Nagħtu Xiehda b’Mod Effettiv f’Postijiet Pubbliċi
1. Il-Kristjani llum, bħall-Kristjani ta’ l-ewwel seklu, kif qed jagħtu xiehda f’postijiet pubbliċi, u x’riżultati qed ikollhom?
1 Bħall-ewwel dixxipli ta’ Ġesù, il-Kristjani llum jipprovaw jaqsmu l-aħbar tajba kulfejn isibu n-nies. (Atti 16:13; 17:17; 20:20, 21) Minħabba l-isforzi li qed jagħmlu biex jippridkaw f’postijiet pubbliċi, huma qed jiltaqgħu ma’ nies li forsi qatt ma setgħu jintlaħqu fil-ministeru minn dar għal dar. U fosthom qed isibu min qed juri interess.
2. Għala hu meħtieġ id-dixxerniment meta nkunu qed nagħtu xiehda f’postijiet pubbliċi, u kif nistgħu ngħinu biex kollox jimxi bl-ordni?
2 Meta nkunu qed nagħtu xiehda f’postijiet pubbliċi rridu nużaw id-dixxerniment. Ġeneralment ikun aħjar jekk naħdmu b’tali mod li ma nagħtux fil-għajn. Per eżempju, xi wħud jistgħu jiddejqu jekk jaraw ħafna pubblikaturi jagħtu xiehda fl-istess inħawi jew jidħlu fl-istess postijiet ta’ negozju. Minħabba f’hekk, ix-xogħol tagħna ma jibqax jidher daqshekk rispettabbli, u l-effettività tagħna għandha mnejn tonqos. X’jista’ jsir biex nevitaw li jiġri dan? Xi kongregazzjonijiet li għandhom ħafna nħawi fejn tista’ tingħata xiehda pubblika sabuha t’għajnuna li jorganizzaw dawn il-postijiet f’territorji individwali. (1 Kor. 14:40) Barra minn hekk, aħna nistgħu ngħinu biex kollox jimxi bl-ordni billi naħdmu biss fit-territorju li jkun assenjat lill-kongregazzjoni tagħna, sakemm ma jkunux saru xi arranġamenti speċifiċi permezz tal-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni biex immorru ngħinu lil xi kongregazzjoni oħra.—Ara l-Ministeru tas-Saltna ta’ Novembru 1998, pġ. 6, pari. 18-19.
3. Xi wħud liema metodu sabu effettiv meta jkunu qed jagħtu xiehda f’postijiet pubbliċi?
3 Kif Nibdew Konversazzjoni: Meta Ġesù tkellem ma’ waħda mara ħdejn bir, hu beda billi qalilha xi ħaġa fil-qosor u mbagħad, meta bdiet turi interess, kompla l-konversazzjoni. (Ġw. 4:7-26) Dan il-metodu hu effettiv f’ċerti sitwazzjonijiet illum ukoll. Sabiex ikunu iżjed effettivi meta jagħtu xiehda f’postijiet pubbliċi, xi pubblikaturi sabuha t’għajnuna li qabel ma jippreżentaw il-messaġġ tas-Saltna jqattgħu ftit minuti jitkellmu man-nies u jieħdu interess persunali fihom. Il-pubblikaturi jsemmu xi suġġett li jkun jolqot lin-nies tal-lokal, u dan ta’ spiss iwassal għal konversazzjoni. Imbagħad, huma joqogħdu attenti jisimgħu lin-nies waqt li dawn jesprimu l-ħsibijiet tagħhom. F’temp qasir, ikunu qed jaqsmu magħhom il-faraġ li tagħtina l-Kelma t’Alla.—Rum. 15:4.
4. Kif nistgħu nikkultivaw l-interess li nsibu?
4 Nikkultivaw l-Interess: Kulmeta jkollna diskussjoni tajba, għandna nipprovaw nagħmlu arranġamenti biex nikkultivaw linteress. Kif nistgħu nagħmluh dan? Meta tara li d-diskussjoni waslet biex tispiċċa, tista’ toħroġ il-ktieb tan-noti u tgħid: “Ħadt pjaċir bil-konversazzjoni li kellna. Hemm xi mod kif nistgħu nerġgħu nitkellmu darb’oħra?” Jew: “Nixtieqek taqra artiklu li żgur se jinteressak. Nista’ nġibhulek id-dar jew l-uffiċċju?” Xi pubblikaturi jistaqsu mistoqsija sempliċi: “Fejn nista’ nċempillek?” Ta’ spiss, ikun hemm reazzjoni favorevoli.
5. Liema mira għandu jkollna meta nagħtu xiehda f’postijiet pubbliċi?
5 Ħafna nies li ngħataw xiehda għall-ewwel darba f’post pubbliku aċċettaw studju tal-Bibbja. Studji bħal dawn jistgħu jsiru fid-dar ta’ dak li jkun, fil-post fejn jaħdem, f’xi post pubbliku xieraq, jew bit-telefon. Jalla nagħmluha l-mira tagħna li nibdew studji tal-Bibbja hekk kif nagħtu xiehda b’mod effettiv f’postijiet pubbliċi.