li jilqaʼ lill-Midluk taʼ Jehovah, Ġesù Kristu, għat-tron taʼ tmexxija għal fuq l-art. U issa, 71 sena wara li “din l-aħbar tajba tas-saltna” bdiet tiġi “ppridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha,” mill-1919 ’il quddiem, il-ġnus taʼ ġewwa jew barra l-Kristjaneżmu ċertament li m’humiex se jagħtu merħba lis-Sultan taʼ Jehovah li ilu jiġi annunzjat u jagħtuh l-allejanza fil-waqt li jċedu l-ħakma tagħhom stess għal fuq l-art. (Mattew 24:14) Għall-kuntrarju, huma fl-aħħar waslu għaż-żmien u s-sitwazzjoni meta huma qed jobbligaw lil Jehovah biex jikteb, bħal li kieku, il-final grandjuż għall-“ktieb tal-Gwerer taʼ Jehovah.”−Numri 21:14.
Trijonf Glorjuż għal Alla l-Gwerrier
18. Dwar liema azzjoni min-naħa taʼ Jehovah aħna fi qbil, u min se jkun maʼ ġenbu, bħal li kieku, bi twettieq taʼ Salm ll0?
18 ’Il quddiem, mela, għal ġol-battalja, O Jehovah tal-armati, bl-Iben irjali tiegħek, Ġesù Kristu, maʼ ġenbek! Lilu huma indirizzati l-kelmiet profetiċi: “Mur rażżan f’nofs l-egħdewwa tiegħek. Jehovah innifsu fuq il-leminija tiegħek ċertament li se jkisser lil slaten f’biċċiet f’jum ir-rabja tiegħu. Hu se jesegwixxi ġudizzju fost il-ġnus; hu se jikkawża milja taʼ iġsma mejtin. Hu ċertament li se jkisser f’biċċiet lill-kap fuq art mimlija nies.”−Salm 110:2, 5, 6.
19. Rigward il-gwerra tal-jum il-kbir taʼ Alla li Jistaʼ Kollox li tinsab preċiż quddiemna, liema talba noffrulu għan-nom tal-folla kbira taʼ ngħaġ oħra?
19 0 Jehovah tal-armati, ħalli lill-qaddejja lejali tiegħek fuq l-art isiru x-xhieda, li jesprimu ferħ kbir, tar-rebħa tiegħek li m’hawnx bħalha permezz tas-Sultan gwerrier tiegħek, Ġesù Kristu, fl-okkażjoni tal-gwerra tal-jum il-kbir taʼ Alla li Jistaʼ Kollox fil-post li hu msejjaħ bl-Ebrajk Ħar-Magedon! (Rivelazzjoni 16:14) Flimkien mal-fdal taʼ Iżraeliti spiritwali veri, ħalli lill-folla kbira taʼ wħud bħal ngħaġ li “ħaslu lbieshom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf” b’ferħ kbir ”joħorġu mit-tribulazzjoni l-kbira” biex ikunu x-xhieda tiegħek fuq l-art għall-eternità kollha! (Rivelazzjoni 7:14) Taħt il-ħarsien taʼ mħabba tiegħek, ħallihom jibqgħu ħajjin bla ma jmutu għal ġod-dominju bla gwerra tal-Iben vittorjuż tiegħek, li se jaħkem għal fuq l-art imnaddfa li trid tiġi trasformata f’ġenna taʼ ġmiel, fi qbil mal-għan oriġinali tiegħek. Ħallihom ikunu evidenza viżibbli għall-mejtin kollha li jiġu rxoxtati b’ivvendikar tas-sovranità li bid-dritt hi tiegħek fuq l-univers kollu! Aħna nirringrazzjawk li int imbagħad tkun solvejt il-kwistjoni universali darba għal dejjem, iva, għal dejjem!
Tiftakar?
◻ Liema hi l-iktar kwistjoni taʼ importanza quddiem l-anġli u l-bnedmin?
◻ X’kuntrast jeżisti bejn il-ġlied taʼ Jehovah għal Iżrael tal-qedem u għal Iżrael spiritwali?
◻ F’Armageddon, x’pożizzjoni se jieħdu x-Xhieda taʼ Jehovah, u għala?
◻ Salm 2:1,2 meta kellu twettieq li qatt ma seħħ bħalu?
Il-kwistjoni universali kif se tissolva għal dejjem?