Xandar L-Aħbar Tajba Kullimkien
1 Il-Kristjani bikrin xandru l-aħbar tajba kullimkien. Kienu tant żelużi li fi żmien 30 sena mill-qawmien taʼ Ġesù Kristu, il-messaġġ tas-Saltna kien ġie ‘ppridkat fil-ħolqien kollu li huwa taħt is-sema.’—Kol. 1:23.
2 Il-qaddejja żelużi taʼ Jehovah illum għandhom l-istess objettiv—li jilħqu kemm jistaʼ jkun lil kulħadd bl-aħbar tajba tas-Saltna. X’jistaʼ jgħinna biex inwettqu din il-mira? Iktar u iktar nies qegħdin jaħdmu l-ġurnata kollha u taʼ spiss ma jkunux id-dar meta mmorru għandhom. Meta ma jkunux jaħdmu, jistgħu jkunu qegħdin jivvjaġġaw, jixtru, jew jieħdu sehem f’xi għamla taʼ rikreazzjoni. Uħud li jistħoqqilhom fost dawn in-nies, kif qegħdin jintlaħqu bil-messaġġ tas-Saltna?—Matt. 10:11.
3 Xi wħud qegħdin jiġu kkuntattjati fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Nies li jaħdmu f’oqsma industrijali jew f’xi uffiċċji u dawk li jgħixu f’appartamenti b’sigurtà kbira qegħdin jirċievu xiehda—ħafna minnhom għall-ewwel darba. Fi tmiem il-ġimgħa, xi wħud li ġew ikkuntattjati waqt li kienu qegħdin jistrieħu ħdejn xatt il-baħar, f’postijiet taʼ rikreazzjoni, f’kampeġġi, jew waqt li kienu qegħdin jistennew fejn jipparkjaw il-karozzi jew f’ċentri kummerċjali nstabu li kienu disposti favorevolment lejn l-aħbar tajba.
4 Għadd li dejjem jiżdied taʼ pubblikaturi qegħdin jagħmlu sforz speċjali biex jagħtu xiehda f’postijiet pubbliċi, kulfejn ikun hemm in-nies. Għall-ewwel, dawn ix-Xhieda kienu bejn ħalltejn u ħassewhom xi ftit eċċitati peress li kienu mdorrijin ixandru f’ambjent iktar formali, bħal minn dar għal dar. Issa kif iħossuhom?
5 “Dan reġaʼ ta l-ħajja mill-ġdid lill-ministeru tiegħi!” jesklama wieħed ħu taʼ l-esperjenza. Ieħor iżid: “Dan iżommni moħħi hemm.” Wieħed pijunier b’iktar żmien josserva: “Tani l-ħajja mill-ġdid mentalment, fiżikament, u spiritwalment, . . . u għadni qiegħed inżid.” Wieħed pubblikatur jinnota li issa qiegħed jilħaq ħafna nies li qatt ma kienu tkellmu max-Xhieda taʼ Jehovah qabel. Iż-żgħażagħ ukoll qegħdin jidħlu fl-ispirtu taʼ dan ix-xogħol pjaċevoli. Wieħed żagħżugħ jesprimi ruħu b’dan il-mod: “Huwa taʼ pjaċir għax jirnexxilek tkellem ħafna nies!” Ieħor jgħid: “Qiegħed inħalli letteratura iktar minn qatt qabel!” Dan kollu qiegħed iseħħ f’territorju li jinħadem darba wara l-oħra.
