Naqdu lil Jehovah bil-Ferħ
“Aqdi lil Jehovah bil-ferħ. ldħol quddiemu b’għajta taʼ ferħ.”−SALM 100:2.
1, 2. (a) Ir-razziżmu kif twieled f’Berlin, il-Ġermanja, imma l-kruċjata għal “Reich taʼ Elf Sena” x’sar minnha? (b) Liema kuntrast għall-1936 kien osservat fl-Istadju Olympia f’Lulju l990 u f’liema ħaġa huwa ankrat il-ferħ tal-grupp internazzjonali li nġemgħu f’assemblea hemmhekk?
IX-XENA hi l-istadju Olympia, Berlin. Erbaʼ u ħamsin sena qabel, dan l-istadju mill-aħjar sar ċentru taʼ kontroversja meta d-dittatur Nażista Adolf Hitler ġie rrapportat li injora b’insult lil wieħed ġerrej iswed Amerikan li kien rebaħ erbaʼ medalji tad-deheb. Daqqa, tabilħaqq, għall-istqarrija razzista taʼ Hitler dwar “superjorità Arjana”!a Imma issa, fis-26 taʼ Lulju, 1990, suwed, bojod, sofor—poplu magħqud minn 64 gruppi nazzjonali, 44,532 b’kollox—jinsabu miġburin hawnhekk għall-Konvenzjoni Distrettwali “Lingwa Pura” tagħhom bħala Xhieda taʼ Jehovah. Liema ferħ ifur f’jum il-Ħamis wara nofs in-nhar! Wara t-taħdida tal-magħmudija, 1,018-il kandidat igħajtu, “Ja!” u mill-ġdid, “Ja!” biex jaffermaw id-dedikazzjoni tagħhom lil Alla Jehovah, biex jagħmlu r-rieda tiegħu.
2 Jieħdu 19-il minuta dawn ix-Xhieda ġodda biex joħorġu mill-istadju fi triqithom lejn il-pixxina għall-magħmudija. U matul dawk il-minuti kollha, applaws li jriegħed jinstamaʼ madwar dik l-arena vasta. Rebbieħa fil-Logħob Olimpiku qatt ma kellhom applaws bħal dan li issa jilqaʼ lil dawn il-mijiet, minn bosta gruppi nazzjonali, li qed juru l-fidi li tikkonkwista lid-dinja. (1 Ġwann 5:3, 4) Il-ferħ tagħhom hu ankrat fis-sod fil-fiduċja li l-ħakma tas-Saltna t’Alla permezz taʼ Kristu se ġġib tabilħaqq elf sena taʼ barkiet glorjużi għall-bnedmin.—Ebrej 6:17, 18; Rivelazzjoni 20:6; 21:4, 5.
3. Liema verità hija enfasizzata mill-fiduċja taʼ dawk li attendew il-konvenzjoni, u kif?
3 Ma hawn ebda mibgħeda razzjali jew nazzjonalistika hawnhekk, għax kollha qed jitkellmu l-lingwa pura tal-Kelma t’Alla, billi b’hekk jenfasizzaw il-verità tal-kliem taʼ Pietru: “Ċertament qiegħed nara li Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens il-bniedem li jibżaʼ minnu u jaħdem it-tjieba hu milqugħ minnu.”—Atti 10:34, 35; Sofonija 3:9.
4. Il-maġġoranza taʼ dawk li attendew il-konvenzjoni taħt liema kundizzjonijiet saru wħud li jemmnu, u t-talb tagħhom kif ġie mwieġeb?
4 Parti kbira minn dawn li qed jattendu l-konvenzjoni f’Berlin saru wħud li jemmnu matul snin twal taʼ oppressjoni, minn żmien l-era tan-Nażi (1933-45) u l-era soċjalistika li ġiet wara fil-Ġermanja tal-Lvant, fejn il-projbizzjoni fuq ix-Xhieda taʼ Jehovah għadha kif tneħħiet legalment fl-14 taʼ Marzu, 1990. B’hekk, ħafna minnhom ‘aċċettaw il-kelma taħt ħafna tribulazzjoni fil-ferħ tal-ispirtu qaddis.’ (1 Tessalonkin 1:6) Issa għandhom ħelsien akbar biex jaqdu lil Jehovah, u l-ferħ tagħhom bla qies.—Qabbel Isaija 51:11.
Okkażjonijiet għal Ferħ
5. Iżrael kif iċċelebra l-ħelsien taʼ Jehovah fil-Baħar l-Aħmar?
5 Il-ħelsien taʼ ħutna fl-Ewropa tal-Lvant, u bħalissa f’partijiet tal-Afrika u l-Asja, jfakkarna fl-atti taʼ ħelsien mill-jasar li wettaq Jehovah fi żminijiet imgħoddija. Niftakru l-att setgħani taʼ Jehovah mal-Baħar l-Aħmar, u kif il-għanja taʼ radd il-ħajr minn Iżrael laħqet quċċata bil-kelmiet: “Min fost l-allat hu bħalek, O Jehovah? Min hu bħalek, juri li hu setgħan fil-qdusija? Il-Wieħed li għandhom jibżgħu minnu b’għanjiet taʼ tifħir, il-Wieħed li qed jagħmel meravilji.” (Eżodu 15:11) Illum, ma nkomplux aħna nifirħu bl-affarijiet meraviljużi li Jehovah qed jagħmel għall-poplu tiegħu? Ċertament li hekk nagħmlu!
6.X’nistgħu nitgħallmu mill-għajta taʼ ferħ taʼ Iżrael fis-sena 537 Q.E.K.?
6 Il-ferħ far fis-sena 537 Q.E.K. meta Iżrael ġie restawrat lejn artu wara l-jasar f’Babilonja. Il-ġens taʼ Jehovah setaʼ issa jiddikjara, bħalma kien ipprofetizza Isaija: “Ħares! Alla hu s-salvazzjoni tiegħi. Jien se nafda u ma nkun f’ebda tkexkix; għax Jah Jehovah hu s-saħħa tiegħi u s-setgħa tiegħi, u ġie biex ikun is-salvazzjoni tiegħi.” X’tifħir dak! U l-ġens kif setaʼ jesprimi dak il-ferħ? Isaija jkompli: “F’dak il-jum ċertament li se tgħidu: ‘Iżżu ħajr lil Jehovah! Sejħu lil ismu. Agħmluhom magħrufin fost il-popli l-aġiri tiegħu. Semmu li ismu tqiegħed fil-għoli. Agħmlu melodija lil Jehovah, għax hu għamel iktar minn mistenni.’” Issa setgħu ‘jgħajtu bil-ferħ’ f’li jagħmlu l-atti setgħana tiegħu “magħrufin fl-art kollha,” sewwa sew bħalma jagħmlu l-qaddejja meħlusin taʼ Jehovah illum.—Isaija 12:1-6.
Ferħ fix-Xogħol taʼ Jehovah
7. Liema ħelsien irrikjeda eżaltazzjoni fl-1919?
7 Fi żminijiet moderni l-qaddejja taʼ Jehovah bdew igħajtu bil-ferħ meta tahom ħelsien meraviljuż fl-1919. Fis-26 taʼ Marzu taʼ dik is-sena, membri tal-Ġemgħa li Tiggverna nħelsu mill-ħabs fl-Istati Uniti fejn kienu nqaflu għal disaʼ xhur fuq akkużi foloz taʼ sedizzjoni. X’ċelebrazzjoni grandjuża saret b’merħba lura għalihom fil-Betel taʼ Brooklyn! Iktar minn hekk, dawk kollha tal-fdal midluk setgħu issa jifirħu billi kienu nħelsu spiritwalment minn Babilonja l-Kbira, is-sistema taʼ reliġjon li fiha Satana għaġen lid-dinja kollha.—Rivelazzjoni 17:3-6; 18:2-5.
8. Liema ħarġa sorprendenti kienet imħabbra fil-Konvenzjoni taʼ Cedar Point fl-1919, u liema sejħa għall-azzjoni ngħatat?
8 L-iżviluppi storiċi tal-1919 ġew inkurunati bil-konvenzjoni tal-poplu t’Alla li saret f’Cedar Point, Ohio, U.S.A., mill-1 sat-8 taʼ Settembru. Fil-ħames jum taʼ dik l-assemblea, “Jum il-Ħaddiema Mseħbin,” il-president tal-Watch Tower Society, J. F. Rutherford, indirizza lil 6,000 f’taħdida mqanqla intitolata “Inħabbru s-Saltna.” Wara li ddiskuta Rivelazzjoni 15:2 u Isaija 52:7, hu qal lis-semmiegħa tiegħu li rivista ġdida, The Golden Age (li hi issa magħrufa bħala Awake!), kienet se tiġi ppubblikata kull gimgħatejn, b’mod speċjali għal tqassim fil-għalqa. Bħala konklużjoni hu qal: “Dawk li huma devoti għalkollox lejn il-Mulej; dawk li ma jibżgħux, li qlubhom huma puri, li jħobbu lil Alla u lill-Mulej Ġesù b’moħħhom kollu, b’saħħithom kollha, b’ruħhom kollha u bl-esseri kollu tagħhom, se jifirħu, skond l-opportunità li jkollhom, biex jieħdu sehem f’dan ix-xogħol. Itlob lill-Mulej għall-gwida u d-direzzjoni tiegħu biex jistaʼ jagħmlek ambaxxatur veru, leali, u effiċjenti. Imbagħad, b’għanja taʼ ferħ ġewwa qalbek, mur ’il quddiem biex taqdih.”
