L-Għoti taʼ Xiehda minn Dar għal Dar
1. Liema mistoqsija tqum rigward il-ministeru minn dar għal dar, u għala?
1 “Dawk li għandhom esperjenza fid-diversi modi tat-tqassim tal-Verità jaqblu li l-kampanja taʼ l-ippridkar minn dar għal dar bil-MILLENNIAL DAWN hija, fil-preżent, l-iktar mod effettiv kif il-Verità tiġi pridkata.” Din l-istqarrija mill-ħarġa taʼ l-1 taʼ Lulju, 1893, taʼ Zion’s Watch Tower, enfasizzat il-valur tal-ministeru minn dar għal dar. In-nies madwar id-dinja jikkunsidrawh bħala l-karatteristika li tidentifika lix-Xhieda taʼ Ġeħova. Għadu taʼ valur dan il-metodu, ladarba qed isir iktar u iktar diffiċli biex in-nies jinsabu d-dar f’ċerti pajjiżi?
2. X’inhi l-bażi Skritturali għall-għoti taʼ xiehda minn dar għal dar?
2 Skritturali u Importanti: Lgħoti taʼ xiehda minn dar għal dar għandu bażi Skritturali. Ġesù dderieġa lis-70 dixxiplu biex imorru tnejn tnejn fid-djar tan-nies. (Luqa 10:5-7) Ftit wara l-mewt taʼ Ġesù, il-Bibbja tgħid hekk dwar id-dixxipli tiegħu: “Kuljum fit-tempju u minn dar għal dar baqgħu jgħallmu u jxandru bla heda l-aħbar tajba.” (Atti 5:42) L-appostlu Pawlu wkoll għallem b’mod żeluż minn dar għal dar.—Atti 20:20.
3. Liema huma xi vantaġġi taʼ l-għoti taʼ xiehda minn dar għal dar?
3 L-għoti taʼ xiehda minn dar għal dar għadu metodu importanti fit-tixrid taʼ l-aħbar tajba llum. Jgħinna ‘nfittxu’ b’mod sistematiku u organizzat lil dawk li jistħoqqilhom. (Mt. 10:11) In-nies ġeneralment ikunu iktar rilassati meta jkunu d-dar. Meta nkellmuhom wiċċ imbwiċċ—nisimgħu leħinhom, naraw l-espressjonijiet taʼ wiċċhom, u nosservaw l-ambjent li joqogħdu fih—niġu megħjunin insiru nafu dak li jinteressahom u jinkwetahom. Ġeneralment jagħtina l-aqwa opportunità biex ikollna konversazzjoni fit-tul.
4. Kif nistgħu nagħmlu l-għoti taʼ xiehda minn dar għal dar iktar produttiv?
4 Agħmel Aġġustamenti Persunali: L-appostlu Pawlu kien lest li jagħmel aġġustamenti persunali “minħabba l-aħbar tajba.” (1 Kor. 9:23) Forsi aħna nistgħu naġġustaw l-iskeda tagħna biex nippridkaw meta iktar nies x’aktarx li jkunu d-dar, bħal iktar tard fil-ġurnata, fi tmiem il-ġimgħa, jew fi ġranet taʼ festi. Żomm nota taʼ dawk li m’humiex id-dar, u erġaʼ pprova żurhom ġurnata oħra jew f’ħin differenti.
5. Dawk li huma limitati minħabba s-saħħa kif jistgħu jkunu inklużi fix-xogħol taʼ l-ippridkar minn dar għal dar?
5 Anki dawk li huma limitati minħabba s-saħħa għandhom mnejn jistgħu jieħdu sehem fl-għoti taʼ xiehda minn dar għal dar. Forsi nistgħu nippjanaw biex nieħdu lil uħud bħal dawn fi djar li huma iktar aċċessibbli, u nħalluhom jaħdmu b’pass komdu għalihom. Waħda oħt, minħabba li tbati minn qtugħ taʼ nifs, setgħet tħabbat bieb wieħed kull nofs siegħa biss. Madankollu, kemm ħassitha ferħana u sodisfatta wara li kienet ħadmet flimkien mal-grupp!
6. Għala għandu l-għoti taʼ xiehda minn dar għal dar ikun aspett regulari fil-ministeru tagħna?
6 Ħafna wħud bħal nagħaġ għadhom qed jinstabu fix-xogħol taʼ l-ippridkar minn bieb għal bieb. Wieħed pubblikatur ħabbat fuq bieb u xi ħadd qallu: “Idħol. Naf min int. Kont qed nitlob lil Alla biex jibgħat lil xi ħadd biex jgħinni, u mbagħad smajt il-bieb iħabbat. Hu semagħni u bagħat lilek.” Ir-riżultati juru li Ġeħova qed ibierek dan il-metodu taʼ l-ippridkar. (Mt. 11:19) Kun determinat li tagħmel l-għoti taʼ xiehda minn dar għal dar aspett regulari tal-ministeru tiegħek.