6 Indokraturi Li Jivvjaġġaw Qegħdin Ikunu Minn Taʼ Quddiem: Billi rrikonoxxiet li “x-xena taʼ din id-dinja qiegħda tinbidel,” dan l-aħħar is-Soċjetà ssuġġeriet li l-indokraturi li jivvjaġġaw jirranġaw l-iskeda tagħhom tas-servizz taʼ l-għalqa minn ġimgħa għall-oħra sabiex kemm jistaʼ jkun nies ikunu jistgħu jintlaħqu bl-aħbar tajba. (1 Kor. 7:31) Għal snin sħaħ, indokraturi tas-circuit warrbu l-ħin taʼ fil-għodu taʼ fost il-ġimgħa biex jieħdu sehem fix-xogħol minn dar għal dar, fil-waqt li wara nofs in-nhar kien iddedikat għaż-żjajjar lura u biex isiru studji tal-Bibbja fid-dar. F’ċerti nħawi, din l-iskeda forsi għadha prattika. F’oħrajn, ftit li xejn isir jekk jaħdmu minn dar għal dar fost il-ġimgħa matul ċerti ħinijiet taʼ fil-għodu. F’każijiet bħal dawn, l-indokratur li jivvjaġġa jistaʼ jiddeċiedi li kmieni fil-ġurnata jkun tajjeb li jsir xogħol minn ħanut għall-ieħor jew għoti taʼ xiehda fit-toroq. Jew jistaʼ jagħmel arranġament biex gruppi żgħar imorru jagħtu xiehda f’xi bini, f’ċentri kummerċjali, f’postijiet fejn jipparkjaw il-karozzi, jew f’postijiet pubbliċi oħrajn. Billi l-pubblikaturi jagħmlu użu iktar effettiv mill-ħin disponibbli għas-servizz taʼ l-għalqa, se jiġu kkuntattjati ħafna iktar nies.
7 Rapporti jindikaw li dan it-tibdil intlaqaʼ tajjeb ħafna kemm mill-indokraturi li jivvjaġġaw u kemm mill-pubblikaturi. Numru taʼ ġemgħat t’anzjani stiednu lill-indokratur tas-circuit biex iħarreġ xi ftit pubblikaturi f’aspetti tax-xogħol li jirrikjedi attenzjoni fil-lokal. Kien t’għajnuna kbira għal dawn il-pubblikaturi li jakkumpanjaw lill-indokratur li jivvjaġġa hekk kif jieħu sehem f’waħda minn dawn l-attivitajiet. Huma, min-naħa tagħhom, irnexxielhom iħarrġu oħrajn. (2 Tim. 2:2) Bħala riżultat, qegħdin jintlaħqu iktar nies bl-aħbar tajba.
8 M’għandniex xi ngħidu, int m’hemmx għalfejn tistenna sakemm jiġi jżurkom l-indokratur tas-circuit biex tipprova xi ftit minn dawn il-modi oħrajn taʼ xandir. Hawnhekk se ssib diversi ideat li jistgħu jkunu prattiċi fit-territorju tiegħek:
9 Għoti Taʼ Xiehda Fit-Toroq: ‘Fejn mar kulħadd?’ Xi kultant hekk ngħidu meta f’għodwa fost il-ġimgħa nżuru post residenzjali fejn donnu għeb kulħadd. Xi wħud għandek mnejn issibhom jagħmlu xi qadjiet jew jagħmlu x-xirja. Ipprovajt int tilħaqhom permezz taʼ l-għoti taʼ xiehda fit-toroq? Meta jsir kif għandu jsir, dan l-aspett tal-ministeru jistaʼ jkun produttiv bil-bosta. Minflok ma toqgħod bil-wieqfa f’post wieħed bir-rivisti, ikun aħjar jekk tavviċina lin-nies u tibda konversazzjoni kordjali. M’hemmx għalfejn li tagħti xiehda lil kulmin jgħaddi. Kellem lil dawk li ma tantx jidhru mgħaġġlin, bħal dawk l-uħud li joqogħdu jħarsu fil-vetrini tal-ħwienet, dawk li jkunu qegħdin fil-karozzi pparkjati, jew xi nies li jkunu qegħdin jistennew il-karozza tal-linja. Għall-ewwel, tistaʼ sempliċement issellem lil dak li jkun b’mod dħuli u tistenna għal reazzjoni. Jekk dak li jkun jitħajjar jitkellem, staqsi għall-opinjoni tiegħu dwar xi suġġett li taħseb li jinteressah.