9, 10. Jehovah kif ġab ir-riżq fuq il-pubblikazzjoni tar-rivisti Watchtower u Awake!?
9 Dik il-“għanja taʼ ferħ” instemgħet mal-art kollha! Ħafna mill-qarrejja tagħna ħadu sehem, bla dubju, f’li jkabbru ċ-ċirkolazzjoni tar-rivista Awake! għat-12,980,000 kopja preżenti taʼ kull ħarġa f’64 lingwa. Bħala għodda qawwija f’li twassal lil persuni interessati lejn il-verità, ir-rivista Awake! isservi bħala sieħba għal The Watchtower. F’pajjiż Orjentali, oħt li hija pijuniera, u li għandha ‘magazine route’ regulari, issorprendiet ruħha meta sabet li kull darba li wasslet l-aħħar rivisti, l-inkwilin ta donazzjoni ekwivalenti għal 7 dollari Amerikani għax-xogħol mad-dinja kollha tax-Xhieda taʼ Jehovah—u b’hekk ċertament li wera apprezzament mill-aħjar lejn ix-xogħol tas-Saltna!
10 Billi issa bdiet il-112-il sena taʼ pubblikazzjoni tagħha, ir-rivista Watchtower għandha ċirkolazzjoni taʼ 15,290,000 f’111-il lingwa, u 59 minn dawn l-edizzjonijiet jidhru simultanjament mad-dinja kollha bl-istess kontenut. Bħala prokuratur leali, il-fdal midluk ikompli jagħti lil qarrejja li japprezzaw “il-kejl tagħhom taʼ provisti taʼ ikel [spiritwali] fi żmien xieraq.” (Luqa 12:42) Matul l-1990, ix-Xhieda taʼ Jehovah irrapportaw li ħallew man-nies 2,968,309 abbonamenti ġodda għaż-żewġ rivisti, żjieda taʼ 22.7 fil-mija fuq l-1989.
Il-Ferħ Huwa Kotran
11. (a) Liema sejħa kienet mogħtija lin-nies t’Alla f’Cedar Point fl-1922? (b) Il-għajta taʼ ferħ kif ġiet imkabbra?
11 Il-ferħ kien kotran ukoll hekk kif in-nies t’Alla, issa 10,000 fil-għadd, inġemgħu għat-tieni konvenzjoni f’Cedar Point, f’Settembru tal-1922, bi 361 jiġu mgħammdin. Fit-taħdida tiegħu “Is-Saltna tas-Sema Hi Fil-Qrib,” ibbażata fuq Mattew 4:17, Ħuna Rutherford wasal għall-quċċata li tqanqal: “Id-dinja trid tkun taf li Jehovah hu Alla u li Ġesù Kristu hu Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien. Dan hu l-jum fuq il-jiem kollha. Araw, is-Sultan jirrenja! Intom l-aġenti tal-pubbliċità tiegħu. Għalhekk irriklamaw, irriklamaw, irriklamaw, is-Sultan u s-saltna tiegħu.” Dawk li ħadu sehem fil-għajta taʼ ferħ li nstemgħet f’dik il-konvenzjoni kibru fin-numru sakemm fl-1989 iktar minn 6,600,000 nġabru f’1,210 konvenzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja, fejn 123,688 kienu mgħammdin.
12. (a) In-nies t’Alla f’liema ferħ li ma jistax jiġi kkalkulat jieħdu sehem illum? (b) Aħna kif nibbilanċjaw is-servizz tagħna lejn Jehovah mal-ubbidjenza lejn “l-awtoritajiet superjuri”?
