LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • od kap. 9 pp. 87-104
  • Metodi taʼ kif tiġi pritkata l-aħbar tajba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Metodi taʼ kif tiġi pritkata l-aħbar tajba
  • Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​IPPRITKAR MINN DAR GĦAL DAR
  • INFITTXU LIL MIN JISTĦOQQLU
  • NAGĦMLU ŻJAJJAR LURA
  • NIKKONDUĊU STUDJI TAL-​BIBBJA FID-​DJAR
  • NIDDERIEĠU LIL UĦUD INTERESSATI LEJN L-​ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA
  • NUŻAW LETTERATURA BIBLIKA
  • GĦOTI TAʼ XHIEDA INFORMALI
  • IT-​TERRITORJU
  • NIKKOOPERAW BIEX NAGĦTU XHIEDA LIN-​NIES TAʼ KULL LINGWA
  • GĦOTI TAʼ XHIEDA BĦALA GRUPP
  • Niżviluppaw it-Territorju tal-Lingwa Barranija
    Il-Ministeru tas-Saltna—2009
  • Meta Inkwilin Jitkellem Lingwa Oħra
    Il-Ministeru tas-Saltna—2008
  • Nikkooperaw biex nippritkaw f’territorju li fih ħafna lingwi
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2018
  • Qabel Tipprietka, Għandek Mnejn Trid Tfittex
    Il-Ministeru tas-Saltna—2012
Ara Iżjed
Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
od kap. 9 pp. 87-104

KAPITLU 9

Metodi taʼ kif tiġi pritkata l-aħbar tajb

BĦALA proklamatur attiv tal-​aħbar tajba, Ġesù ħalla eżempju għas-​segwaċi tiegħu. Hu ħa l-​inizjattiva biex imur fost in-​nies, jitkellem u jgħallem fi djarhom u f’postijiet pubbliċi. (Mt. 9:35; 13:36; Lq. 8:1) Ġesù tkellem maʼ individwi, għallem lid-​dixxipli tiegħu fil-​privat, u ta taħditiet lil gruppi taʼ eluf taʼ nies. (Mk. 4:10-​13; 6:35-​44; Ġw. 3:2-​21) Hu ħa vantaġġ minn kull okkażjoni xierqa biex jgħid kliem taʼ inkuraġġiment u tama. (Lq. 4:16-​19) Anki meta kellu bżonn jistrieħ u jiekol, ma kinitx taħrablu opportunità biex jagħti xhieda. (Mk. 6:30-​34; Ġw. 4:4-​34) Meta naqraw ir-​rakkonti ispirati tal-​ministeru taʼ Ġesù, ma nitqanqlux nimitawh? Dażgur li nitqanqlu, bħalma ġew imqanqlin l-​appostli.—Mt. 4:19, 20; Lq. 5:27, 28; Ġw. 1:43-​45.

2 Ikkunsidra l-​opportunitajiet miftuħa għall-​Kristjani llum biex jieħdu sehem fix-​xogħol mibdi minn Ġesù Kristu kważi 2,000 sena ilu.

L-​IPPRITKAR MINN DAR GĦAL DAR

3 Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna nirrikonoxxu l-​valur taʼ li nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna sistematikament minn dar għal dar. Tant ilna nużaw dan il-​metodu li sar il-​karatteristika distinta tagħna. L-​għerf fl-​użu taʼ dan il-​metodu sabiex miljuni taʼ nies jintlaħqu f’perijodu qasir taʼ żmien ġie konfermat b’riżultati sodisfaċenti. (Mt. 11:19; 24:14) Il-​ministeru minn dar għal dar ta prova li hu mod prattiku li bih nistgħu nuru mħabba għal Ġeħova u l-​proxxmu tagħna.—Mt. 22:34-​40.

4 L-​ippritkar minn dar għal dar mhuwiex xi innovazzjoni moderna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. L-​appostlu Pawlu jirreferi għall-​fatt li kien imur jgħallem fid-​djar tan-​nies. Meta ddeskriva l-​ministeru tiegħu lill-​indokraturi f’Efesu, hu qal: “Sa mill-​ewwel jum li rfist fid-​distrett taʼ l-​Asja . . . ma żammejtx lura milli ngħidilkom kulma kien taʼ benefiċċju u milli ngħallimkom . . . minn dar għal dar.” B’dan u modi oħrajn, Pawlu ‘ta xiehda bir-​reqqa kemm lil-​Lhud kif ukoll lill-​Griegi dwar l-​indiema lejn Alla u l-​fidi fil-​Mulej tagħna Ġesù.’ (Atti 20:18, 20, 21) Dak iż-​żmien, l-​imperaturi Rumani inkuraġġew l-​idolatrija, u ħafna nies kienu “devoti lejn l-​allat.” Kien urġenti li n-​nies ifittxu “l-​Alla li għamel id-​dinja u kulma fiha,” il-​Wieħed li kien qed “jgħid lill-​bnedmin kullimkien li għandhom jindmu.”—Atti 17:22-​31.

5 Illum, il-​bżonn li nilħqu lin-​nies bl-​aħbar tajba hu saħansitra iktar urġenti. It-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar qed joqrob bil-​ħeffa. Peress li naraw dan il-​bżonn, niġu mqanqlin inżidu l-​isforzi tagħna. Ma nstab ebda metodu aħjar minn dak li għadda l-​prova taż-​żmien taʼ li nfittxu lil dawk li huma bil-​ġuħ għall-​verità minn dar għal dar. Dan għadu effettiv illum daqskemm kien fi żmien Ġesù u l-​appostli.—Mk. 13:10.

6 Jistaʼ jkollok sehem sħiħ fil-​ministeru minn dar għal dar? Jekk inhu hekk, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jieħu pjaċir bik. (Eżek. 9:11; Atti 20:35) Il-​ministeru minn dar għal dar għandu mnejn ma jkunx faċli għalik. Int tistaʼ tkun limitat fiżikament, jew tistaʼ tkun qed tipprietka f’territorju fejn in-​nies ma jkunux iridu jisimgħu. Jistaʼ saħansitra jkun hemm restrizzjonijiet governattivi. Forsi int mistħi, u ssibha diffiċli ħafna tibda konversazzjonijiet maʼ nies li ma tafhomx. Għalhekk, kull darba li tieħu sehem fil-​ministeru minn dar għal dar, tħoss ċertu ammont t’ansjetà. Taqtax qalbek. (Eżo. 4:10-​12) Iċ-​ċirkustanzi tiegħek huma bħal dawk taʼ ħutek f’ħafna postijiet oħra.

7 Ġesù wiegħed lid-​dixxipli tiegħu: “Ara, jien magħkom il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.” (Mt. 28:20) Din il-​wegħda ssaħħaħna fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. Inħossuna bħall-​appostlu Pawlu, li qal: “Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.” (Flp. 4:13) Ħu vantaġġ sħiħ mill-​arranġamenti tal-​kongregazzjoni biex tieħu sehem fl-​ippritkar minn dar għal dar. Billi taħdem m’oħrajn, int se tirċievi inkuraġġiment u assistenza personali. Itlob biex tegħleb kwalunkwe ostakli li tistaʼ tiffaċċja, u stinka kemm tiflaħ bħala predikatur tal-​aħbar tajba.—1 Ġw. 5:14.

8 Hekk kif titkellem m’oħrajn dwar l-​aħbar tajba, se jkollok opportunitajiet biex tagħtihom ‘raġuni għat-​tama li għandek.’ (1 Pt. 3:15) Se ssir iktar u iktar konxju tal-​kuntrast li hemm bejn dawk li għandhom it-​tama tas-​Saltna u dawk li huma bla tama. (Is. 65:13, 14) Se jkollok is-​sodisfazzjon li tkun taf li obdejt il-​kmand taʼ Ġesù biex tħalli “jiddi d-​dawl” tiegħek, u jistaʼ anki jkollok il-​privileġġ li tgħin lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova u l-​verità li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem.—Mt. 5:16; Ġw. 17:3; 1 Tim. 4:16.

9 Isiru arranġamenti għall-​attività minn dar għal dar fi tmiem il-​ġimgħa kif ukoll matul il-​ġimgħa. Fi nħawi fejn ikun diffiċli ssib in-​nies id-​dar matul il-​ġurnata, xi kongregazzjonijiet jagħmlu arranġamenti għal xhieda filgħaxija. In-​nies jistgħu jkunu iktar disposti jilqgħu lil min iżurhom tard wara nofsinhar jew kmieni filgħaxija milli filgħodu.

INFITTXU LIL MIN JISTĦOQQLU

10 Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu biex ‘ifittxu’ lil min jistħoqqlu. (Mt. 10:11) It-​tfittxija tiegħu għal dawk li kienu disposti li jilqgħu l-​messaġġ ma kinitx limitata biss għall-​ministeru minn dar għal dar. Tabilħaqq, hu ta xhieda f’kull okkażjoni xierqa, kemm formali kif ukoll informali. (Lq. 8:1; Ġw. 4:7-​15) L-​appostli taw xhieda lil nies f’postijiet differenti wkoll.—Atti 17:17; 28:16, 23, 30, 31.

Il-​mira tagħna hi li nilħqu jekk jistaʼ jkun lil kulħadd bil-​messaġġ tas-​Saltna

11 Bl-​istess mod illum, il-​mira tagħna hi li nilħqu jekk jistaʼ jkun lil kulħadd bil-​messaġġ tas-​Saltna. Dan ifisser li nimitaw lil Ġesù u lill-​appostli tiegħu f’kif huma għamlu dixxipli u li nibqgħu aġġornati maż-​żminijiet li qed jinbidlu u ċ-​ċirkustanzi li jvarjaw tan-​nies fit-​territorju tagħna. (1 Kor. 7:31) Pereżempju, xi pubblikaturi kellhom suċċess meta żaru lin-​nies f’postijiet tan-​negozju. L-​għoti taʼ xhieda fit-​toroq wera li hu effettiv f’ħafna pajjiżi, kif kien effettiv ukoll l-​għoti taʼ xhieda f’ġonna, f’postijiet fejn jiġu pparkjati l-​karozzi, jew kull fejn jistgħu jinstabu n-​nies. Xi kongregazzjonijiet jarmaw imwejjed jew stands fit-​territorju tagħhom. Barra minn hekk, l-​uffiċċju tal-​fergħa jistaʼ jorganizza l-​għoti taʼ xhieda speċjali lill-​pubbliku fi bliet kbar minn fejn jgħaddu ħafna nies f’xi belt, billi jintużaw pubblikaturi minn diversi kongregazzjonijiet. B’hekk, individwi li ma jkunux id-​dar meta jżuruhom il-​pubblikaturi, jistgħu jintlaħqu bl-​aħbar tajba band’oħra.

