GĦIX BĦALA KRISTJAN
Nikkooperaw biex nippritkaw f’territorju li fih ħafna lingwi
In-nies spiss ikunu iktar lesti li jwieġbu b’mod favorevoli għall-messaġġ tas-Saltna meta jisimgħuh bil-lingwa t’art twelidhom. Jistaʼ jkun li għalhekk li f’Pentekoste tas-sena 33, Ġeħova għamel arranġament biex il-Lhud “li kellhom il-biżaʼ t’Alla, minn kull ġens taħt is-sema” jisimgħu l-aħbar tajba bil-‘lingwa t’art twelidhom,’ minkejja li x’aktarx ilkoll kienu jitkellmu lingwa komuni, bħall-Ebrajk jew il-Grieg. (At 2:5, 8) Illum, fi nħawi fejn hemm nies minn diversi pajjiżi, il-kongregazzjonijiet li jkollhom laqgħat b’lingwi differenti jistaʼ jkun li jkollhom it-territorju fl-istess inħawi taʼ kongregazzjonijiet oħra. Il-pubblikaturi f’kongregazzjonijiet bħal dawn, kif jistgħu jikkooperaw biex jagħtu xhieda lil kulħadd u fl-istess ħin jevitaw li jdejqu lill-inkwilini għax imorru spiss?
Ikkonsulta (Pr 15:22): L-indokraturi tas-servizz għandhom jitkellmu flimkien u jsibu mod kif l-ippritkar tal-aħbar tajba jkun tajjeb għall-kongregazzjonijiet involuti kollha. Jekk għandhom territorju limitat, il-kongregazzjonijiet li jippritkaw b’lingwi oħra aktarx li jitolbu li jinqabżu d-djar li jkunu fit-territorju tagħhom. Però, jekk ma jkunux jistgħu jkopru t-territorju kollu tagħhom b’mod regulari għax ikun mifrux ħafna, jaf jippreferu li d-djar isiru imma jiġu informati meta jkun hemm xi ħadd li juri interess. (od 93 ¶37) Jew forsi jistaqsu l-kongregazzjoni tiegħek biex tgħinhom isibu n-nies li jitkellmu bil-lingwa tal-kongregazzjoni tagħhom u biex jingħatalhom l-indirizz ħalli jsir parti mit-territorju tagħhom. (km 5/15 1) Żomm f’moħħok li f’ċerti każijiet, jistaʼ jkun hemm iktar minn lingwa waħda mitkellma fl-istess dar. L-arranġamenti biex jinħadem it-territorju kollu għandhom ikunu fi qbil mal-liġijiet tal-protezzjoni tad-data.
Ikkoopera (Ef 4:16): Segwi bir-reqqa kwalunkwe direzzjoni li tirċievi mill-indokratur tas-servizz tiegħek. Qed tikkonduċi studju tal-Bibbja maʼ xi ħadd li jippreferi lingwa li mhijiex il-lingwa tal-kongregazzjoni tiegħek? L-istudent x’aktarx li jagħmel iktar progress malajr jekk tgħaddi l-istudju lil xi kongregazzjoni jew grupp fil-viċin li jitkellem dik il-lingwa.
Ipprepara (Pr 15:28; 16:1): Jekk inkwilin fit-territorju tiegħek jitkellem b’lingwa oħra, agħmel l-almu tiegħek biex taqsam miegħu l-aħbar tajba. Int tistaʼ tipprepara billi taħseb dwar liema lingwi tistaʼ tiltaqaʼ magħhom u tniżżel minn qabel traduzzjonijiet tal-Bibbja u vidjows fuq il-mowbajl jew it-tablet tiegħek. Int tistaʼ tuża wkoll il-JW Language app biex titgħallem tislimiet f’xi lingwi.