10 Wieħed indokratur li jivvjaġġa stieden lil sitt pubblikaturi biex jingħaqdu miegħu u maʼ martu fl-għoti taʼ xiehda fit-toroq. B’liema riżultati? “Kellna għodwa mill-aqwa!” hu jirrapporta. “Ma kienx hemm nies li ma kinux id-dar. Ġew imqassmin tmenin rivista u ħafna fuljetti. Kellna diversi konversazzjonijiet stimulanti. Wieħed mill-pubblikaturi, li kien qiegħed jieħu sehem f’dan ix-xogħol fit-toroq għall-ewwel darba, esklama: ‘Ilni fil-verità għal dawn is-snin kollha u qatt ma rrealizzajt x’kont qiegħed nitlef!’ Sa l-aħħar tal-ġimgħa, il-provista tar-rivisti tal-kongregazzjoni li kienet ilha takkumula tbattlet.”
11 Waqt li kien qiegħed jaqdi fil-kongregazzjoni li jmiss, l-istess indokratur li jivvjaġġa sar jaf li bosta pubblikaturi kienu ħadu sehem fl-għoti taʼ xiehda fit-toroq iktar kmieni fil-għodu imma kellhom ftit suċċess. Waħda oħt kienet tkellmet maʼ żewġ persuni biss matul il-ħin kollu li tat xiehda, għax il-bqija li ltaqgħet magħhom kienu mgħaġġlin għax-xogħol. L-indokratur li jivvjaġġa ssuġġerixxa li lkoll kemm huma jerġgħu jmorru lura f’dik l-istess triq ftit iktar tard fil-għodu. Hekk għamlu, u baqgħu hemm sa nofs in-nhar. L-oħt li iktar kmieni fil-ġurnata kellha biss żewġ konversazzjonijiet marret ħafna aħjar meta ġiet lura. Hi ħalliet 31 rivista u 15-il brochure, kisbet l-ismijiet u l-indirizzi taʼ sebaʼ individwi, u bdiet żewġ studji tal-Bibbja fid-dar! Oħrajn fil-grupp kellhom riżultati daqstant inkuraġġanti.
12 Meta ssib lil xi ħadd li juri interess, ipprova ikseb l-isem, l-indirizz, u n-numru tat-telefon tal-persuna. Minflok ma tistaqsi għall-informazzjoni direttament, tistaʼ tgħid: “Ħadt gost b’din il-konversazzjoni. Hemm xi mod kif nistgħu nkompluha f’ħin ieħor?” Jew staqsi: “Hemm xi mod kif nistaʼ nsibek id-dar?” Ħafna li jiġu kkuntattjati b’dan il-mod jaċċettaw żjara lura. Kun ċert li jkollok provista mdaqqsa taʼ handbills biex tużahom f’li tistieden lil dawk li jkunu jixtiequ jattendu l-laqgħat tagħna.
13 Jekk titkellem maʼ xi ħadd li juri interess u li joqgħod f’territorju assenjat lil kongregazzjoni oħra, għandek tgħaddi l-informazzjoni lill-aħwa t’hemm sabiex ikunu jistgħu jmorru lura fejn intwera l-interess. Jistaʼ l-għoti taʼ xiehda fit-toroq ikun mod effettiv biex ixxerred l-aħbar tajba fl-inħawi fejn toqgħod int? Jekk iva, irrevedi l-artiklu “Finding Interested Ones by Means of Effective Street Witnessing” (Insibu Wħud Li Juru Interess Permezz Taʼ Għoti Taʼ Xiehda Fit-Toroq Effettiv) fl-Our Kingdom Ministry taʼ Lulju 1994. Imbagħad agħmel arranġamenti biex tieħu sehem fl-għoti taʼ xiehda fit-toroq f’ħin addattat tal-ġurnata li fih tkun tistaʼ tilħaq kemm jistaʼ jkun nies possibbli.
14 Xiehda Fuq Tal-Linja: Għodwa waħda numru taʼ pijunieri qatgħuha li jagħtu xiehda lin-nies li kienu qegħdin jistennew lill-karozza tal-linja qrib skola lokali. Fil-waqt li kellhom xi konversazzjonijiet pjaċevoli, sabu problema. Sakemm kien jirnexxilhom jitkellmu biċċa sew, il-karozza tal-linja kienet tilħaq tiġi, u b’hekk ittemm ħesrem il-konversazzjoni. Il-pijunieri solvew il-problema billi rikbu l-karozza tal-linja u komplew jagħtu xiehda lill-passiġġieri waqt li vvjaġġaw minn naħa għal oħra tal-belt. Fit-tmiem tal-vjaġġ, il-pijunieri kienu jerġgħu jirkbu l-karozza tal-linja lura minn fejn ġew, u jagħtu xiehda huma u sejrin. Wara diversi vjaġġi ’l hemm u ’l hawn, għoddew ir-riżultati taʼ l-isforzi tagħhom: Ġew imqassmin iktar minn 200 rivista u nbdew sitt studji tal-Bibbja. Xi passiġġieri taw minn jeddhom l-indirizz u n-numru tat-telefon tagħhom sabiex ikunu jistgħu jżuruhom fid-dar. Il-ġimgħa taʼ wara, il-pijunieri marru lura fejn tiġi l-karozza tal-linja u għamlu l-istess ħaġa bħall-aħħar darba. Huma qassmu 164 rivista u bdew studju tal-Bibbja ieħor. F’waħda mill-waqfiet wieħed passiġġier rikeb tal-linja u poġġa bil-qiegħda fl-uniku post disponibbli—ħdejn wieħed pijunier. Hu ħares lejn il-ħu u bi tbissima qallu: “Naf biex ġej, int għandek Torri Taʼ L-Għassa għalija.”
15 Ħafna pubblikaturi jagħtu xiehda effettiva waqt li jkunu qegħdin jivvjaġġaw bil-karozza tal-linja, jew bl-ajruplan. Kif tistaʼ int tibda konversazzjoni maʼ passiġġier li jkun bil-qiegħda ħdejk? Wieħed pubblikatur taʼ 12-il sena sempliċement beda jaqra kopja taʼ l-Awake! fuq tal-linja, bit-tama li jqajjem l-interess taʼ tfajla żagħżugħa li kienet bil-qiegħda ħdejh. Irnexxielu. It-tfajla staqsietu x’kien qiegħed jaqra, u ż-żagħżugħ weġibha li kien qiegħed jaqra dwar is-soluzzjoni għall-problemi li jkollhom jiffaċċjaw iż-żgħażagħ. Kompla jgħid li kien ibbenefika ħafna mill-artiklu u li dan setaʼ jgħin lilha wkoll. Hi aċċettat ir-rivisti bil-qalb kollha. Żewġ żgħażagħ oħrajn semgħu l-konversazzjoni tagħhom u staqsew huma wkoll għal kopji tar-rivisti. Għal dan, is-sewwieq tal-karozza tal-linja waqqaf mal-ġenb tat-triq u staqsa għala kien hemm daqshekk interess f’dawn ir-rivisti. Meta sar jaf, hu wkoll aċċetta xi kopji. M’għandniex xi ngħidu, xejn minn dan ma kien ikun possibbli li kieku l-pubblikatur żagħżugħ ma kellux provista mdaqqsa tar-rivisti biex jaqsam maʼ kulmin wera interess!
16 Xiehda F’Xatt Il-Baħar u Fejn Jipparkjaw Il-Karozzi: L-għoti taʼ xiehda f’xatt il-baħar u fejn jipparkjaw il-karozzi huwa mod eċċellenti biex wieħed isib in-nies. Ipprovajt int tagħti xiehda fil-post merfugħ għall-karozzi taʼ xi ċentru tal-ħwienet? Dejjem ħu ftit ħin biex tara x’hemm madwarek. Għarrex għal xi ħadd li ma jidhirx mgħaġġel jew li qiegħed jistenna f’xi karozza pparkjata u pprova ibda konversazzjoni kordjali. Jekk il-konversazzjoni tkompli, daħħal il-messaġġ tas-Saltna. Ipprova aħdem waħdek imma b’xi pubblikatur ieħor fil-qrib. Evita li ġġorr xi basket kbir u goff jew li b’xi modi oħrajn tiġbed l-attenzjoni lejn x’qiegħed tagħmel. Kun għaqli. Forsi jkun aħjar jekk tqattaʼ ftit ħin f’post wieħed fejn jipparkjaw il-karozzi u mbagħad tmur f’ieħor. Jekk xi ħadd ma jridx jitkellem miegħek, sellimlu bl-edukazzjoni u fittex lil xi ħadd ieħor lil min tavviċina. Billi uża dawn il-metodi, wieħed ħu qassam 90 rivista f’xahar wieħed waqt li kien jagħti xiehda fejn jipparkjaw il-karozzi.
17 Xi nies imorru ħdejn il-baħar biex jistrieħu; oħrajn imorru hemm biex jilagħbu xi logħba jew iqattgħu ftit ħin maʼ wliedhom. Mingħajr ma tindaħal bla bżonn fl-attivitajiet tagħhom, oqgħod attent għal xi opportunità biex tagħti xiehda.
18 Għoti Taʼ Xiehda Informali F’Ċentri Kummerċjali: Fil-waqt li m’huwiex dejjem possibbli li wieħed jippriedka formalment minn ħanut għall-ieħor f’ċentri kummerċjali minħabba xi restrizzjonijiet lokali fuq attivitajiet bħal dawn, xi pubblikaturi joħolqu opportunitajiet biex jagħtu xiehda informali hemmhekk. Huma jpoġġu bil-qiegħda fuq xi bank u jibdew konversazzjoni kordjali m’oħrajn li jieqfu jistrieħu. Meta jintwera l-interess, b’mod għaqli joffru xi fuljett jew rivista u jipprovaw jagħmlu arranġamenti għal żjara lura. Wara li jqattgħu ftit minuti jagħtu xiehda f’parti waħda taċ-ċentru, jerħulha għal oħra u jibdew konversazzjoni maʼ xi ħadd ieħor. M’għandniex xi ngħidu, dak li jkun irid joqgħod attent li ma jattirax attenzjoni bla bżonn waqt li jkun qiegħed jagħti xiehda informali b’dan il-mod.
19 Meta tavviċina persuna, ibda l-konversazzjoni fuq nota dħulija. Jekk is-semmiegħ tiegħek iwieġeb, staqsi mistoqsija, u mbagħad agħti widen sew hekk kif jesprimi ruħu. Ħu interess persunali f’dak li qiegħed jgħid. Urih li int tapprezza l-opinjoni tiegħu. Fejn hu possibbli, aqbel miegħu.
20 Waħda oħt kellha diskussjoni pjaċevoli maʼ waħda mara xiħa billi semmiet kemm qiegħda togħla l-ħajja. Il-mara dritt qablet, u dan irriżulta f’konversazzjoni interessanti. Dik l-oħt irnexxielha tikseb l-isem u l-indirizz tal-mara, u saret żjara lura dik il-ġimgħa stess.
21 Naħdmu Minn Ħanut Għall-Ieħor: Xi kongregazzjonijiet għandhom distretti tan-negozju bħala parti mit-territorju assenjat lilhom. Il-ħu li jieħu ħsieb it-territorju jistaʼ jħejji mapep speċjali taʼ dawn in-naħat fejn hemm ħafna negozji. Il-mapep taʼ djar residenzjali li jinkludu xi negozji għandhom jindikaw biċ-ċar li dawn m’għandhomx jinħadmu bħala parti mit-territorju. F’territorji oħrajn, il-postijiet tan-negozju jistgħu jinħadmu flimkien mad-djar. L-anzjani jistgħu jistiednu xi pubblikaturi kkwalifikati biex jaħdmu t-territorji tan-negozju fuq bażi regulari sabiex ix-xogħol minn ħanut għall-ieħor ma jiġix traskurat.
22 Jekk int tiġi mistieden biex tieħu sehem f’dan ix-xogħol u qatt m’għamiltu qabel, mod tajjeb kif ‘trabbi l-qlubija’ huwa li għall-ewwel taħdem ftit ħwienet żgħar; imbagħad, meta tħossok iktar fiduċjuż, aħdem dawk akbar. (1 Tess. 2:2) Meta tkun qiegħed taħdem minn ħanut għall-ieħor, ilbes daqs li kieku kont se tattendi xi laqgħa fis-Sala tas-Saltna. Jekk hu possibbli, idħol fil-ħanut meta ma jkunx hemm xi klijenti li qegħdin jistennew biex jinqdew. Staqsi biex titkellem maʼ l-imgħallem jew maʼ min hu inkarigat. Kun kordjali, u fuq kollox, kun fil-qosor. M’hemmx għalfejn toqgħod tiskuża ruħek. Ħafna negozji huma mdorrijin bil-klijenti u draw jistennew xi interruzzjonijiet.
23 Wara li tiltaqaʼ maʼ tal-ħanut, int tistaʼ tgħid dan: “In-negozjanti għandhom skedi tant mimlijin li rari nsibuhom id-dar, u għalhekk qegħdin inżuruk fuq il-post tan-negozju tiegħek biex inħallulek artiklu x’taqra li verament iqanqal il-ħsieb.” Imbagħad agħmel xi kumment jew tnejn dwar xi rivista li tkun qiegħed toffri.
24 Jew tistaʼ tgħid hekk meta tavviċina lil xi mgħallem: “Innotajna li n-negozjanti jagħmluha mira li jżommu ruħhom informati sew. L-aħħar ħarġa taʼ It-Torri Taʼ L-Għassa (jew l-Awake!) fiha artiklu li jeffettwa personalment lilna lkoll.” Spjega x’inhu, u ikkonkludi billi tgħid: “Aħna ċerti li se tieħu gost taqrah.”
25 Jekk hemm l-impjegati, u jidher li jkun addattat, tistaʼ żżid: “Jimporta għalik jekk nagħmel l-istess preżentazzjoni qasira lill-impjegati tiegħek?” Jekk tingħata l-permess, ftakar li int wegħedt li se tkun fil-qosor, u l-imgħallem se jistenna li żżomm kelmtek. Jekk xi ħadd mill-impjegati jixtieq jidħol f’diskussjoni twila, ikun aħjar jekk iżżuru ġo daru.
26 Dan l-aħħar, ftit pubblikaturi f’belt żgħira ngħaqdu maʼ l-indokratur tas-circuit fix-xogħol minn ħanut għall-ieħor. Xi ftit mill-pubblikaturi qagħdu jaħsbuha għall-ewwel, minħabba li qatt ma kienu għamlu dan ix-xogħol qabel; imma malajr ħassewhom aħjar u bdew jieħdu gost. F’inqas minn siegħa, huma tkellmu maʼ 37 persuna u qassmu 24 rivista u 4 brochures. Wieħed ħu osserva li normalment ma jirnexxilhomx jikkuntattjaw daqshekk nies f’xahar wieħed taʼ xogħol minn dar għal dar daqs kemm irnexxielhom f’li jaħdmu minn ħanut għall-ieħor f’dak il-ħin qasir.
27 Noħolqu Opportunitajiet Biex Inxandru: Ġesù ma llimitax l-għoti taʼ xiehda tiegħu għal ambjenti formali. Hu xerred l-aħbar tajba f’kull okkażjoni xierqa. (Matt. 9:9; Luqa 19:1-10; Ġwann 4:6-15) Innota kif xi pubblikaturi qegħdin joħolqu opportunitajiet biex ixandru.
28 Xi wħud jagħmluha d-drawwa li jagħtu xiehda lill-ġenituri li jkunu qegħdin jistennew lil uliedhom ħdejn il-bieb taʼ l-iskola. Peress li ħafna ġenituri jaslu hemmhekk sa 20 minuta qabel, hemm ħin biex tinvolvihom f’konversazzjoni stimulanti fuq suġġett Skritturali.
29 Ħafna pijunieri huma konxji taʼ li jilħqu nies li jistaʼ jkollhom interess speċjali f’xi suġġett partikulari li jissemma fir-rivisti tagħna. Per eżempju, waħda oħt kellha riżultati tajbin meta żaret sitt skejjel fit-territorju tal-kongregazzjoni tagħha bl-artiklu “Schools in Crisis” (Skejjel Fi Kriżi), li deher fl-Awake! tat-22 taʼ Diċembru, 1995. Hi żaret ukoll ċentri t’għajnuna dwar il-familja b’rivisti fuq il-ħajja tal-familja u l-abbuż fuq it-tfal u ġiet mistiedna biex terġaʼ tmur meta joħorġu artikli oħrajn li jittrattaw fuq suġġetti bħal dawn. Ir-rispons li kellha għall-Awake! tat-8 taʼ Marzu, 1996 fuq il-qagħad, fl-uffiċċju fejn tingħata l-għajnuna li min hu qiegħed, ġie deskritt bħala “taʼ l-għaġeb.”
30 Wieħed indokratur tad-distrett jirrapporta li hu u martu jagħtu xiehda informali regolarment waqt li jagħmlu x-xirja tagħhom taʼ l-ikel. Huma jmorru jixtru f’ħin tal-ġurnata meta l-ħanut ma tantx ikun mimli bin-nies, u l-klijenti jkunu għaddejjin bil-kalma bejn filliera u oħra taʼ l-ixkafef. Huma jirrapportaw ħafna konversazzjonijiet sbieħ.
31 Xi pubblikaturi magħżulin se jiġu maħturin biex jagħtu xiehda fl-ajruport. F’xi pajjiżi fejn sar dan, l-aħwa kellhom il-pjaċir li jagħtu xiehda lil vjaġġaturi internazzjonali li jgħixu f’pajjiżi fejn hemm ftit nies taʼ Jehovah. Fejn instab l-interess, huma offrew xi fuljett jew ir-rivisti.
32 Fejn hemm territorju li huwa diffiċli biex jinħadem minħabba restrizzjonijiet taʼ sigurtà, xi wħud ħaduha drawwa li bit-tattika jagħtu xiehda lill-għassiesa li jkunu xogħol hemmhekk. Xi kultant in-nies li jgħixu f’dawn l-inħawi jistgħu jiġu kkuntattjati bit-telefon. Għandek issib informazzjoni prattika fuq is-suġġett taʼ l-għoti taʼ xiehda bit-telefon fl-insert “Telephone Witnessing—A Way to Reach Many” (Għoti Taʼ Xiehda Bit-Telefon—Mod Kif Tilħaq Lil Ħafna) fl-Our Kingdom Ministry t’Awissu 1993.
33 Stinka Biex Tippriedka Kullimkien: Li ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna jinkludi li jkollna sens t’urġenza dwar l-inkarigu tagħna li nxandru l-messaġġ tas-Saltna. Sabiex nilħqu n-nies f’ħin li hu komdu għalihom, irridu nwarrbu fil-ġenb il-preferenzi persunali tagħna biex inkunu ‘nistgħu nsalvaw b’kull mezz lil xi wħud.’ Il-qaddejja ddedikati kollha taʼ Jehovah iridu jkunu jistgħu jgħidu, bħalma qal l-appostlu Pawlu: “Jien nagħmel l-affarijiet kollha minħabba l-aħbar tajba, biex jistaʼ jkolli sehem minnha m’oħrajn.”—1 Kor. 9:22, 23.
34 Pawlu kompla jikteb: “Bl-akbar ferħ, għalhekk, sejjer jien minflok niftaħar rigward id-dgħjufijiet tiegħi, biex il-qawwa tal-Kristu tistaʼ bħal tinda tibqaʼ fuqi. . . . Għax meta jien dgħajjef, allura jien potenti.” (2 Kor. 12:9, 10) Fi kliem ieħor, ħadd minna ma jistaʼ jwettaq dan ix-xogħol bis-saħħa tiegħu stess. Irridu nitolbu lil Jehovah għall-ispirtu qaddis u setgħan tiegħu. Jekk nitolbu lil Alla għas-saħħa, nistgħu nkunu fiduċjużi li se jwieġeb it-talb tagħna. Imbagħad imħabbitna għan-nies se tqanqalna biex infittxu opportunitajiet ħalli nxandrulhom l-aħbar tajba, kulfejn jistgħu jinstabu. Matul il-ġimgħa li ġejja, għala ma tipprovax waħda mis-suġġerimenti murijin f’din l-insert?