Uża l-ħin tiegħek bl-aħjar mod fil-ministeru
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova qattgħu 1,945,487,604 sigħat fil-ministeru matul is-sena taʼ servizz 2014—evidenza ċara li aħna determinati li nibqgħu beżlin fis-servizz taʼ Ġeħova! (Salm 110:3; 1 Kor. 15:58) Ladarba “ż-żmien li fadal tqassar,” huwa possibbli li nużaw il-ħin prezzjuż li nqattgħu fil-ministeru biex nikkuntattjaw lil saħansitra iktar nies?—1 Kor. 7:29.
Hemm bżonn li tkun flessibbli biex tuża l-ħin tiegħek bl-aħjar mod fil-ministeru. Pereżempju, jekk b’mod regulari tqattaʼ siegħa jew iktar f’aspett partikulari tal-ministeru u ma jirnexxilekx titkellem man-nies, tistaʼ int tagħmel aġġustamenti biex issib u tkellem lil iktar nies? Iċ-ċirkustanzi jvarjaw minn post għall-ieħor. Madanakollu, is-suġġerimenti li ġejjin jistgħu jgħinuk tuża l-ħin tiegħek bl-aħjar mod ħalli b’hekk ma tkunx qed ‘tagħti fl-arja.’—1 Kor. 9:26.
Għoti taʼ xhieda minn dar għal dar: Għal ħafna għaxriet taʼ snin, il-pubblikaturi kellhom id-drawwa li jibdew il-ġurnata tagħhom fil-ministeru billi jippritkaw minn dar għal dar. Però, peress li ħafna individwi jaħdmu matul il-ġurnata, għala ma tipprovax tipprietka minn dar għal dar tard waranofsinhar jew kmieni filgħaxija, meta jkun hemm iktar nies id-dar jirrilassaw? Matul il-ġurnata, għandek mnejn ikollok iktar suċċess jekk tagħti xhieda fit-toroq jew f’postijiet taʼ negozju.
Ippritkar f’postijiet pubbliċi: L-istands u l-imwejjed tal-letteratura għandhom jitpoġġew f’postijiet fejn jgħaddu ħafna nies fit-territorju tal-kongregazzjoni. (Ara Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Lulju 2013, p. 5.) Jekk jibda jonqos l-ammont taʼ nies li jgħaddu minn fejn jitpoġġa l-istand, il-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni jistaʼ jiddeċiedi li jressaq l-istand jew il-mejda tal-letteratura f’post ieħor fejn jgħaddu iktar nies.
Żjajjar lura u studji tal-Bibbja: Huwa possibbli li tiftiehem biex tagħmel iż-żjajjar lura u l-istudji tal-Bibbja f’ħinijiet meta aspetti oħra tal-ministeru ma tantx ikunu produttivi? Pereżempju, jekk il-ministeru minn dar għal dar ikun produttiv is-Sibtijiet filgħodu, tistaʼ tagħmel l-istudju tal-Bibbja waranofsinhar jew filgħaxija? Meta jsiru żjajjar lura, jistgħu l-pubblikaturi jinqasmu fi gruppi iżgħar fil-karozzi ħalli jwettqu iktar fil-ministeru?
Filwaqt li hu minnu li nistgħu ngħoddu l-ħin kull meta noħorġu fil-ministeru, il-ferħ tagħna jiżdied meta nkunu produttivi. Jekk tinduna li xi aspett tal-ministeru tiegħek ma jkunx effettiv f’ċerti ħinijiet, ipprova aspett ieħor. Itlob lil Ġeħova, “Sid il-ħsad,” għall-gwida tiegħu ħalli tkun tistaʼ tuża l-ħin tiegħek bl-aħjar mod fil-ministeru!—Mt. 9:38.