Tistaʼ Tieħu Sehem fl-Għoti taʼ Xhieda Filgħaxijiet?
1. Skont wieħed studjuż, l-appostlu Pawlu meta kien joħroġ jipprietka minn dar għal dar?
1 Skont il-ktieb Daily Life in Bible Times, l-appostlu Pawlu normalment kien joħroġ fil-ministeru minn dar għal dar “mill-erbgħa taʼ waranofsinhar sa tard bil-lejl.” Ma nafux jekk din kinitx proprju l-iskeda taʼ Pawlu, iżda nafu żgur li Pawlu kien lest li ‘jagħmel kollox minħabba l-aħbar tajba.’ (1 Kor. 9:19-23) Dan kien jinkludi li jirranġa l-iskeda tiegħu biex joħroġ jipprietka minn dar għal dar meta dan kien jagħtih l-opportunità li jitkellem maʼ iktar nies.
2. Għala filgħaxijiet ikun l-aħjar ħin biex tieħu sehem fil-ministeru?
2 Il-pubblikaturi f’ħafna postijiet normalment imorru minn dar għal dar filgħodujiet matul il-ġimgħa. Madankollu, fl-inħawi fejn tgħix int, għadu dan l-aħjar ħin? Pijunier jgħid hekk dwar it-territorju tiegħu: “Bilkemm issib nies id-dar matul il-ġurnata. Iżda l-maġġoranza tan-nies ikunu d-dar filgħaxijiet.” L-għoti taʼ xhieda filgħaxijiet jistaʼ joffri l-aqwa opportunità biex jintlaħqu b’mod partikulari l-irġiel bl-aħbar tajba. L-inkwilini spiss ikunu iktar rilassati u lesti li jibnu konversazzjoni. Jekk ikun taʼ benefiċċju, l-anzjani għandhom jagħmlu arranġamenti biex ikun hemm laqgħat għas-servizz filgħaxija.
3. Kif nistgħu nuru d-dixxerniment meta nkunu qed nieħdu sehem fl-għoti taʼ xhieda filgħaxijiet?
3 Uża d-Dixxerniment: Meta tieħu sehem fl-għoti taʼ xhieda filgħaxijiet, huwa importanti li tuża d-dixxerniment. Pereżempju, jekk tinzerta tħabbat għand xi ħadd f’ħin li ma jkunx konvenjenti għall-inkwilin, bħal pereżempju waqt li jkun qed jiekol, ikun aħjar li toffri li tmur lura iktar tard. Jekk ikun dalam, oqgħod fejn l-inkwilin ikun jistaʼ jarak, u kun pront biex tintroduċi lilek innifsek u tgħidlu r-raġuni għala mort iżżuru. Ikun għaqli wkoll li taħdem maʼ xi ħadd ieħor jew fi gruppi u toqgħod f’toroq li jkunu mdawlin sew fejn ma tkunx fl-imwarrab. Tmurx tħabbat tard ħafna, tant li tiddisturba lill-inkwilini li jkunu deħlin jorqdu. (2 Kor. 6:3) Jekk xi akkwati jkunu perikolużi wara li jkun dalam, ipprietka fihom kmieni filgħaxija.—Prov. 22:3.
4. Liema barkiet jiġu meta tagħti xhieda filgħaxija?
4 Il-Barkiet: Il-ministeru jkun bil-wisq iktar pjaċevoli meta nkunu nistgħu nagħtu xhieda. U iktar ma nagħtu xhieda, iktar ikollna opportunitajiet biex ngħinu lil oħrajn “jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.” (1 Tim. 2:3, 4) Tistaʼ taġġusta l-iskeda tiegħek biex tkun tistaʼ tieħu sehem fl-għoti taʼ xhieda filgħaxijiet?