12 Ix-Xhieda taʼ Jehovah igħożżu l-libertà tagħhom. Fuq kollox, huma jifirħu fit-twettieq modern tal-kliem taʼ Ġesù: “U se tkunu tafu l-verità, u l-verità se teħliskom.” X’ferħ hu li niġu meħlusin mill-misteri u s-superstizzjonijiet tar-reliġjon falza! X’ferħ li ma jistax jiġi kkalkulat hu li nafu lil Jehovah u lil Ibnu u li nsiru ħaddiema bi sħab magħhom, bil-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem! (Ġwann 8:32; 17:3; 1 Korintin 3:9-11) Il-qaddejja t’Alla japprezzawh ukoll meta l-“awtoritajiet superjuri” taʼ din id-dinja, li taħthom huma jgħixu, jonoraw il-libertà tagħhom biex ixandru t-tama glorjuża tas-Saltna taʼ Jehovah taħt Kristu. Huma minn jeddhom ‘iħallsu lura l-affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri,’ waqt li fl-istess ħin iħallsu “l-affarijiet t’Alla lil Alla.”—Rumani 13:1-7; Luqa 20:25.
13. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif esprimew il-ferħ tagħhom meta nħelsu mill-oppressjoni?
13 Madankollu, jekk l-awtoritajiet umani jippruvaw jillimitaw dan l-obbligu lil Alla ix-Xhieda taʼ Jehovah iwieġbu bħalma wieġbu l-appostli: “Aħna rridu nobdu ’l Alla bħala ħakem iktar milli lill-bniedem.” F’dik l-okkażjoni, wara li l-ħakkiema ħelsu lill-appostli, dawn “telqu għal triqthom . . . jifirħu.” Kif esprimewh dak il-ferħ? “Kuljum fit-tempju u minn dar għal dar komplew bla heda jgħallmu u jiddikjaraw l-aħbar tajba dwar il-Kristu, Ġesù.” (Atti 5:27-32, 41, 42) Bl-istess mod, ix-Xhieda taʼ Jehovah illum jifirħu meta jiksbu libertà akbar biex iwettqu l-ministeru tagħhom. F’ħafna pajjiżi fejn Jehovah fetaħ it-triq, huma jesprimu ferħ kbir billi jagħtu xiehda bir-reqqa favur l-isem taʼ Jehovah u s-Saltna li ġejja tiegħu bi Kristu Ġesù.—Qabbel Atti 20:20, 21, 24; 23:11; 28:16, 23.
Nissaportu Bil-Ferħ
14. Dan il-ferħ li hu frotta tal-ispirtu kif jisboq lil dak li dizzjunarju jgħid li hu?
14 X’inhu dan il-ferħ kbir li l-veri Kristjani jġarrbu? Huwa ferm iktar profond u iktar permanenti mill-ferħ tal-mument taʼ xi rebbieħ fil-Logħbiet Olimpiċi. Huwa frotta tal-ispirtu qaddis t’Alla, li Alla jagħti lil dawk ‘li qed jobdu lilu bħala ħakem.’ (Atti 5:32) Id-dizzjunarju taʼ Webster igħid li l-ferħ huwa ‘iktar profond mill-għaxqa, iktar radjanti jew dimostrattiv mill-hena.’ Għall-Kristjan, il-ferħ għandu saħansitra tifsir iktar penetranti. Billi huwa ankrat fil-fidi tagħna, huwa kwalità qawwija, li ssaħħaħ. “Il-ferħ taʼ Jehovah huwa l-fortizza tagħkom.” (Neħemija 8:10) Il-ferħ taʼ Jehovah, li n-nies t’Alla jikkultivaw, jisboq bil-wisq lill-eċċitament superfiċjali li n-nies jieħdu mill-pjaċiri tal-laħam, tad-dinja.—Galatin 5:19-23.
15. (a) Fl-esperjenza taʼ Kristjani leali, is-sabar kif kien imsieħeb mal-ferħ? (b) Iċċita xi skritturi li jagħtu assigurazzjoni li ssaħħaħ rigward li wieħed iżomm il-ferħ.
15 Ikkunsidra lil ħutna fl-Ukranja. Meta l-‘awtorità superjuri’ bagħtet lil eluf minn dawn ġewwa s-Siberja fil-bidu tas-snin 50, huma sofrew tbatijiet kbar. Iktar tard, meta l-awtorità tathom amnestija, huma esprimew ringrazzjament, imma mhux kollha marru lura lejn art twelidhom. Għala? It-tbatijiet tagħhom fil-Lvant kienu fakkruhom f’Ġakbu 1:2-4: “Qisuh kollu ferħ, ħuti, meta tiltaqgħu maʼ diversi provi, billi tafu bħalma tagħmlu li din il-kwalità ppruvata tal-fidi tagħkom tipproduċi s-sabar.” Huma riedu jkomplu jistabru f’dak il-ħsad ferrieħi, u x’ferħ kien hemm f’konvenzjonijiet riċenti tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Polonja meta tajna merħba lil Xhieda li ġew mil-Lvant imbiegħed daqs il-komunitajiet tax-xatt tal-Paċifiku. Is-sabar u l-ferħ imxew id f’id biex jipproduċu dan il-frott. Tabilħaqq, ilkoll kemm aħna li nistabru bil-ferħ fis-servizz taʼ Jehovah nistgħu ngħidu: “Iżda, inkwantu għalija, jien se neżalta f’Jehovah innifsu; jien se nkun ferħan f’dak Alla tas-salvazzjoni tiegħi. Jehovah il-Mulej Sovran hu l-enerġija vitali tiegħi.”—Ħabakkuk 3:18, 19; Mattew 5:11, 12.
16. L-eżempji mill-aħjar taʼ Ġeremija u Ġob kif għandhom jinkuraġġuna fix-xogħol tagħna tal-għalqa?
16 Kif, iżda, nistgħu aħna nżommu l-ferħ tagħna meta nagħtu xiehda fost opponenti taʼ rashom iebsa? Ftakar li l-profeti t’Alla żammew attitudni ferrieħa f’ċirkustanzi simili. Ġeremija stqarr meta kien taħt prova: “Il-kelmiet tiegħek instabu, u jien issoktajt nikolhom; u l-kelma tiegħek issir għalija l-eżaltazzjoni u l-ferħ taʼ qalbi; għax ismek ġie msejjaħ fuqi, O Jehovah Alla tal-armati.” (Ġeremija 15:16) Xi privileġġ li tiġi msejjaħ bl-isem taʼ Jehovah u li tagħti xiehda għal dak l-isem! L-istudju persunali bil-għaqal u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħna fil-laqgħat Kristjani jibnuna biex inkomplu nifirħu fil-verità. Il-ferħ tagħna se jidher fl-imġieba tagħna fil-għalqa u fit-tbissima tagħna tas-Saltna. Saħansitra taħt provi ħorox, Ġob setaʼ jgħid dwar l-egħdewwa tiegħu: “Jien kont nitbissmilhom—ma kinux jemmnuh—u d-dawl taʼ wiċċi ma kinux iwaqqgħuh.” (Ġob 29:24) Bħal Ġob li kien leali, m’għandniex għalfejn insewdu qalbna meta dawk li jopponuna jwaqqgħuna għaċ-ċajt. Ibqgħu tbissmu! Id-dehra tagħna tistaʼ tirrifletti l-ferħ tagħna u b’hekk niksbu widnejn li jisimgħu.
17. Is-sabar bil-ferħ kif jistaʼ jagħti l-frott?
17 Hekk kif inżuru territorju darba wara l-oħra, is-sabar u l-ferħ tagħna jistgħu jimpressjonaw lil nies ġwejdin u jinkuraġġuhom biex jeżaminaw it-tama glorjuża li aħna noffru. X’ferħ ikun li nikkonduċu studji tal-Bibbja magħhom fuq bażi regulari! U hekk kif idaħħlu fi qlubhom il-veritajiet prezzjużi tal-Kelma t’Alla, x’ferħ inħossu meta huma fl-aħħar isiru sħabna fis-servizz taʼ Jehovah! Imbagħad inkunu nistgħu ngħidu, bħalma l-appostlu Pawlu qal lill-ġodda li emmnu fi żmienu: “Għax x’inhi t-tama tagħna jew il-ferħ jew il-kuruna taʼ eżaltazzjoni—mhix fil-fatt intom?—quddiem il-Mulej tagħna Ġesù fil-preżenza tiegħu? Intom żgur li intom il-glorja u l-ferħ tagħna.” (1 Tessalonkin 2:19, 20) Verament, ferħ sodisfaċenti jistaʼ jinstab f’li nwasslu lil uħud ġodda lejn il-verità tal-Kelma t’Alla u f’li ngħinuhom biex isiru Xhieda ddedikati u mgħammdin.
Ferħ Li Jwieżen
18. Liema ħaġa se tgħinna biex inlaħħqu maʼ diversi provi tal-lum?
18 Fil-ħajja tagħna taʼ kuljum, ħafna sitwazzjonijiet jistgħu jirrikjedu sabar. Il-mard fiżiku, id-dipressjoni, u t-tbatija ekonomika huma biss ftit. Kif jistaʼ l-Kristjan iżomm il-ferħ tiegħu sabiex ilaħħaq maʼ provi bħal dawn? Dan jistaʼ jsir billi jmur fil-Kelma t’Alla għal faraġ u gwida. Li taqra jew li tismaʼ l-qari tas-salmi jistaʼ jipprovdi ħafna serħan il-moħħ fi żmien taʼ prova. U nnota l-parir għaqli taʼ David: “Itfaʼ t-tagħbija tiegħek fuq Jehovah innifsu, u hu nnifsu se jsostnik. Hu qatt ma se jħalli lill-wieħed twajjeb jixxengel.” (Salm 55:22) Jehovah huwa tabilħaqq “Semmiegħ it-talb.”—Salm 65:2.
19. Bħal David u Pawlu, liema fiduċja jistaʼ jkollna?
19 L-organizzazzjoni taʼ Jehovah, permezz tal-pubblikazzjonijet tagħha u tal-anzjani tagħha fil-kongregazzjonijiet, hija dejjem lesta li tgħinna, peress li aħna bnedmin fraġli, biex nitqabdu mal-problemi tagħna. David jagħti parir b’mod kordjali: “Gerbeb fuq Jehovah il-mogħdija tiegħek, u oqgħod fuqu, u hu nnifsu se jaġixxi.” Hu setaʼ jgħid ukoll: “Raġel żagħżugħ jien kont, jien ukoll xjaħt, u madankollu ma rajt lil ħadd twajjeb mitluq għalkollox, lanqas lin-nisel tiegħu jfittex il-ħobż.” Fi sħubija mal-kongregazzjoni Kristjana, aħna se nirrealizzaw li “s-salvazzjoni tat-twajbin hi minn Jehovah; hu l-fortizza tagħhom fi żmien taʼ nkwiet.” (Salm 37:5, 25, 39) Dejjem ejjew insegwu l-parir taʼ Pawlu: “Għalhekk ma nċedux, . . . waqt li nżommu għajnejna, mhux fuq l-affarijiet li jidhru, imma fuq l-affarijiet li ma jidhrux. Għax l-affarijiet li jidhru huma temporanji, imma l-affarijiet li ma jidhrux huma għal dejjem.”—2 Korintin 4:16-18.
20. X’naraw bil-għajn tal-fidi, u dan kif iqanqalna?
20 Bil-għajnejn tal-fidi tagħna, aħna nistgħu naraw is-sistema ġdida taʼ Jehovah fil-viċin. X’ferħ u x’barkiet li m’hawnx bħalhom se jkunu hemm! (Salm 37:34; 72:1, 7; 145:16) Bi tħejjija għal dak iż-żmien glorjuż, ejjew nagħtu kas il-kliem taʼ Salm 100:2: “Aqdi lil Jehovah bil-ferħ. Idħol quddiemu b’għajta taʼ ferħ.”
[Nota taʼ taħt]
a Inkwantu għas-“superjorità Arjana,” The New York Times tas-17 taʼ Frar, 1940, ikkwotat lil amministratur Kattoliku tal-Università taʼ Georgetown bħala li qal li “hu kien semaʼ lil Adolf Hitler igħid li l-Imperu Ruman Qaddis, li kien imperu Ġermaniż, irid jerġaʼ jiġi stabbilit.” Imma William L. Shirer, kittieb tal-istorja, jiddeskrivi r-riżultat: “It-Tielet Reich li twieled nhar it-30 taʼ Jannar, 1933, ftaħar Hitler, kellu jdum għal elf sena, u fil-lingwaġġ tan-Nażi spiss kienu jirreferu għalih bħala r-‘Reich taʼ Elf Sena.’ Dam tnax-il sena u erbaʼ xhur.”
B’Reviżjoni:
◻ Liema konkwista taʼ ferħ taʼ razziżmu tidher illum?
◻ X’kien li ġiegħel lin-nies t’Alla tal-qedem ikantaw u jgħajtu bil-ferħ?
◻ Il-ferħ veru kif żdied fi żminijiet moderni?
◻ Is-sabar u l-ferħ kif imorru id f’id?
◻ B’liema mezzi nistgħu aħna nwieżnu l-ferħ tagħna?