Ipprovajt Int L-Għoti Taʼ Xiehda Fil-Għaxija?
1 Ilkoll kemm aħna nieħdu gost li nkunu produttivi fix-xogħol tagħna. Min-naħa l-oħra, meta ma nkunux nistgħu naraw riżultati pożittivi, ix-xogħol jistaʼ jsir monotonu u bla sodisfazzjon. Xogħol li fih skop huwa premjanti b’mod persunali, u huwa barka. (Qabbel Ekkleżjasti 3:10-13.) Nistgħu napplikaw dan il-prinċipju dwar ix-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar. Mill-esperjenza nafu li meta mmorru minn dar għal dar u jirnexxilna nitkellmu man-nies dwar il-Bibbja, immorru lura d-dar rifreskati spiritwalment. Inħossuna li verament wettaqna xi ħaġa.
2 F’xi nħawi sar ferm diffiċli li dak li jkun isib lin-nies id-dar matul ċerti sigħat tal-ġurnata. Rapporti jindikaw li f’ħafna postijiet iktar minn 50 fil-mija tan-nies ma jkunux id-dar meta mmorru kmieni fil-ġurnata. Ħafna kongregazzjonijiet ħadu ħsieb din il-problema billi għamlu arranġamenti għal għoti taʼ xiehda fil-għaxija, u kellhom suċċess tajjeb. Pubblikaturi jirrapportaw li meta jmorru iktar tard fil-ġurnata, isibu iktar nies id-dar u, fil-biċċa l-kbira, in-nies x’aktarx li jkunu iktar rilassati u iktar inklinati li jagħtu widen għall-messaġġ tas-Saltna. Ipprovajt int l-għoti taʼ xiehda fil-għaxija fit-territorju tiegħek?—Qabbel Mark 1:32-34.
3 Anzjani Organizzaw Għoti Taʼ Xiehda Fil-Għaxija: F’xi nħawi, laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa tard wara nofs in-nhar u kmieni fil-għaxija kellhom appoġġ tajjeb. Tistaʼ tingħata konsiderazzjoni lil pubblikaturi żgħażagħ li joħorġu mill-iskola wara nofs in-nhar u lil adulti li jkunu spiċċaw mix-xogħol sekulari tagħhom iktar tard fil-ġurnata. Xi pubblikaturi li ma jistgħux joħorġu fis-servizz taʼ l-għalqa fi tmiem il-ġimgħa jsibu li l-għoti taʼ xiehda fil-għaxija huwa mod prattiku biex ikollhom sehem regulari fix-xogħol taʼ l-ippridkar.
4 Hemm diversi attivitajiet li tistaʼ tieħu sehem fihom matul l-għoti taʼ xiehda fil-għaxija. Tistaʼ tagħti xiehda minn dar għal dar permezz tar-rivisti jew billi tuża l-offerta tal-letteratura għal dak ix-xahar. Il-ħin taʼ fil-għaxija huwa eċċellenti biex immorru għand in-nies li ma kinux id-dar meta l-pubblikaturi jkunu marru għandhom iktar kmieni fil-ġurnata jew fi tmiem il-ġimgħa. Jistaʼ jkun hemm ukoll territorju tajjeb għal għoti taʼ xiehda fit-toroq, u b’hekk tkun tistaʼ tkellem lin-nies huma u sejrin lura d-dar mix-xogħol. Ħafna jsibu li fil-għaxija huwa l-aqwa ħin biex isiru żjajjar lura lil dawk li wrew interess.
5 Kun Prudenti u Diskret: F’xi nħawi jistaʼ jkun taʼ periklu li wieħed joħroġ waqt li jkun qiegħed jidlam jew meta jkun dalam. Ikun għaqli li nivvjaġġaw maʼ xi ħadd ieħor jew fi gruppi f’toroq imdawlin sewwa u li xi djar jew bini taʼ appartamenti nżuruhom biss meta nkunu ċerti li m’hemmx periklu. Meta tħabbat il-bieb, oqgħod fejn jistgħu jarawk, u għid b’mod ċar min int. Kun għaqli. Meta tosserva li tkun ħabbatt f’ħin ħażin, bħal meta l-familja tkun qiegħda tiekol, offri li tgħaddi darb’oħra. Ġeneralment ikun aħjar li l-għoti taʼ xiehda jsir kmieni fil-għaxija, minflok ma jsiru żjajjar fit-tard, meta l-inkwilini forsi jkunu qegħdin ilestu biex imorru jorqdu.
6 Il-ħinijiet twal taʼ fil-għaxija fis-sajf huma partikolarment addattati għal għoti taʼ xiehda fil-għaxija. Hekk kif nagħtu lil Alla “servizz sagru lejl u nhar,” żgur li Jehovah se jbierek l-isforzi tagħna.—Riv. 7:15.