12 Meta niltaqgħu maʼ nies f’postijiet pubbliċi li juru interess fil-​messaġġ tal-​Bibbja, nistgħu noffru pubblikazzjoni addattata. Biex tkabbar l-​interess, tistaʼ tgħid lil dak li jkun ħa interess kif jistaʼ jikkuntattjak u ftiehem għal żjara lura, idderiġieh għal jw.org, jew agħti l-​indirizz tal-​eqreb post fejn isiru l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Tistaʼ ssib li l-​għoti taʼ xhieda lin-​nies f’postijiet pubbliċi hu mod pjaċevoli kif tistaʼ tkabbar il-​ministeru tiegħek.

13 Madankollu, ix-​xogħol assenjat lill-​Kristjani llum ma jinvolvix biss li tiġi proklamata l-​aħbar tajba. Jekk trid tirnexxi f’li tgħin lil oħrajn iħaddnu l-​verità li twassal għall-​ħajja, tkun trid iżżur lil uħud interessati kemm-​il darba sabiex ikunu jistgħu jagħmlu progress f’li jsiru Kristjani maturi.

NAGĦMLU ŻJAJJAR LURA

14 Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) Imma qalilhom ukoll: “Morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, . . . u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.” (Mt. 28:19, 20) Li tagħmel iż-​żjajjar lura jistaʼ jkun sors taʼ ferħ fis-​servizz taʼ Ġeħova. Nies li jkunu wrew interess fl-​aħbar tajba l-​ewwel darba li żorthom, x’aktarx ikunu ferħanin li jerġgħu jarawk. Billi taqsam iktar informazzjoni magħhom mill-​Bibbja, għandu mnejn tkun tistaʼ ssaħħaħ il-​fidi tagħhom f’Alla u tgħinhom isiru konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom. (Mt. 5:3) Jekk tipprepara tajjeb u tagħmel arranġamenti biex tagħmel iż-​żjara lura f’ħin konvenjenti għalihom, forsi tkun tistaʼ tibda studju tal-​Bibbja fid-​dar. Li tagħmel dan għandu ġeneralment ikun il-​mira tiegħek meta tagħmel żjajjar lura. Aħna mhux biss niżirgħu ż-​żerriegħa tal-​verità imma nsaqquha wkoll.—1 Kor. 3:6.

15 Għal xi wħud, iż-​żjajjar lura jistgħu jkunu taʼ sfida. Forsi sirt tas-​sengħa f’li tagħmel preżentazzjoni qasira tal-​aħbar tajba, u tieħu pjaċir b’dan l-​aspett partikulari tal-​ministeru. Imma meta taħseb dwar li terġaʼ tmur lura għand l-​inkwilin biex tinvolvih f’diskussjoni dwar il-​Bibbja, l-​isfida tistaʼ tidher qisha muntanja. Preparazzjoni tajba se tgħinek tkun kunfidenti iżjed. Kun ċert li tuża suġġerimenti prattiċi tal-​laqgħa taʼ matul il-​ġimgħa. Jekk tixtieq tistaʼ wkoll tistieden pubblikatur b’iżjed esperjenza biex jiġi miegħek.

NIKKONDUĊU STUDJI TAL-​BIBBJA FID-​DJAR

16 Meta kien qed jitkellem maʼ proselit Lhudi li kien qed jaqra l-​Kelma t’Alla, l-​evanġelizzatur Filippu staqsieh: “Qed tifhem verament x’int taqra?” Ir-​raġel wieġbu: “Tabilħaqq, kif nistaʼ nifhem, jekk xi ħadd ma jiggwidanix?” Ir-​rakkont Bibliku f’​Atti kapitlu 8 mbagħad jgħidilna li billi beda mis-​silta tal-​Iskrittura li kien qed jaqra r-​raġel, Filippu ‘xandarlu l-​aħbar tajba dwar Ġesù.’ (Atti 8:26-​36) Ma nafux kemm Filippu qattaʼ ħin mar-​raġel, imma hu spjegalu l-​aħbar tajba sal-​punt li r-​raġel sar kredent u talab li jitgħammed. Hu sar dixxiplu taʼ Ġesù Kristu.

17 Ħafna llum mhumiex familjari mal-​Bibbja, u għalhekk jistaʼ jkun hemm bżonn għadd taʼ żjajjar lura u studju dettaljat għal perijodu taʼ ġimgħat, xhur, jew anki sena jew iktar qabel ma dawn ikunu jistgħu jibnu l-​fidi u jikkwalifikaw għall-​magħmudija. Imma l-​għajnuna tiegħek bl-​imħabba u bil-​paċenzja sabiex tgħin lil uħud taʼ qalb onesta jsiru dixxipli għandha l-​ħlas tagħha, saħansitra bħalma qal Ġesù: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

18 Bla dubju, se tkun trid tikkonduċi studju tal-​Bibbja fid-​dar billi tuża pubblikazzjoni mfassla speċifikament għal dan l-​iskop. Int u tapplika l-​istruzzjonijiet provduti fil-​laqgħa taʼ matul il-​ġimgħa u taħdem maʼ għalliema tal-​esperjenza tal-​kongregazzjoni, se tkun tistaʼ tikkonduċi studji produttivi, u tgħin oħrajn isiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu.

19 Jekk għandek bżonn l-​għajnuna biex tibda u tikkonduċi studju tal-​Bibbja fid-​dar, toqgħodx lura milli tkellem lil wieħed mill-​indokraturi jew lil Xhud ieħor li huwa effettiv fix-​xogħol tal-​istudji tal-​Bibbja. Is-​suġġerimenti li jidhru fil-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna u li huma murijin fil-​laqgħa se jgħinuk ukoll. Strieħ fuq Ġeħova, u itlob dwar ix-​xewqa tiegħek. (1 Ġw. 3:22) Għalhekk, jekk inhu possibbli, agħmilha l-​mira tiegħek li tikkonduċi studju tal-​Bibbja fid-​dar minbarra kwalunkwe studju li għandu mnejn qed tikkonduċi mal-​familja tiegħek. Billi tikkonduċi studji tal-​Bibbja, int se żżid il-​ferħ tiegħek fil-​ministeru.

NIDDERIEĠU LIL UĦUD INTERESSATI LEJN L-​ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA

20 Meta ngħinu lin-​nies isiru jafu lil Alla Ġeħova u jsiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu, huma jsiru parti mill-​kongregazzjoni. L-​istudenti tal-​Bibbja se jagħmlu progress spiritwali u jikbru fil-​maturità jekk jirrikonoxxu l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova u jikkooperaw magħha. Hu importanti li tgħallimhom kif jagħmlu dan. Xi vidjows u l-​browxer Min qed jagħmel ir-​rieda taʼ Ġeħova llum? ġew preparati speċifikament għal dan l-​iskop. Ftit mill-​informazzjoni f’Kapitlu 4 taʼ din il-​pubblikazzjoni tistaʼ tkun t’għajnuna wkoll.

21 Mill-​bidu nett tad-​diskussjonijiet tiegħek dwar il-​Bibbja, għin lill-​istudent jara li Ġeħova qed juża organizzazzjoni biex iwettaq ix-​xogħol tal-​ippritkar fuq l-​art illum. Urihom il-​valur tal-​għajnuniet li għandna biex tiġi studjata l-​Bibbja, u spjegalhom kif isiru u jitqassmu madwar id-​dinja kollha minn ħaddiema volontieri li huma dedikati lil Alla. Stieden lill-​istudent tiegħek tal-​Bibbja biex jiġi miegħek għal-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna. Spjegalu kif isiru l-​laqgħat, u introduċih mal-​aħwa. Għinu wkoll isir jaf lil Xhieda oħra fl-​assembleat u l-​konvenzjonijiet. F’dawn l-​okkażjonijiet u oħrajn, ħalli lill-​wieħed ġdid jara għalih innifsu kif il-​poplu taʼ Ġeħova juri l-​imħabba, il-​marka li tidentifika lill-​Kristjani veri. (Ġw. 13:35) Hekk kif il-​wieħed interessat jiżdiedlu l-​apprezzament tiegħu għall-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, hu se jersaq eqreb lejn Ġeħova.

NUŻAW LETTERATURA BIBLIKA

22 Il-​Kristjani tal-​bidu saru pubblikaturi żelużi tal-​Kelma t’Alla. Huma għamlu kopji tal-​Iskrittura għalihom personali u għall-​istudju fil-​kongregazzjoni. Huma rrikkmandaw il-​Kelma t’Alla taʼ verità lil oħrajn. Il-​kopji li kellhom miktubin bl-​idejn kienu ftit fl-​għadd u apprezzati ferm. (Kol. 4:16; 2 Tim. 2:15; 3:14-​17; 4:13; 1 Pt. 1:1) Illum, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jużaw metodi taʼ stampar moderni biex jippubblikaw mijiet taʼ miljuni taʼ Bibbji u għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja. Dawn jinkludu fuljetti, browxers, kotba, u rivisti b’mijiet taʼ lingwi.

23 Hekk kif taqsam l-​aħbar tajba m’oħrajn, kun ċert li tuża l-​għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja provduti mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Il-​fatt li taf kemm ibbenefikajt personalment milli taqra u tistudja l-​pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova se jimmotivak taqsamhom m’oħrajn.—Ebr. 13:15, 16.

24 Iktar u iktar nies qed jużaw l-​Internet bħala s-​sors primarju tagħhom taʼ informazzjoni. Għalhekk, minbarra letteratura Biblika, il-​Websajt uffiċjali tagħna, jw.org/mt, hi għodda effettiva biex tinxtered l-​aħbar tajba. Nies madwar id-​dinja jistgħu jużaw il-​kompjuter biex jaqraw jew jisimgħu r-​rekordings bl-​awdjo tal-​Bibbja u taʼ letteratura Biblika b’mijiet taʼ lingwi. Dawk li jaħsbuha darbtejn biex jitkellmu magħna jew li jgħixu fi nħawi fejn ikollhom ftit opportunitajiet biex jitkellmu max-​Xhieda taʼ Ġeħova jistgħu jeżaminaw it-​twemmin tagħna billi jużaw jw.org/mt fil-​privatezza taʼ darhom.

25 Għalhekk, aħna nirreklamaw jw.org/mt f’kull opportunità xierqa. Jekk inkwilin jistaqsi mistoqsija dwar it-​twemmin tagħna, nistgħu nużaw mowbajl, tablet, jew kompjuter biex nuruh it-​tweġiba dak il-​ħin stess. Jekk niltaqgħu maʼ xi ħadd li jitkellem b’lingwa oħra, inkluż lingwa tas-​sinjali, nistgħu nidderiġuh lejn il-​Websajt tagħna biex isib il-​Bibbja u letteratura Biblika bil-​lingwa tiegħu. Ħafna pubblikaturi użaw wieħed mill-​vidjows fuq il-​Websajt biex jibdew diskussjoni fuq il-​Bibbja.

GĦOTI TAʼ XHIEDA INFORMALI

26 Lil dawk li kienu attenti jisimgħu l-​kelma tiegħu, Ġesù qal: “Intom id-​dawl tad-​dinja. . . . Hekk għandu jiddi d-​dawl tagħkom quddiem il-​bnedmin, biex jaraw l-​għemejjel tajbin tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-​smewwiet.” (Mt. 5:14-​16) Dawk id-​dixxipli rriflettew il-​mogħdijiet t’Alla billi imitaw lil Ġesù, li qal dwaru nnifsu: “Jien id-​dawl tad-​dinja.” Ġesù kien taʼ eżempju għall-​Kristjani f’li ħalla “d-​dawl tal-​ħajja” jiddi għall-​benefiċċju taʼ dawk kollha li jagħtu widen.—Ġw. 8:12.

27 B’mod simili, l-​appostlu Pawlu ħallielna eżempju xi nsegwu. (1 Kor. 4:16; 11:1) Meta kien f’Ateni, hu ta xhieda kuljum fis-​suq lil dawk li kienu jinzertaw hemmhekk. (Atti 17:17) Il-​Kristjani f’Filippi segwew l-​eżempju tiegħu. Għal din ir-​raġuni, Pawlu setaʼ jiktbilhom li kienu qed jgħixu “fost ġenerazzjoni mgħawġa u maqluba,” li f’nofshom huma kienu qed ‘jiddu bħala dawwala fid-​dinja.’ (Flp. 2:15) Aħna llum nistgħu nħallu l-​verità tas-​Saltna tiddi bil-​kliem u l-​azzjonijiet tagħna kull meta jkollna l-​opportunità li nitkellmu m’oħrajn dwar l-​aħbar tajba. Veru, l-​eżempju tajjeb tagħna bħala nies retti u onesti jistaʼ fih innifsu jiġbed l-​attenzjoni lejn il-​fatt li aħna differenti mid-​dinja. Madankollu, jekk inkellmuhom dwar l-​aħbar tajba, huma se jkunu jafu għala aħna differenti.

28 Ħafna mill-​poplu taʼ Ġeħova jippreżentaw l-​aħbar tajba lil nies li jiltaqgħu magħhom fuq ix-​xogħol, fl-​iskola, fit-​trasport pubbliku, jew bnadi oħra huma u għaddejjin bil-​ħajja normali taʼ kuljum. Meta nkunu qed nivvjaġġaw, jistaʼ jkollna l-​opportunità biex nitkellmu m’oħrajn li jkunu qed jivvjaġġaw magħna. Individwalment, għandna nkunu attenti għal opportunitajiet biex indawru konversazzjoni komuni f’xhieda. Ejja nkunu preparati biex nitkellmu m’oħrajn f’kull okkażjoni xierqa.

29 Aħna se niġu motivati nagħmlu dan jekk inżommu f’moħħna li nkunu qed infaħħru lill-​Ħallieq tagħna u nonoraw lil ismu. Iżjed minn hekk, inkunu nistgħu ngħinu lil nies taʼ qalb onesta jsiru jafu lil Ġeħova biex huma wkoll ikunu jistgħu jaqduh u jiksbu t-​tama taʼ ħajja li tiġi permezz tal-​fidi f’Ġesù Kristu. Sforzi bħal dawn jogħġbu lil Ġeħova u hu jqishom bħala servizz sagru.—Ebr. 12:28; Riv. 7:9, 10.

IT-​TERRITORJU

30 Hi r-​rieda taʼ Ġeħova li l-​messaġġ tas-​Saltna jiġi pritkat mad-​dinja kollha, kemm fi bliet kif ukoll fi nħawi rurali. Sabiex dan isir, kongregazzjonijiet kif ukoll individwi li jaqdu fi nħawi iżolati jirċievu inkarigi taʼ territorju mill-​uffiċċju tal-​fergħa. (1 Kor. 14:40) Dan huwa fi qbil mal-​arranġament immexxi minn Alla fl-​ewwel seklu. (2 Kor. 10:13; Gal. 2:9) Biż-​żieda mgħaġġla tax-​xogħol tas-​Saltna f’dawn l-​aħħar jiem, joħroġ ħafna ġid meta l-​arranġament biex jinħadem it-​territorju tal-​kongregazzjoni jkun organizzat sew.

31 Dan l-​arranġament jaqaʼ taħt is-​superviżjoni tal-​indokratur tas-​servizz. Qaddej ministerjali jistaʼ jassenja t-​territorju hu. Hemm żewġ tipi taʼ territorji, territorji għall-​grupp u territorji personali. Meta t-​territorju jkun limitat, l-​indokraturi tal-​grupp ikollhom it-​territorji tal-​grupp li fihom il-​pubblikaturi fil-​grupp ikunu jistgħu jippritkaw. Mill-​banda l-​oħra, fejn it-​territorju jkun abbundanti, pubblikaturi individwali jistgħu jiksbu territorji personali.

32 Pubblikatur li jkollu territorju personali jkollu xi mkien fejn jipprietka f’ħinijiet meta ma jkunx hemm arranġamenti għal laqgħat tas-​servizz tal-​għalqa jew meta ma jkunx prattiku li l-​pubblikatur jiltaqaʼ mal-​grupp. Pereżempju, xi pubblikaturi jiksbu territorju ħdejn il-​post tax-​xogħol tagħhom u jippritkaw hemm matul il-​brejk jew wara x-​xogħol. Xi familji jiksbu territorju personali fl-​inħawi fejn jgħixu, u jippritkaw hemmhekk filgħaxijiet. Li pubblikatur ikollu territorju personali f’post konvenjenti għandu mnejn jgħinu jagħmel l-​aħjar tiegħu mill-​ħin li jistaʼ jiddedika għas-​servizz tal-​għalqa. M’għandniex xi ngħidu, territorji personali jistgħu jintużaw għall-​għoti taʼ xhieda bħala grupp. Jekk tixtieq li jkollok territorju personali, tistaʼ titlob wieħed mingħand il-​qaddej tat-​territorju.

33 Kemm jekk ikun territorju tal-​grupp li jkun kiseb l-​indokratur tal-​grupp jew territorju personali miksub minn pubblikatur, il-​persuna li tikseb it-​territorju tagħmel sforz raġunevoli biex tikkuntattja lil xi ħadd f’kull dar. L-​arranġamenti biex jinħadem it-​territorju kollu għandhom ikunu skont il-​liġijiet tal-​protezzjoni tad-​data li japplikaw. Kwalunkwe indokratur tal-​grupp jew pubblikatur li jikseb territorju għandu jagħmel ħiltu biex jaħdmu fi żmien erbaʼ xhur. Ladarba jkun inħadem, għandu javża lill-​qaddej tat-​territorju. Skont iċ-​ċirkostanzi, l-​indokratur tal-​grupp jew il-​pubblikatur jistaʼ jew iżomm it-​territorju u jerġaʼ jaħdmu jew jirritornah lill-​qaddej tat-​territorju.

34 Meta dawk kollha assoċjati mal-​kongregazzjoni jikkooperaw, it-​territorju jkun jistaʼ jinħadem bir-​reqqa. Nistgħu wkoll nevitaw li l-​istess inħawi jinħadmu iżjed minn darba fl-​istess ħin minn żewġ pubblikaturi jew iktar, xi ħaġa li tistaʼ tirrita lill-​inkwilini. B’hekk, nuru konsiderazzjoni għal ħutna u għan-​nies fit-​territorju.

NIKKOOPERAW BIEX NAGĦTU XHIEDA LIN-​NIES TAʼ KULL LINGWA

35 Kulħadd għandu bżonn jitgħallem dwar Alla Ġeħova, Ibnu, u s-​Saltna. (Riv. 14:6, 7) Aħna interessati li ngħinu lin-​nies li jitkellmu bi kwalunkwe lingwa jsejħu isem Ġeħova ħalli jsalvaw u jilbsu l-​personalità Kristjana. (Rum. 10:12, 13; Kol. 3:10, 11) X’inhuma xi sfidi li jqumu meta tiġi preżentata l-​aħbar tajba fi nħawi fejn jiġu mitkellma ħafna lingwi? Dawn kif għandhom jinħadmu biex kemm jistaʼ jkun nies tingħatalhom l-​opportunità li jisimgħu l-​messaġġ tas-​Saltna bil-​lingwa li jifhmu l-​iktar?—Rum. 10:14.

36 L-​inkarigu tat-​territorju taʼ kull kongregazzjoni hu skont il-​lingwa. Għalhekk, fi nħawi fejn jiġu mitkellma ħafna lingwi, pubblikaturi minn kongregazzjonijiet differenti jippritkaw fl-​istess inħawi. F’każi bħal dawn ikun l-​aħjar li pubblikaturi minn kull kongregazzjoni jikkonċentraw fuq li jippritkaw lin-​nies tal-​lingwa speċifika tagħhom. Dan japplika wkoll għal matul kampanji annwali bl-​inviti. Madankollu, meta jkunu qed jieħdu sehem fl-​għoti taʼ xhieda informali jew f’postijiet pubbliċi, il-​pubblikaturi jistgħu jkellmu lil kulħadd u joffru letteratura bi kwalunkwe lingwa.

37 F’xi każi, kongregazzjonijiet taʼ lingwi oħra ma jkunux jistgħu jkopru territorju iżjed ’il bogħod regolarment. F’każi bħal dawn, l-​indokraturi tas-​servizz tal-​kongregazzjonijiet involuti għandhom jikkomunikaw maʼ xulxin biex isibu sistema li jaqbel magħha kulħadd biex jiġi kopert it-​territorju. Dan se jagħti ċans lil kulħadd jismaʼ l-​messaġġ tas-​Saltna u se jipprevieni li jsiru sforzi doppji bla bżonn.—Prov. 15:22.

38 X’għandna nagħmlu jekk min jiftaħ il-​bieb jitkellem b’lingwa differenti minn tagħna? M’għandniex nassumu li se jżuruh pubblikaturi li jitkellmu bil-​lingwa tiegħu. Xi pubblikaturi tgħallmu preżentazzjoni sempliċi b’lingwa li spiss jiltaqgħu magħha fit-​territorju tagħhom. Nistgħu nuru lil xi ħadd kif jistaʼ jaqra jew jiddawnlowdja l-​letteratura bil-​lingwa tiegħu mill-​Websajt uffiċjali tagħna, jw.org/mt, jew nistgħu noffru li nġibulu l-​letteratura bil-​lingwa tiegħu.

39 Jekk l-​individwu juri interess ġenwin, għandna nipprovaw insibu lil xi ħadd li hu kwalifikat biex jgħinu b’lingwa li jifhem. Nistgħu wkoll ngħidulu fejn isiru l-​laqgħat fil-​viċin bil-​lingwa tiegħu. Jekk jixtieq jiġi kuntattjat minn xi ħadd li jitkellem bil-​lingwa tiegħu, nistgħu nuruh kif jikteb id-​dettalji tiegħu fuq jw.org/mt. Imbagħad, l-​uffiċċju tal-​fergħa se jipprova jsib xi pubblikatur, grupp, jew kongregazzjoni fil-​qrib li tistaʼ tgħinu iktar.

40 Sakemm dak li jkun jgħidilna li xi ħadd li jitkellem bil-​lingwa tiegħu jkun żaru, għandna nibqgħu nżuruh aħna. F’xi każi, l-​uffiċċju tal-​fergħa jinforma lill-​anzjani li ma setaʼ jinstab ħadd li jitkellem bil-​lingwa taʼ dak li jkun. Meta jiġri dan, għandna nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nikkultivaw l-​interess tal-​inkwilin. Jekk ikun possibbli, nistgħu nistudjaw il-​Bibbja miegħu, forsi billi nużaw pubblikazzjoni bil-​lingwa tiegħu. Jekk nagħmlu użu tajjeb tal-​istampi u nitolbuh jaqra l-​iskritturi ċitati, hu se jirċievi tagħlim bażiku tal-​Bibbja. Membru tal-​familja tiegħu li jaf il-​lingwa tiegħu u l-​lingwa lokali biżżejjed forsi jkun lest li jservi taʼ interpretu.

41 Sabiex inkunu nistgħu nidderieġu lil min ikun interessat lejn l-​organizzazzjoni t’Alla, għandna nistidnuh jattendi l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni tagħna, anki jekk forsi ma jifhimx xi jkun qed jingħad. Meta jinqraw l-​iskritturi, nistgħu ngħinuh isibhom billi tintuża Bibbja bil-​lingwa tiegħu jekk ikun hemm waħda disponibbli. Li jassoċja m’oħrajn fil-​kongregazzjoni fiha nfisha tistaʼ tkun taʼ inkuraġġiment u se tgħinu jkompli jagħmel progress spiritwali.

42 Pregroups: Pregroup jikkonsisti f’għadd taʼ pubblikaturi li jkunu qed jippritkaw b’lingwa li hi differenti minn taʼ kongregazzjoni avolja ma jkunx hemm anzjan jew qaddej ministerjali kwalifikat li jistaʼ jikkonduċi laqgħa kull ġimgħa b’dik il-​lingwa. L-​uffiċċju tal-​fergħa jistaʼ jirrikonoxxi li kongregazzjoni jkun fiha pregroup jekk jintlaħqu l-​ħtiġijiet li ġejjin:

  1. (1) Ikun hemm numru mhux ħażin taʼ nies fl-​inħawi li jitkellmu b’lingwa li hi differenti minn dik tal-​kongregazzjoni.

  2. (2) Minn tal-​inqas ikun hemm ftit pubblikaturi li jafu l-​lingwa tal-​pregroup jew ikunu lesti li jitgħallmuha.

  3. (3) Il-​ġemgħa tal-​anzjani tkun lesta li tieħu t-​tmexxija f’li torganizza x-​xogħol tal-​ippritkar f’dik il-​lingwa.

Jekk il-​ġemgħa tal-​anzjani tixtieq ikollha pregroup, huma se jikkonsultaw mal-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Hu għandu mnejn ikun jaf dwar kongregazzjonijiet oħrajn li qed jipprovaw jippritkaw lin-​nies taʼ dik il-​lingwa u jkun jistaʼ jipprovdi informazzjoni importanti biex jiġi deċiż liema kongregazzjoni tkun l-​aħjar biex ikollha pregroup. Ladarba dik il-​kongregazzjoni tintgħażel, l-​anzjani se jibagħtu ittra lill-​uffiċċju tal-​fergħa u jitolbu l-​approvazzjoni li tiġi rikonoxxuta bħala kongregazzjoni li fiha pregroup.

43 Gruppi: L-​uffiċċju tal-​fergħa jistaʼ jirrikonoxxi kongregazzjoni bħala li fiha grupp jekk jintlaħqu l-​ħtiġijiet li ġejjin:

  1. (1) Ikun hemm interess biżżejjed u potenzjal għal tkabbir f’lingwa partikulari.

  2. (2) Għall-​inqas numru żgħir taʼ pubblikaturi jkunu jafu l-​lingwa jew qed jitgħallmuha.

  3. (3) Anzjan jew qaddej ministerjali kwalifikat ikun disponibbli biex jieħu t-​tmexxija u biex jikkonduċi mill-​inqas laqgħa waħda fil-​ġimgħa jew parti minn laqgħa bħal taħdita pubblika jew l-​Istudju taʼ It-​Torri tal-​Għassa b’dik il-​lingwa.

Meta jiġu sodisfati dawn il-​ħtiġijiet sa punt raġunevoli, il-​ġemgħa tal-​anzjani se tibgħat ittra dettaljata lill-​uffiċċju tal-​fergħa u titolbu li jiġi rikonoxxut formalment li l-​kongregazzjoni tkun qed tospita grupp. L-​anzjan jew il-​qaddej ministerjali li jkun qed jieħu t-​tmexxija jitqies li hu l-​“indokratur tal-​grupp” jew il-​“qaddej tal-​grupp” li hu responsabbli li jieħu ħsieb il-​grupp.

44 Ladarba l-​grupp jiġi stabbilit, il-​ġemgħa tal-​anzjani tal-​kongregazzjoni li jkun fiha l-​grupp, tiddeċiedi jekk partijiet oħra tal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni għandhomx jiġu miżjuda jew kemm għandhom isiru spiss il-​laqgħat matul ix-​xahar. Jistgħu wkoll isiru arranġamenti għal-​laqgħat tas-​servizz tal-​għalqa għall-​grupp. Dawk kollha fil-​grupp jaħdmu taħt is-​superviżjoni tal-​ġemgħa tal-​anzjani li tospita l-​grupp. L-​anzjani se jipprovdu direzzjoni bilanċjata u jieħdu l-​inizjattiva biex jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​grupp. Meta indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet jaħdem mal-​grupp matul il-​ġimgħa taż-​żjara tiegħu lill-​kongregazzjoni li tospita l-​grupp, hu se jipprovdi rapport qasir lill-​uffiċċju tal-​fergħa dwar il-​progress tal-​grupp u jsemmi kwalunkwe bżonnijiet speċifiċi. Maż-​żmien, jistaʼ jkun possibbli li l-​grupp isir kongregazzjoni. Jekk dawk kollha japplikaw id-​direzzjoni teokratika, dan se jogħġob lil Ġeħova.—1 Kor. 1:10; 3:5, 6.

GĦOTI TAʼ XHIEDA BĦALA GRUPP

45 Il-​Kristjani dedikati għandhom responsabbiltà personali biex jaqsmu l-​aħbar tajba m’oħrajn. Hemm ħafna modi kif dan isir, imma l-​biċċa l-​kbira minna nieħdu gost inkunu nistgħu noħorġu fis-​servizz tal-​għalqa m’oħrajn. (Lq. 10:1) Għal din ir-​raġuni, il-​kongregazzjonijiet jiltaqgħu għas-​servizz tal-​għalqa fi tmiem il-​ġimgħa kif ukoll matul il-​ġimgħa. Il-​festi pubbliċi wkoll jipprovdu opportunitajiet tajbin għal għoti taʼ xhieda bħala grupp, ladarba ħafna aħwa ma jkunux xogħol. Il-​Kumitat tas-​Servizz tal-​Kongregazzjoni jorganizza laqgħat għas-​servizz tal-​għalqa f’ħinijiet u postijiet konvenjenti matul il-​ġurnata u filgħaxijiet.

46 L-​għoti taʼ xhieda bħala grupp jippermetti lill-​pubblikaturi jaħdmu flimkien u ‘jinkuraġġixxu lil xulxin.’ (Rum. 1:12) Pubblikaturi ġodda jistgħu jaħdmu m’oħrajn tas-​sengħa u tal-​esperjenza, u b’hekk jieħdu t-​taħriġ. F’xi nħawi, forsi jkun tajjeb li żewġ jew tliet pubblikaturi jaħdmu flimkien għal raġunijiet taʼ sigurtà. Anki jekk tkun bi ħsiebek taħdem waħdek fit-​territorju, li tiltaqaʼ mal-​grupp jistaʼ jkun taʼ inkuraġġiment għal dawk kollha konċernati. Li sempliċement tkun taf li hemm oħrajn fil-​ministeru, jaħdmu fl-​istess akkwati, jistaʼ jagħtik il-​kunfidenza. Pijunieri u oħrajn m’għandhomx iħossuhom obbligati jappoġġaw kull laqgħa għas-​servizz tal-​għalqa organizzata mill-​kongregazzjoni, speċjalment jekk dawn jinżammu kuljum. Madankollu, aktarx ikun possibbli għalihom li jappoġġaw għall-​inqas ftit mil-​laqgħat għas-​servizz kull ġimgħa.

47 Jalla lkoll insegwu l-​eżempju li ħallew Ġesù u l-​appostli tiegħu! Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jbierek l-​isforzi tagħna biex ikollna sehem sħiħ fix-​xogħol vitali taʼ li nippritkaw din l-​aħbar tajba tas-​Saltna.—Lq. 9:57-​62.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja