LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w91 4/15 pp. 6-10
  • Għallem Pubblikament u Minn Dar Għal Dar

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għallem Pubblikament u Minn Dar Għal Dar
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Metodu Appostoliku
  • Ebda Sostitut Għalih
  • L-​Anzjani Jridu Jkunu Minn taʼ Quddiem
  • Kulħadd Xhud
  • L-Għoti taʼ Xiehda minn Dar għal Dar
    Il-Ministeru tas-Saltna—2006
  • Il-Ministeru Minn Dar Għal Dar—Għala Importanti Issa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Determinati li Nagħtu Xiehda bir-Reqqa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • “Agħmel Ħidma taʼ Evanġelista”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
w91 4/15 pp. 6-10

Għallem Pubblikament u Minn Dar Għal Dar

“Ma qtajtx qalbi milli . . . ngħallimkom pubblikament u minn dar għal dar.”—ATTI 20:20, “Byington.”

1. Qassis Kattoliku kif ikkummenta dwar kemm hu effettiv il-​ministeru minn dar għal dar tax-​Xhieda taʼ Jehovah?

“IL-​KATTOLIĊI Jieħdu l-​Vanġelu minn Dar għal Dar.” Hekk ħabbar titlu f’The Providence Sunday Journal tal-​4 t’Ottubru, 1987. Il-​gazzetta rrapportat li għan ewlieni taʼ din l-​attività kien biex “jistiednu lil xi wħud min-​nies inattivi tal-​parroċċa biex jerġgħu lura lejn ħajja parrokkjali iktar attiva.” Il-​qassis John Allard, direttur tal-​Uffiċċju għall-​Evanġelizzazzjoni fid-​Djoċesi taʼ Providence, ġie kkwotat li qal: “Żgur li se jkun hemm ħafna xettiċiżmu. In-​nies se jgħidu, ‘Arahom sejrin, sewwa sew bħax-​Xhieda taʼ Jehovah.’ Imma x-​Xhieda taʼ Jehovah huma effettivi, hux tassew? Nagħmel imħatra li jekk tidħol fi kwalunkwe Kingdom Hall fl-​istat [taʼ Rhode Island, U.S.A.,] int se ssib kongregazzjonijiet mimlijin b’uħud li qabel kienu Kattoliċi.”

2. Liema mistoqsija tiġi mqajma b’mod xieraq?

2 Iva, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin sew għall-​ministeru effettiv tagħhom minn dar għal dar. Imma għala jmorru minn dar għal dar?

Il-​Metodu Appostoliku

3. (a) Ġesù Kristu liema inkarigu ta lid-​dixxipli tiegħu? (b) Is-​segwaċi bikrin taʼ Kristu b’liema mod ewlieni wettqu l-​inkarigu tagħhom?

3 Ġesù Kristu ta lis-​segwaċi tiegħu dan l-​inkarigu taʼ tifsira: “Morru għalhekk u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, billi tgħammduhom fl-​isem tal-​Missier u tal-​Iben u tal-​ispirtu qaddis, billi tgħallmuhom josservaw l-​affarijiet kollha li kkmandajtkom. U, ħares! jiena magħkom il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet.” (Mattew 28:19, 20) Il-​mod prinċipali li bih kellu jsir ix-​xogħol sar evidenti immedjatament wara l-​jum taʼ Pentekoste tat-​33 E.K. “Kuljum fit-​tempju u minn dar għal dar komplew bla heda jgħallmu u jiddikjaraw l-​aħbar tajba dwar il-​Kristu, Ġesù.” (Atti 5:42) Xi 20 sena wara, l-​appostlu Pawlu kien qed jieħu sehem fil-​ministeru minn dar għal dar, għax hu fakkar lill-​anzjani Kristjani mill-​belt taʼ Efesu: “Ma żammejtx lura milli ngħidilkom l-​affarijiet li kienu taʼ ġid lanqas milli ngħallimkom pubblikament u minn dar għal dar.”—Atti 20:20.

4. Għala nistgħu ngħidu li Atti 5:42 u Atti 20:20 ifissru li l-​ippridkar tas-​segwaċi taʼ Ġesù kien imqassam minn dar għal dar?

