LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • km 7/12 pp. 4-7
  • Qabel Tipprietka, Għandek Mnejn Trid Tfittex

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qabel Tipprietka, Għandek Mnejn Trid Tfittex
  • Il-Ministeru tas-Saltna—2012
  • Materjal Simili
  • ‘Ġeħova Ġiegħel Wiċċu Jiddi Lejhom’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Oqgħod Attent biex Tgħin lil Nies Neqsin mis-Smigħ fit-Territorju Tiegħek
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • Għożż lil Ħutek Neqsin mis-Smigħ!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Niżviluppaw it-Territorju tal-Lingwa Barranija
    Il-Ministeru tas-Saltna—2009
Ara Iżjed
Il-Ministeru tas-Saltna—2012
km 7/12 pp. 4-7

Qabel Tipprietka, Għandek Mnejn Trid Tfittex

1. It-​tqassim tat-​territorju taʼ kongregazzjonijiet fi nħawi b’ħafna lingwi, għala jsir skont il-​lingwa?

1 F’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., wara li rċivew l-​ispirtu qaddis, id-​dixxipli taʼ Ġesù “bdew jitkellmu b’ilsna differenti” maʼ dawk preżenti minn partijiet imbiegħda tal-​art. (Atti 2:4) B’riżultat taʼ dan, xi 3,000 ruħ tgħammdu. T’interess, jidher li l-​maġġorparti tal-​viżitaturi tkellmu wkoll lingwa komuni bejniethom, aktarx l-​Ebrajk jew il-​Grieg. Iżda, Ġeħova għażel li l-​messaġġ tas-​Saltna jiġi pritkat lilhom bil-​lingwa tagħhom. Bla dubju, raġuni għal dan hi li n-​nies spiss ikunu iktar lesti li jwieġbu għall-​aħbar tajba meta jisimgħuha bi lsien pajjiżhom. Għalhekk, illum, it-​tqassim tat-​territorju taʼ kongregazzjonijiet fi nħawi b’ħafna lingwi jsir skont il-​lingwa. (Organizzati, p. 107, para. 2-​3) Gruppi tal-​lingwa barranija ma jirċivux inkarigu tat-​territorju, imma jippritkaw lil dawk li jitkellmu l-​lingwa fit-​territorju tal-​kongregazzjoni li tkun qed tappoġġa l-​grupp u taʼ kongregazzjonijiet oħrajn fil-​viċin.

2. (a) X’inhu x-​xogħol tat-​tfittix, u fejn jistaʼ jkun neċessarju? (b) Il-​kongregazzjonijiet kif jistgħu jgħinu lil xulxin biex jaħdmu territorju fejn joqogħdu nies taʼ lingwi differenti? (ċ) X’għandna nagħmlu jekk insibu lil xi ħadd li jitkellem lingwa oħra u li juri interess?

2 Jekk tgħix fejn kulħadd jitkellem l-​istess lingwa, tistaʼ sempliċement tipprietka minn dar għal dar. Madankollu, is-​sitwazzjoni tiegħek tistaʼ tkun differenti jekk tgħix fi nħawi fejn jiġu mitkellma ħafna lingwi. Kongregazzjonijiet taʼ lingwi oħrajn jistgħu jkunu qed jippritkaw fl-​istess akkwati. Għalkemm il-​kongregazzjonijiet jistgħu jagħtuk informazzjoni fuq individwi li jsibu u li jitkellmu l-​lingwa tiegħek, ir-​responsabbiltà primarja biex issib lin-​nies li tistaʼ tippritkalhom hi tal-​kongregazzjoni jew il-​grupp tiegħek. (Ara l-​kaxxa “Għinu lil Xulxin.”) Għalhekk, forsi jkollok tieħu sehem fix-​xogħol tat-​tfittix, li permezz tiegħu ssib lil dawk li jitkellmu lingwa speċifika. Ix-​xogħol tat-​tfittix kif jistaʼ jsir?

3. X’jiddetermina fejn il-​kongregazzjoni jew il-​grupp ifittex u kemm għandu jiddedika ħin għal din l-​attività?

3 L-​Organizzar tax-​Xogħol tat-​Tfittix: L-​ammont taʼ ħin li hu dedikat għax-​xogħol tat-​tfittix fi nħawi b’ħafna lingwi jiddependi miċ-​ċirkustanzi lokali. Pereżempju, kemm hemm nies fil-​komunità li jitkellmu l-​lingwa? Kemm hemm pubblikaturi? Il-​kongregazzjoni jew il-​grupp kemm diġà għandu indirizzi? Il-​kongregazzjoni mhijiex mitluba tfittex kull akkwata bl-​istess mod, iżda tistaʼ tagħżel li tiffoka fuq inħawi fil-​konfini tat-​territorju tagħha fejn joqogħdu l-​iktar nies u fuq dawk l-​inħawi li mhumiex daqstant imbegħdin. Madankollu, huwa importanti li jkollok arranġament organizzat tajjeb biex tfittex ħalli kemm jistaʼ jkun nies ikun jistaʼ jkollhom l-​opportunità li jsejħu isem Ġeħova.—Rum. 10:13, 14.

4. (a) Kif għandu jiġi organizzat ix-​xogħol tat-​tfittix? (b) X’inhuma xi modi kif issib lin-​nies li jitkellmu l-​lingwa tiegħek?

4 Sabiex jiġi evitat xogħol doppju bla bżonn f’postijiet fejn it-​tfittix hu neċessarju, il-​ġemgħa tal-​anzjani, partikolarment l-​indokratur tas-​servizz, għandhom jorganizzaw u jidderieġu x-​xogħol tat-​tfittix. (1 Kor. 9:26) Fil-​gruppi taʼ lingwa barranija, ħu kwalifikat, preferibbilment anzjan jew qaddej ministerjali magħżul mill-​ġemgħa tal-​anzjani tal-​kongregazzjoni li tkun qed tappoġġa l-​grupp, jistaʼ jieħu t-​tmexxija. Ħafna kongregazzjonijiet u gruppi għandhom arranġament organizzat biex jagħmlu r-​riċerka tal-​bidu, forsi billi jużaw direttorju fuq l-​Internet biex jiġbru ismijiet komuni fil-​lingwa tagħhom. Imbagħad ix-​xogħol tat-​tfittix isir permezz taʼ telefonati jew żjajjar biex jiddeterminaw liema indirizzi għandhom jiġu inklużi fit-​territorju. Jekk ikun prattiku, il-​ġemgħa tal-​anzjani tal-​kongregazzjoni li tappoġġa l-​grupp jistgħu jirranġaw biex kultant il-​kongregazzjoni kollha tipparteċipa fit-​tfittix.—Ara l-​kaxxa “Kif Issib lil Dawk li Jitkellmu l-​Lingwa Tiegħek.”

5. (a) X’inhuma xi suġġerimenti għal pubblikaturi li qed jagħmlu x-​xogħol tat-​tfittix? (b) Fit-​tfittix x’nistgħu ngħidu lin-​nies?

5 Għandu jkollna skop ċar kull darba li personalment nieħdu sehem fix-​xogħol tat-​tfittix. Ladarba din l-​attività hi parti mill-​ministeru, normalment għandna nilbsu bħallikieku ħerġin għas-​servizz tal-​għalqa. Ħafna jsibu li meta jipprattikaw il-​preżentazzjonijiet tagħhom u jitkellmu l-​lingwa waqt li jkunu qed ifittxu jiġu megħjunin iżommu l-​entużjażmu u jirfinaw fil-​lingwa. Nistgħu ngħoddu l-​ħin li nqattgħu nfittxu imma mhux il-​ħin li nużaw biex nippreparaw il-​mapep għat-​territorju u l-​listi. Meta nsibu lil xi ħadd li jitkellem il-​lingwa, għandna nirsistu biex nitkellmu miegħu dwar l-​aħbar tajba, u mbagħad mingħajr dewmien għandna ninformaw ’l-​indokratur tas-​servizz jew lil xi ħadd inkarigat minnu ħalli r-​rekords tat-​territorju jiġu aġġornati. Dan irid isir kemm jekk il-​persuna turi interess u kemm jekk le. Għalkemm ix-​xogħol tat-​tfittix hu importanti, għandna nkunu bilanċjati u nieħdu sehem f’kull aspett tal-​ministeru.—Ara l-​kaxxa “X’Tistaʼ Tgħid fix-​Xogħol tat-​Tfittix.”

6. It-​tfittix għal nies torox għandu liema sfidi uniċi?

6 It-​Tfittix Għal Dawk Torox: It-​tfittix għal nies torox għandu sfidi uniċi u jeħtieġ sforz u persistenza sinifikanti. Xi ħadd trux ma jintgħarafx minn kif jiġi spellut ismu, minn xi karatteristika fiżika, jew minn ħwejġu. Iżjed minn hekk, membri tal-​familja u l-​ħbieb jistgħu jkunu protettivi u jistgħu jaħsbuha darbtejn biex jagħtu informazzjoni lil pubblikaturi li jistaqsuhom dwar dawn l-​uħud. Is-​suġġerimenti li ġejjin għat-​tfittix għal nies torox jistgħu wkoll ikunu utli għal meta tfittex dawk li għandhom lingwa mitkellma.

7. (a) Xi tfittix jistaʼ jsir fi nħawi residenzjali biex jinstabu n-​nies torox? (b) Kif nistgħu ngħinu lill-​inkwilin biex ma jkunx suspettuż fina?

7 Il-​kongregazzjonijiet u l-​gruppi tal-​lingwa tas-​sinjali kellhom suċċess f’li jfittxu wħud torox fi nħawi residenzjali. Forsi l-​inkwilin osserva ġar, kollega tax-​xogħol, jew sieħeb tal-​iskola juża l-​lingwa tas-​sinjali. Għandu mnejn induna b’xi sinjal fit-​triq li javża lill-​ġirien li hemm tfal torox. Forsi għandu qarib trux. Żomm f’moħħok li l-​iskop taż-​żjara tiegħek jistaʼ jitqies b’suspett. Madankollu, tistaʼ tagħmel ħafna biex isserraħ moħħ l-​inkwilin billi tkun dħuli b’mod ġenwin u billi tagħti spjegazzjoni fil-​qosor, bl-​onestà, u bid-​dinjità. Xi wħud kellhom riżultati tajbin billi wrew il-​Bibbja jew DVDs oħrajn hekk kif jistaqsu lill-​inkwilin jekk jafx lil xi ħadd trux. Imbagħad sempliċement isemmu li jixtiequ jitkellmu dwar it-​tama tal-​Bibbja maʼ dawn l-​uħud. Jekk l-​inkwilin iżomm lura milli jagħti informazzjoni, għandu mnejn ikun lest li jaċċetta l-​indirizz tiegħek jew invit għal-​laqgħa tal-​kongregazzjoni biex jagħtih lil qarib jew ħabib trux tiegħu.

8. Kongregazzjoni fil-​viċin kif tistaʼ tgħin lill-​kongregazzjoni tas-​sinjali?

8 Darba jew darbtejn fis-​sena, kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali tistaʼ tistieden kongregazzjoni fil-​viċin taʼ lingwa differenti biex tgħinhom ifittxu f’xi naħa tat-​territorju kbir tagħhom. Laqgħa għas-​servizz immexxija mill-​kongregazzjoni tas-​sinjali tistaʼ tinkludi istruzzjonijiet għal din l-​attività u turija. Minn tal-​inqas għandu jkun hemm pubblikatur jew pubblikatriċi mill-​kongregazzjoni tas-​sinjali f’kull grupp t’aħwa u tistaʼ tingħata mappa b’post speċifiku fejn għandu jsir it-​tfittix.

9. Ix-​xogħol tat-​tfittix kif jistaʼ jsir fejn in-​nies torox jiltaqgħu għal assoċjazzjoni jew għal rikreazzjoni jew biex tieħu servizzi t’għajnuna?

9 It-​tfittix jistaʼ jsir ukoll fejn ikun magħruf li nies torox iħobbu jiltaqgħu għal assoċjazzjoni u għal rikreazzjoni jew biex jieħdu servizzi t’għajnuna offruti lill-​komunità. Il-​pubblikaturi għandhom jilbsu adattat għal din is-​sitwazzjoni partikulari. Jistaʼ jkun aħjar jekk titkellem maʼ persuna jew tnejn u li tkun diskret minflok ma tagħmel preżentazzjoni lill-​grupp sħiħ. Jekk il-​konversazzjoni timxi ’l quddiem, forsi tkunu tistgħu tagħtu l-​kuntatti lil xulxin.

10. Il-​pubblikaturi kif jistgħu jfittxu f’negozji lokali?

10 Għażla oħra hi li tipprepara mapep li juru negozji lokali u mbagħad iżżurhom f’ħin adattat. Mappa minnhom tistaʼ tinkludi għadd taʼ petrol stations. Oħra tistaʼ tinkludi dry cleaners, restoranti, lukandi, jew xi tip taʼ negozju ieħor. Jekk kull mappa jkun fiha l-​istess tip taʼ negozju, il-​pubblikaturi jistgħu jużaw l-​istess preżentazzjoni u jiksbu l-​esperjenza u jtejbu l-​abbiltà. Pereżempju, ladarba fil-​lukandi ġieli joqogħdu wħud torox, aħna nistgħu nispjegaw ix-​xogħol tagħna fil-​qosor lir-​receptionist u noffru pakkett lest minn qabel li jikkonsisti minn DVD u invit għal-​laqgħa tal-​kongregazzjoni biex jagħtuhom lin-​nies torox li qed joqogħdu fil-​lukanda. Ladarba bħalissa m’hemmx DVD bil-​lingwa tas-​sinjali bil-​Malti nistgħu nħallu l-​browxer Ismaʼ Minn Alla meta jkun ippubblikat. F’ċerti negozji nistgħu sempliċement nistaqsu jekk hemmx xi ħaddiema jew klijenti regulari li jikkomunikaw bil-​lingwa tas-​sinjali. Jekk fit-​territorju hemm skola għat-​torox, nistgħu noffru xi pubblikazzjonijiet minn tagħna fuq DVD jew il-​browxer Ismaʼ Minn Alla għal-​librerija.

11. Ix-​xogħol tat-​tfittix għala hu parti importanti tal-​ministeru?

11 Xogħol Importanti: Jistaʼ jieħu ż-​żmien biex issib nies li jitkellmu l-​lingwa tiegħek. Barra minn hekk, il-​gruppi etniċi taʼ xi akkwati jistgħu jinbidlu malajr hekk kif in-​nies ibiddlu d-​djar, u b’hekk ikun iktar taʼ sfida biex ir-​rekords tat-​territorju jinżammu aġġornati. Minkejja dan, f’għadd li qed jiżdied taʼ nħawi, ix-​xogħol tat-​tfittix hu aspett importanti tal-​ministeru. Ġeħova, li tana l-​inkarigu biex nippritkaw, mhuwiex parzjali. (Atti 10:34) Hu “jrid li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.” (1 Tim. 2:3, 4) Għalhekk, jalla nikkooperaw maʼ Ġeħova u maʼ xulxin biex insibu nies taʼ kull lingwa li għandhom “qalb nobbli u tajba.”—Lq. 8:15.

[Kaxxa f’paġna 5]

Għinu lil Xulxin

Jekk il-​kongregazzjoni jew il-​grupp jixtieq l-​għajnuna biex isib lil dawk tal-​lingwa tiegħu li jistaʼ jippritkalhom, l-​indokratur tas-​servizz jistaʼ jikkuntattja lill-​anzjani taʼ kongregazzjonijiet taʼ lingwi oħra fil-​viċin. Forsi jkun aħjar jekk jikkuntattja biss lill-​kongregazzjonijiet li mhumiex ’il bogħod ħafna jew li għandhom popolazzjoni mhux ħażin taʼ dawk li jitkellmu l-​lingwa. Il-​kongregazzjonijiet li jiġu kuntattjati jistgħu mbagħad jinformaw lill-​pubblikaturi li jekk isibu lil xi ħadd li jitkellem dik il-​lingwa, għandhom jiktbu l-​indirizz u jagħtuh lill-​indokratur tas-​servizz biex jagħtih lill-​kongregazzjoni jew il-​grupp li qed jitlob l-​għajnuna. L-​indokraturi tas-​servizz jistgħu joħolqu sistema li hi prattika għall-​kongregazzjonijiet u l-​gruppi involuti bil-​ħsieb li jkopru t-​territorju fejn joqogħdu nies taʼ lingwi differenti u biex jidderieġu lil uħud interessati lejn il-​kongregazzjoni jew il-​grupp adattat.

Jekk il-​pubblikaturi jsibu lil xi ħadd taʼ lingwa oħra li juri interess ġenwin (jew lil xi ħadd trux), mingħajr dewmien għandhom jimlew il-​formola Please Follow Up (S-​43) u jagħtuha lis-​segretarju tal-​kongregazzjoni. Dan se jippermetti lill-​persuna tirċievi għajnuna spiritwali malajr.—Ara km 5/11 p. 3.

[Kaxxa f’paġna 6]

Kif Issib lil Dawk li Jitkellmu l-​Lingwa Tiegħek

• Staqsi lil oħrajn, bħal studenti tal-​Bibbja, membri tal-​familja, u kollegi tax-​xogħol.

• Uża direttorju tat-​telefown biex issib ismijiet li huma komuni fil-​lingwa. Direttorju li jirranġa l-​ismijiet skont l-​indirizz jistaʼ jkun disponibbli fuq l-​Internet jew mill-​kumpanija tat-​telefown.

• B’mod diskret staqsi f’postijiet li joffru servizzi lill-​pubbliku, bħal libreriji lokali, uffiċini tal-​gvern, u kulleġġi.

• Iċċekkja l-​gazzetti lokali għal avviżi rigward attivitajiet pubbliċi organizzati mill-​komunità tal-​lingwa barranija.

• Żur ħwienet u negozji lokali li jaħsbu għall-​komunità tal-​lingwa barranija.

• Bil-​permess minn dawk li jieħdu ħsieb, ipprepara mejda bil-​letteratura f’post taʼ negozju, f’ċentru għall-​istudenti tal-​università, jew f’post tat-​trasport fejn spiss ikunu n-​nies li jitkellmu l-​lingwa.

• Jekk il-​liġi tal-​pajjiż tiegħek tippermetti, ixtri direttorju kummerċjali jew programm tal-​kompjuter li jfittex f’siti pubbliċi tal-​Internet.

[Kaxxa f’paġna 7]

X’Tistaʼ Tgħid fix-​Xogħol tat-​Tfittix

Jekk tavviċina lil persuna b’mod dħuli, sinċier, u dirett se tneħħi s-​suspetti. Spiss ikun t’għajnuna li turi l-​letteratura bil-​lingwa.

Wara li ssellem, tistaʼ tgħid: “Qed infittxu lil dawk li jitkellmu bil-​ ______ ħalli nkunu nistgħu nkellmuhom dwar it-​tama tal-​Bibbja. Taf lil xi ħadd li nistgħu nitkellmu miegħu?”

Meta tkun qed tfittex lil uħud torox, tistaʼ tgħid: “Hello. Taf lil xi ħadd li hu trux jew li hu nieqes mis-​smigħ u li juża l-​lingwa tas-​sinjali?” Jekk l-​inkwilin ma jistaʼ jiftakar f’ħadd, spiss ikun tajjeb li tagħti xi eżempji taʼ postijiet fejn għandu mnejn ikun ra persuna truxa, bħal fuq ix-​xogħol, fl-​iskola, jew fl-​inħawi fejn joqgħod.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja