Insibu Wħud Interessati Billi Nagħtu Xiehda fit-Toroq b’Mod Effettiv
1 Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex ifittxu lil dawk li jixirqilhom jisimgħu l-aħbar tajba tas-Saltna. (Mt. 10:11) Madankollu, f’ħafna postijiet illum, qed issir dejjem iktar diffiċli biex issib lin-nies fi djarhom. Allura, x’jistaʼ jsir biex jintlaħqu wħud li jixirqilhom u li forsi ma nsibuhomx?
2 L-għoti taʼ xiehda fit-toroq jistaʼ jkun mod effettiv kif issib lin-nies li ma nstabux minn dar għal dar. Nistgħu nagħtu din it-tip taʼ xiehda meta n-nies ikunu qed jistennew tal-linja, fejn xi binja t’appartamenti li huwa diffiċli biex tidħol minħabba s-sigurtà, f’ġonna pubbliċi, u f’postijiet oħra fejn in-nies ikunu qed jagħmlu xi qadjiet.
3 Meta jissemma l-għoti taʼ xiehda fit-toroq, xi wħud jibdew jibżgħu. Huma forsi jħossuha bi tqila biex jieħdu sehem f’dan ix-xogħol għax ikunu xi daqsxejn mistħija jew jibdew jaħsbu li n-nies se jaħtfuhom meta jirrifjutaw il-messaġġ tas-Saltna. Dawn il-ħsibijiet negattivi ġeneralment ikunu bbażati fuq ix-xejn. Dawk li għandhom l-esperjenza f’din l-attività jgħidu li m’hijiex iktar diffiċli milli kieku qed jagħtu xiehda minn bieb għal bieb. Fil-fatt, huma sabu li n-nies draw il-fatt li jiġu mwaqqfin fit-triq għal raġunijiet diversi, u xi wħud ikunu iktar lesti li jitkellmu jew jisimgħu f’dan il-każ milli jekk tħabbtilhom il-bieb. Għalhekk jekk ‘nagħmlu l-qalb,’ nistgħu nibqgħu mistagħġbin bir-riżultati.—1 Tess. 2:2.
4 Kif jistaʼ l-għoti taʼ xiehda fit-toroq isir bl-iktar mod effettiv? Huwa importanti li tipprepara sew. Aqra r-rivisti minn qabel, u agħżel suġġett jew tnejn li tistaʼ titkellem fuqhom u li taħseb li se jinteressaw lin-nies li tiltaqaʼ magħhom. Preżentazzjoni taʼ xi 30 sekonda tistaʼ tkun biżżejjed. Peress li l-mira hija li tagħmel kuntatt persunali m’oħrajn, agħżel post fejn ammont konsiderevoli taʼ nies jgħaddu l-ħin kollu. Għalkemm forsi jaqbel li jkollok pubblikatur ieħor qrib tiegħek, huwa aħjar li ma taħdmux flimkien. Meta l-pubblikaturi jibqgħu flimkien jistgħu jitħajru joqogħdu jpaċpċu maʼ xulxin, u b’hekk ma jkunux attenti għal dawk l-uħud li forsi jkunu lesti li jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna.
5 Li toqgħod f’post wieħed u sempliċement turi r-rivisti m’huwiex effettiv daqs meta tieħu l-inizjattiva biex tkellem lin-nies. Ipprova ħares f’għajnejn dak li jkun. Kun dħuli, simpatiku u dirett hekk kif tagħmel ħiltek biex tibda konversazzjoni. Xi kultant, forsi jkun hemm bżonn li tagħmel ftit passi maʼ dak li jkun waqt li tkun qed tkellmu. Jekk hu jieqaf jisimgħek, offrilu r-rivisti. Jekk ma jaċċettax ir-rivisti, tistaʼ toffrilu fuljett jekk trid.
6 Ġeneralment, ikun aħjar li tipprepara preżentazzjoni qasira li tqajjem xi mistoqsija jew li ssemmi xi ħaġa li se tqanqal l-interess. Jekk dak li jkun jirreaġixxi b’mod pożittiv, ipprova ħu l-isem tiegħu, l-indirizz, u forsi anki n-numru tat-telefon sabiex b’hekk tkun tistaʼ tkompli tikkultiva l-interess li jkun wera. Tistaʼ tgħid: “Jekk tixtieq tkun taf iktar, nieħu gost niġi nżurek id-dar tiegħek jew ngħid lil xi Xhud ieħor biex jiġi.”
7 Anzjan li kien qed jagħti xiehda fit-triq kellem lil waħda mara u sar jaf li hi qatt ma kellha l-opportunità biex titkellem max-Xhieda taʼ Jehovah d-dar tagħha. Hi aċċettat li tieħu ktieb u qablet miegħu biex jibagħtilha oħt iżżurha d-dar tagħha f’ħin komdu għaliha. Hemm ħafna wħud oħra li jixirqilhom illi żgur għad iridu jinstabu u jiġu megħjunin. Imma dan isir biss jekk aħna nkunu effettivi fl-għoti taʼ xiehda fit-toroq.—Atti 17:17.