4 F’​Atti 5:42 il-​kelmiet “minn dar għal dar” huma tradotti minn kat’ oiʹkon. Hawn ka·taʹ hi wżata f’sens “distributtiv.” B’hekk, l-​ippridkar tad-​dixxipli kien imqassam minn dar għal oħra. Billi kkummenta fuq Atti 20:20, Randolph O. Yeager kiteb li Pawlu għallem “kemm f’assembleat pubbliċi [de·mo·siʹa] u minn dar għal dar ([ka·taʹ] distributtiva bl-​akkużattiv). Pawlu kien qattaʼ tliet snin f’Efesu. Hu żar kull dar, jew tal-​inqas hu ppriedka lin-​nies kollha (vers 26). Hawnhekk hawn digriet skritturali għal evanġelizzazzjoni minn dar għal dar kif ukoll dik imwettqa f’laqgħat pubbliċi.”

5. F’​Atti 20:20, Pawlu għala ma kienx qed jirreferi biss għal żjajjar soċjali lil anzjani jew żjajjar pastorali?

5 Użu simili taʼ ka·taʼ jidher f’​Luqa 8:1, li jitkellem dwar li Ġesù jippriedka “minn belt għal belt u minn raħal għal raħal.” Pawlu uża l-​forma fil-​plural kat’ oiʹkous f’​Atti 20:20. Hawn xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja jaqraw “fi djarkom.” Imma l-​appostlu ma kienx qed jirreferi biss għal żjajjar soċjali għand l-​anzjani jew għal żjajjar pastorali fid-​djar taʼ sħabhom fit-​twemmin. Il-​kliem li jmiss tiegħu juri li hu kien qed jitkellem dwar ministeru minn dar għal dar fost dawk li ma kinux jemmnu, għax hu qal: “Imma jien tajt xiehda bis-​sħiħ kemm lil Lhud u kemm lil Griegi dwar indiema lejn Alla u fidi fil-​Mulej tagħna Ġesù.” (Atti 20:21) Dawk li emmnu kienu diġà nidmu u eżerċitaw fidi f’Ġesù. B’hekk, kemm Atti 5:42 u kemm Atti 20:20 għandhom x’jaqsmu mal-​ippridkar lil dawk li ma jemmnux “minn dar għal dar,” jew minn bieb għal bieb.

Ebda Sostitut Għalih

6. X’intqal dwar in-​natura tax-​xogħol taʼ ppridkar taʼ Pawlu f’Efesu?

6 Billi kkummenta dwar il-​kliem taʼ Pawlu f’​Atti 20:20, fl-​1844 Abiel Abbot Livermore kiteb: “Hu ma kienx kuntent biss b’li jagħti taħdidiet fl-​assemblea pubblika, u b’li jiddispensa b’istrumentalitajiet oħra, imma b’mod żeluż wettaq ix-​xogħol kbir tiegħu fil-​privat, minn dar għal dar, u litteralment ħa d-​dar il-​verità tas-​sema fid-​djar u fil-​qlub tal-​Efesin.” Dan l-​aħħar, ġie osservat: “It-​tqassim minn dar għal dar tal-​evanġelju kien karatteristiku tal-​Kristjani tal-​ewwel seklu mill-​bidu (cf. Atti 2:46; 5:42). . . . [Pawlu] kien wettaq bis-​sħiħ ir-​responsabbiltà tiegħu kemm lil Lhud u kemm lil Ġentili f’Efesu, u huma tħallew mingħajr skuża jekk għebu fid-​dnubiet tagħhom.”—The Wesleyan Bible Commentary, ir-​4 Volum, paġni 642-3.

7. Għala jistaʼ jingħad li Alla japprova l-​ministeru minn dar għal dar tax-​Xhieda taʼ Jehovah?

7 Għalkemm li wieħed jitkellem fil-​pubbliku għandu postu f’li tixxandar l-​aħbar tajba, dan mhux sostitut għal kuntatt persunali fil-​bieb. F’dan ir-​rigward, l-​istudjuż Joseph Addison Alexander qal: “Il-​knisja għadha ma vvintat xejn biex tforni l-​post jew tisfida l-​effett tal-​ippridkar fil-​knisja u fid-​djar.” Kif poġġieha l-​istudjuż O. A. Hills: “It-​tagħlim pubbliku u t-​tagħlim minn dar għal dar iridu jimxu id f’id.” Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jipprovdu tagħlim permezz taʼ taħdidiet fil-​Laqgħat Pubbliċi tagħhom taʼ kull ġimgħa. Huma għandhom ukoll evidenza ċara li l-​metodu appostoliku taʼ tixrid tal-​verità tal-​Bibbja minn dar għal dar huwa effettiv. U Jehovah żgur li japprovah, għax bħala riżultat taʼ dan il-​ministeru, hu qed iġiegħel lil eluf jiġru lejn il-​qima eżaltata tiegħu kull sena.—Isaija 2:1-4; 60:8, 22.

8. (a) X’intqal dwar ir-​raġuni għala l-​ippridkar minn dar għal dar huwa effettiv? (b) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif jistgħu jiġu mqabblin maʼ Pawlu fl-​ippridkar fuq il-​għatba tal-​bieb u f’għoti ieħor taʼ xiehda?

8 Awtorità oħra qalet: “In-​nies isibuha iktar faċli biex jiftakru dak li jitgħallmu fuq il-​għatba tal-​bieb tagħhom milli dak li jitgħallmu fuq il-​għatba tal-​knisja.” Sewwa, Pawlu kien fuq il-​għatba tal-​bibien regolarment, u b’hekk ta eżempju mill-​aħjar bħala ministru. “Hu ma kienx kuntent b’li jgħallem u jagħti taħdidiet fis-​sinagoga u fis-​suq,” kiteb l-​istudjuż tal-​Bibbja Edwin W. Rice. “Hu kien dejjem ‘igħallem’ bil-​għaqal ‘minn dar għal dar.’ Kienet taqbida mal-​ħażen minn dar-għal-dar, id-​għal-id, wiċċ-għal-wiċċ, u biex jirbaħ lil bnedmin lejn Kristu, li hu ġġieled f’Efesu.” Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jirrealizzaw li diskussjonijiet wiċċ imb’wiċċ fuq il-​għatba tal-​bieb huma effettivi. Iktar minn hekk, huma jagħmlu żjajjar lura u huma kuntenti li jitkellmu saħansitra maʼ dawk li jopponu jekk dawn l-​individwi jippermettu li jsiru diskussjonijiet raġonevoli. Kemm huma bħal Pawlu! Dwaru, F. N. Peloubet kiteb: “Ix-​xogħol taʼ Pawlu ma kienx kollu fil-​laqgħat. Bla dubju hu żar lil ħafna nies personalment fid-​djar tagħhom kulfejn sar jaf b’xi wieħed li kien qed jistaqsi, jew li kien tant interessat jew saħansitra jopponi li kien lest li jitħaddet dwar ir-​reliġjon.”

L-​Anzjani Jridu Jkunu Minn taʼ Quddiem

9. Pawlu liema eżempju ta lil sħabu l-​anzjani?

9 Pawlu liema eżempju ta għal sħabu l-​anzjani? Hu wera li huma għandhom ixandru l-​aħbar tajba minn dar għal dar bi qlubija u mingħajr ma jgħejjew. Fl-​1879, J. Glentworth Butler kiteb: “[L-anzjani Efesin] kienu jafu li fl-​ippridkar [taʼ Pawlu] hu ma kienx ġie effettwat assolutament mill-​ħsieb taʼ periklu jew popolarità persunali; li hu ma kien żamm lura xejn mill-​verità meħtieġa; li hu ma kienx, billi żamm maʼ naħa waħda, tkellem dwar aspetti strambi jew ġodda tal-​verità, imma kien ħeġġeġ biss u dak kollu li kien taʼ profitt ‘biex isaħħaħ,’ jew jibni: il-​parir kollu t’Alla fis-​safa u l-​milja tiegħu! U din il-​‘wirja’ leali, dan it-​‘tagħlim’ ħerqan tal-​verità Kristjana kienet id-​drawwa tiegħu, mhux biss fl-​iskola taʼ Tirannus u f’postijiet oħra fejn jinġabru d-​dixxipli, imma f’kull dar aċċessibbli. Minn dar għal dar, u minn ruħ għal ruħ, jum wara jum hu ġarr il-​bxara t-​tajba b’xewqa u xenqa bħal taʼ Kristu. Għall-​klassijiet u r-​razez kollha, għal-​Lhudi ostili u għall-​Grieg irrabjat, it-​tema waħda tiegħu—dik li, spjegata bis-​sħiħ, tinkludi l-​veritajiet essenzjali l-​oħra kollha taʼ salvazzjoni—kienet indiema lejn Alla, u fidi lejn il-​Mulej tagħna Ġesù Kristu.”

10, 11. (a) Rigward il-​ministeru Kristjan, Pawlu x’kien jistenna mill-​anzjani taʼ Efesu? (b) Bħal Pawlu, ix-​Xhieda taʼ Jehovah, inklużi l-​anzjani, f’liema xorta taʼ ppridkar jieħdu sehem?

10 Fil-​qosor, mela, Pawlu x’kien jistenna mill-​anzjani taʼ Efesu? L-​istudjuż E. S. Young ġabar fil-​qosor il-​kliem tal-​appostlu b’dan il-​mod: “Jien ma tkellimtx biss fil-​pubbliku, imma tħabatt minn dar għal dar, mal-​klassijiet kollha, kemm Lhud u kemm Ġentili. It-​tema tal-​ministeru tiegħi għall-​klassijiet kollha kienet ‘indiema lejn Alla u fidi fil-​Mulej tagħna Ġesù Kristu.’” Billi poġġa l-​kliem taʼ Pawlu b’mod ieħor, W. B. Riley kiteb: “It-​tifsir ċar kien: ‘Jien nistenna li intom tkomplu dak li bdejt jien, kemm biex tagħmlu u kemm biex tgħallmu u nistenna li intom tirreżistu bħalma rreżistejt jien; biex tgħallmu kemm privatament u kemm pubblikament bħalma għamilt jien fit-​toroq u minn dar għal dar, biex tagħtu xiehda bl-​istess mod lil Lhud u lil Griegi dwar indiema lejn Alla u fidi lejn il-​Mulej tagħna Ġesù Kristu, għax dawn huma l-​affarijiet fundamentali!’”

11 B’mod ċar, f’Atti kapitlu 20, Pawlu kien qed juri lil sħabu l-​anzjani li huma kienu mistennijin li jkunu xhieda taʼ Jehovah minn dar għal dar. F’dan ir-​rigward l-​anzjani tal-​ewwel seklu kellhom ikunu minn taʼ quddiem, billi jagħtu eżempju xieraq lil membri oħra tal-​kongregazzjoni. (Qabbel Ebrej 13:17.) Bħal Pawlu, mela, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jippridkaw minn dar għal dar, igħidu lin-​nies tal-​ġnus kollha dwar is-​Saltna t’Alla, indiema Lejh, u fidi f’Ġesù Kristu. (Mark 13:10; Luqa 24:45-48) U f’dan ix-​xogħol minn dar għal dar, anzjani maħturin fost ix-​Xhieda tal-​lum huma mistennijin li jkunu minn taʼ quddiem.—Atti 20:28.

12. Xi wħud li qabel kienu anzjani xi rrifjutaw li jagħmlu, imma l-​anzjani f’liema ħaġa huma minn taʼ quddiem illum?

12 Fl-​1879, Charles Taze Russell beda jippubblika Zion’s Watch Tower and Herald of Christ’s Presence, issa msejjaħ The Watchtower Announcing Jehovah’s Kingdom (It-Torri tal-​Għassa Jħabbar is-​Saltna taʼ Jehovah). Russell u Studenti oħra tal-​Bibbja xandru l-​messaġġ tas-​Saltna bil-​manjiera appostolika. Fis-​snin taʼ wara, madankollu, xi anzjani fil-​kongregazzjonijiet ma baqgħux iwettqu r-​responsabbiltajiet tagħhom taʼ għoti taʼ xiehda. Per eżempju, wieħed Xhud kiteb: “Kollox mar tajjeb sakemm ġiet l-​aħbar li kulħadd qed jieħu parti fix-​xiehda minn dar għal dar bil-​letteratura u b’mod partikulari fix-​xogħol minn dar għal dar taʼ nhar taʼ Ħadd—dan fl-​1927. L-​anzjani magħżulin tagħna opponew u ppruvaw jiskuraġġixxu lill-​klassi kollha milli tieħu parti jew sehem fi kwalunkwe aspett taʼ dan ix-​xogħol.” Maż-​żmien, irġiel li ma ħadux sehem fl-​ippridkar minn dar għal dar ma baqgħux iktar ipprivileġġjati li jaqdu bħala anzjani. Illum, ukoll, dawk li jaqdu bħala anzjani u qaddejja ministerjali huma mistennijin li jkunu minn taʼ quddiem fil-​għoti taʼ xiehda minn dar għal dar u forom oħra tal-​ministeru Kristjan.

Kulħadd Xhud

13. (a) X’għandna nagħmlu saħansitra jekk in-​nies ma jisimgħux il-​messaġġ tas-​Saltna? (b) Pawlu kif ġie mqabbel maʼ Eżekjel?

13 Bil-​għajnuna taʼ Jehovah, il-​Kristjani għandhom ixandru l-​messaġġ tas-​Saltna minn dar għal dar, saħansitra jekk dan ma jintlaqax b’apprezzament. Bħala l-​għassies t’Alla, Eżekjel kellu jwissi lin-​nies kemm jekk semgħu u kemm jekk le. (Eżekjel 2:5-7; 3:11, 27; 33:1-6) Billi xebbah dak li qal Eżekjel maʼ dak li qal Pawlu, E. M. Blaiklock kiteb: “Mid-​[diskors taʼ Pawlu f’Atti kapitlu 20] toħroġ stampa ċara tal-​ministeru f’Efesu. Innotaw dan li ġej: L-​ewwel, il-​lealtà urġenti taʼ Pawlu. Hu ma fittixx il-​popolarità jew l-​approvazzjoni tal-​pubbliku. Imqiegħed bħal Eżekjel fuq xogħol taʼ għassies, hu wettaq id-​dmir tiegħu b’żelu onest u karattru biex jappoġġja d-​diskors tiegħu. It-​tieni, is-​simpatija bl-​imħabba tiegħu. Hu ma kienx ir-​raġel li jlissen kliem taʼ kundanna b’xofftejh mingħajr emozzjoni. It-​tielet, l-​evanġelizzazzjoni bla għejja tiegħu. Pubblikament u minn dar għal dar, fil-​belt u fil-​provinċja, hu kien ippriedka l-​evanġelju.”

14. Il-​għoti taʼ xiehda għala hu r-​responsabbiltà taʼ kulmin jiddedika ruħu lil Alla Jehovah fit-​talb permezz taʼ Ġesù Kristu?

14 Il-​barka abbundanti t’Alla fuq il-​qaddejja tiegħu llum ma tħalli ebda dubju li hu qed jieħu pjaċir li huma qed iġorru l-​isem Xhieda taʼ Jehovah. (Isaija 43:10-12) Barra minn hekk, huma x-​xhieda taʼ Kristu wkoll, għax Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Intom se tirċievu qawwa meta l-​ispirtu qaddis jasal fuqkom, u se tkunu xhieda tiegħi kemm f’Ġerusalemm u kemm fil-​Ġudea kollha u fis-​Samarija u sal-​iktar parti ’l bogħod tal-​art.” (Atti 1:8) Mela l-​għoti taʼ xiehda huwa r-​responsabbiltà taʼ kulmin jiddedika ruħu lil Alla Jehovah fit-​talb permezz taʼ Ġesù Kristu.

15. X’intqal dwar ix-​xogħol taʼ għoti taʼ xiehda tal-​Kristjani bikrin?

15 Intqal dwar il-​għoti taʼ xiehda: “Kien jinvolvi lill-​knisja kollha kemm hi. L-​intrapriża missjunarja tal-​knisja bikrija ma kinetx ir-​responsabbiltà tas-​Soċjetà Missjunarja tan-​Nisa jew tal-​Bord tal-​Missjoni Barranija. Lanqas ma kien ix-​xogħol taʼ għoti taʼ xiehda mħolli lil nies professjonali bħal anzjani, djakni, jew saħansitra appostli. . . . F’dawk il-​jiem bikrin il-​knisja kienet missjoni. Il-​programm missjunarju tal-​knisja bikrija kien ibbażat fuq żewġ affarijiet: (1) Ix-​xogħol ewlieni tal-​knisja huwa l-​evanġelizzazzjoni tad-​dinja. (2) Ir-​responsabbiltà biex dan ix-​xogħol jitwettaq taqaʼ fuq il-​komunità Kristjana kollha kemm hi.”—J. Herbert Kane.

16. Saħansitra kittieba fil-​Kristjaneżmu liema rikonoxximent jagħmlu rigward il-​Kristjani u l-​għoti taʼ xiehda?

16 Għalkemm kittieba moderni tal-​Kristjaneżmu ma jaqblux mal-​messaġġ tas-​Saltna, xi wħud jirrikonoxxu li l-​Kristjani għandhom obbligu li jagħtu xiehda. Per eżempju, fil-​ktieb Everyone a Minister, Oscar E. Feucht josserva: “Ebda saċerdot ma jistaʼ jwettaq il-​ministeru li Alla ta lil kull wieħed li jemmen. Sfortunatament sekli sħaħ taʼ ħsieb żballjat fil-​knisja ttrasforma x-​xogħlijiet taʼ 500 membru tal-​parroċċa f’xogħol taʼ saċerdot wieħed. Ma kienx hekk fil-​knisja bikrija. Dawk li kienu jemmnu kienu jmorru kullimkien jippridkaw il-​Kelma.”

17. X’jistaʼ jingħad dwar il-​post li l-​għoti taʼ xiehda kellu fil-​ħajjiet tal-​Kristjani bikrin?

17 Il-​għoti taʼ xiehda kien tal-​akbar importanza fil-​ħajjiet tal-​Kristjani bikrin, saħansitra bħalma hu fost in-​nies taʼ Jehovah illum. “Nitkellmu b’mod ġenerali,” kiteb Edward Caldwell Moore tal-​Università taʼ Harvard, “l-​ewwel tliet sekli tal-​moviment Kristjan kienu kkaratterizzati b’entużjażmu kbir għat-​tqassim tal-​fidi. Il-​passjoni Kristjana kienet l-​evanġelizzazzjoni, ix-​xandir tal-​messaġġ taʼ fidwa. . . . It-​tifrix tal-​influwenza u tat-​tagħlim taʼ Ġesù kien, madankollu, fil-​perijodu l-​iktar bikri, dovut imma f’parti żgħira lil irġiel li lilhom għandna nsejħu missjunarji. Kien it-​twettieq taʼ rġiel taʼ kull sengħa u mpjieg u taʼ kull ordni fis-​soċjetà. [Huma] ġarrew sal-​limiti l-​iktar ’il bogħod tal-​imperu [Ruman] dak is-​sigriet tal-​ħajja iktar ġewwinija, dik l-​attitudni ġdida lejn id-​dinja, li fl-​esperjenza tagħhom ikkostitwiet salvazzjoni. . . . [Il-Kristjanità tal-​bidu] kienet konvinta b’mod profond dwar it-​tmiem li kien riesaq tal-​ordni dinjija preżenti. Kienet temmen fit-​twaqqif f’daqqa waħda u b’mod mirakoluż taʼ ordni dinjija ġdida.”

18. Liema tama grandjuża tisboq bil-​wisq il-​ħolmiet taʼ mexxejja politiċi?

18 Fil-​għoti taʼ xiehda minn dar għal dar u forom oħra tal-​ministeru tagħhom, ix-​Xhieda taʼ Jehovah bil-​ferħ jidderieġu lil dawk li jisimgħuhom lejn id-​dinja ġdida li Alla wiegħed. Il-​barkiet imbassrin tagħha taʼ ħajja bla tmiem jisbqu bil-​wisq il-​ħolmiet l-​iktar għeżież taʼ dawk illum li kieku jixtiequ jibnu ordni dinjija ġdida. (2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:1-4) Għalkemm donnu jidher li kulħadd kieku jrid li jgħix fid-​dinja ġdida tal-​għaġeb t’Alla, dak mhux il-​każ. Madankollu, ejjew issa nikkunsidraw xi modi effettivi kif il-​qaddejja taʼ Jehovah jistgħu jgħallmu lil dawk li qed ifittxu ħajja taʼ dejjem.

Kif Kont Twieġeb?

◻ Għala nistgħu ngħidu li Atti 5:42 u Atti 20:20 ifissru li s-​segwaċi taʼ Ġesù għandhom jippridkaw minn dar għal dar?

◻ Kif nafu li Alla japprova l-​ministeru minn dar għal dar tax-​Xhieda taʼ Jehovah?

◻ Rigward il-​ministeru, x’inhu meħtieġ mill-​anzjani u mill-​qaddejja ministerjali?

◻ Il-​għoti taʼ xiehda għandu jkollu liema post fil-​ħajja taʼ Kristjan?

[Stampa f’paġna 7]

Fit-​33 E. K., id-​dixxipli ta Ġesù taw xiehda minn dar għal dar bla heda

[Stampa f’paġna 9]

Pawlu għallem “minn dar għal dar.” Din il-​forma tal-​ministeru hija mwettqa mix-​Xhieda taʼ Jehovah illum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja