Uża r-Rivisti Tagħna bl-Aħjar Mod
1 Meta tmur f’ħanut tal-gazzetti, x’jiġbidlek l-attenzjoni tiegħek? Ir-rivisti. X’inhu li jġiegħel lill-pustier jitgħawweġ bit-toqol tal-basket tal-posta? Ir-rivisti. Allura, x’inhuma jaqraw ħafna nies? Ir-rivisti. Stħarriġ li sar juri li 9 minn kull 10 żgħażagħ bejn l-etajiet taʼ 10 u 18-il sena, u l-istess medja taʼ adulti, jaqraw mill-inqas rivista kull xahar. Fid-dinja r-rivisti huma importanti.
2 Nistgħu ngħinu lil uħud taʼ qalb onesta biex japprezzaw It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!? Iva, jekk l-ewwel AĦNA napprezzaw It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! X’jistaʼ jgħinna? Ikkunsidra dawn is-suġġerimenti:
◼ Aqra r-Rivisti: Indokratur li jivvjaġġa rrapporta li, bħala medja, pubblikatur wieħed biss minn kull tlieta fis-circuit tiegħu jaqra minn qoxra sa qoxra kull ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Int taqrahom? Hekk kif tkun qed taqra kull artiklu, staqsi lilek innifsek, ‘Min jistaʼ jieħu pjaċir b’din l-informazzjoni—xi omm, anjostiku, negozjant, żagħżugħ?’ Fil-kopja persunali tiegħek, immarka punt jew tnejn li tistaʼ tuża meta tippreżenta r-rivista. Imbagħad, aħseb dwar kif tistaʼ tqajjem l-interess fis-suġġett b’xi sentenza jew tnejn.
◼ Ara li Jkollok Ordni Preċiża tar-Rivisti: Agħmel ordni realistika mal-ħu li jieħu ħsieb ir-rivisti ħalli jkollok għadd preċiż taʼ kopji minn kull ħarġa. B’dan il-mod, int u l-familja tiegħek se jkollkom biżżejjed rivisti b’mod regulari.
◼ Agħmel Skeda Regulari għall-Ġurnata tar-Rivisti: Ħafna kongregazzjonijiet warrbu ġurnata apposta primarjament għall-għoti taʼ xiehda bir-rivisti. Tistaʼ tappoġġa l-Ġurnata tar-Rivisti tal-kongregazzjoni? Jekk le, ipprova kultant uża ftit ħin mis-servizz biex tagħti xiehda fit-toroq bir-rivisti u tqassam ir-rivisti personalment, kemm minn dar għal dar kif ukoll fuq rotot bir-rivisti.
◼ Kun Pront biex Toffri t-“Torri taʼ l-Għassa” u “Stenbaħ!”: Ġorr miegħek kopji tar-rivisti meta tkun qed tivvjaġġa jew tixtri. Offrihom meta tkellem lil sħabek tax-xogħol, lill-ġirien, lil sħabek taʼ l-iskola, jew lill-għalliema. Raġel u mara miżżewġin li spiss jivvjaġġaw bl-ajruplan jużaw punt f’waħda mir-rivisti kurrenti biex jibdew konversazzjoni maʼ passiġġier li jkun bil-qiegħda ħdejhom. Huma gawdew ħafna esperjenzi pjaċevoli. Xi żgħażagħ regolarment jieħdu magħhom l-iskola xi artikli li jħossu li se jinteressaw lill-għalliema jew lil sħabhom tal-klassi. Ġorr xi kopji miegħek meta tkun qed tagħmel xi qadi, u offrihom lil tal-ħwienet wara li tkun spiċċajt tixtri. Ħafna minna nagħtu l-petrol lill-karozza regolarment; għala ma toffrix ir-rivisti lil dak li jieħu ħsieb il-pompa tal-petrol? Żommhom fejn issibhom meta jiġu jżuruk il-qraba, meta tuża t-trasport pubbliku, jew meta tkun qed tistenna għal xi appuntament. Tistaʼ taħseb dwar xi okkażjonijiet tajbin oħra?
◼ Ħejji Preżentazzjoni Qasira bir-Rivisti: Ippjana li tgħid ftit imma għidu sew. Kun mimli ħeġġa. Immira lejn il-qalb. Kun speċifiku. Agħżel idea waħda minn xi artiklu, esprimiha fi ftit kliem, u offri r-rivisti. Il-preżentazzjoni tkun l-aħjar meta tqajjem mistoqsija dwar suġġett interessanti u mbagħad tipponta lejn artiklu li jagħti t-tweġiba Skritturali. Ikkunsidra ftit eżempji taʼ kif tistaʼ tagħmel dan:
3 Jekk qed issemmi artiklu dwar il-kriminalità li qiegħda dejjem tiżdied, tistaʼ tistaqsi:
◼ “Kif se jsir possibbli għalina li nkunu nistgħu norqdu bil-lejl mingħajr biżaʼ mill-kriminalità?” L-inkwilin għandu mnejn ma tantx jaħseb li l-affarijiet se jinbidlu għall-aħjar. Tistaʼ twieġeb billi tgħidlu li ħafna nies iħossuhom bħalu u li għandek xi informazzjoni li temmen li se tinteressah. Imbagħad irreferi għal punt addattat fl-artiklu.
4 Meta toffri artiklu dwar il-ħajja tal-familja tistaʼ tgħid:
◼ “Ħafna nies iħossu li hija verament taʼ sfida li tikseb l-għajxien u trabbi familja f’dan iż-żmien. Inkitbu għadd taʼ kotba dwar is-suġġett, iżda saħansitra l-esperti ma jaqblux dwar is-soluzzjonijiet għall-problemi tagħna. Minfejn nistgħu niksbu gwida taʼ min joqgħod fuqha?” Imbagħad ipponta lejn kumment speċifiku fir-rivista li juri x’għerf insibu fil-Bibbja.
5 Meta toffri artiklu dwar xi problema soċjali tistaʼ tgħid hekk:
◼ “Illum, ħafna nies jinsabu taħt pressjoni. Alla qatt ma riedna ngħixu b’dan il-mod.” Imbagħad uri kif il-materjal ibbażat fuq il-Bibbja fl-artiklu jistaʼ jgħinna nkampaw mal-problemi tal-ħajja issa u jipprovdi tama taʼ soluzzjoni dejjiema fil-futur.
6 Xi ngħidu għad-donazzjonijiet? Biex turi lil dawk li japprezzaw kif jistgħu jgħinu, tistaʼ tgħid: “Għalkemm il-letteratura tagħna hija offruta bla ħlas, aħna naċċettaw donazzjonijiet żgħar għax-xogħol tagħna madwar id-dinja.”
7 L-Għoti taʼ Xiehda fit-Toroq Huwa Effettiv: Kien f’Jannar taʼ l-1940, meta l-ħarġa taʼ l-Informant (Il-Ministeru tas-Saltna) għall-ewwel darba inkuraġġiet lill-pubblikaturi biex jagħmlu skeda għal ġurnata speċjali kull ġimgħa ħalli jagħtu xiehda fit-toroq bir-rivisti. Ġieli tagħti xiehda fit-toroq? Jekk iva, il-metodu li tuża huwa verament effettiv? Ġew osservati xi pubblikaturi weqfin ħdejn kantuniera minfejn jgħaddu ħafna nies, ikellmu lil xulxin waqt li għadd kbir taʼ nies bdew għaddejjin mingħajr ma jiġu notati. Minflok ma l-pubblikaturi joqogħdu ħdejn xulxin bir-rivisti, ikun iktar effettiv jekk jinfirdu u jmorru fuq in-nies. In-nies għandhom mnejn jieqfu u jisimgħu ftit jekk imur fuqhom individwu wieħed, iżda ftit huma dawk li se jieħdu l-inizjattiva biex jieqfu jkellmu grupp taʼ nies mitlufin ipaċpċu. Peress li fit-triq niġbdu ħafna attenzjoni, irridu noqogħdu attenti speċjalment li jkollna dehra tajba u lbies modest kif jixraq lill-ministri t’Alla.—1 Tim. 2:9, 10.
8 Rotot bir-Rivisti: Dawk li jkollhom rotta bir-rivisti jqassmu ħafna rivisti avolja t-territorju qed isir diversi drabi. Ir-rotot bir-rivisti huma sors mill-aqwa taʼ studji tal-Bibbja li jistgħu jinbdew.
9 Meta tagħmel żjajjar lura regulari biex twassal ir-rivisti, se ssib li l-ħbiberija u l-affezzjoni bejnek u l-inkwilin se tikber. Iktar ma ssiru tafu lil xulxin, iktar se jkun faċli li titkellmu dwar suġġetti Skritturali. Dan jistaʼ jwassal biex tibdew studju tal-Bibbja produttiv fid-dar. U ftakar li kulmeta tikkuntattja lill-inkwilin tistaʼ tirrapporta żjara lura.
10 Waħda oħt kienet tieħu r-rivisti b’mod regulari lil mara li dejjem aċċettathom imma li kienet tgħidilha: “Jien ma nemminx dak li tgħidli.” Fi żjara li għamlet iktar tard, l-oħt sabet lir-raġel id-dar. Wara konversazzjoni dħulija, saru xi arranġamenti biex jinbeda studju tal-Bibbja. L-oħt għamlet ħbieb mat-tliet ulied subien li ġew biex jingħaqdu magħhom fl-istudju. Maż-żmien, l-omm u t-tliet uliedha ddedikaw ħajjithom lil Jehovah u tgħammdu. Sal-ġurnata taʼ llum, 35 membru minn din il-familja aċċettaw il-verità. Dan kollu ġara għax l-oħt marret lura fuq ir-rotta tagħha tar-rivisti!
11 Hemm ħafna modi kif tistaʼ tibda rotta bir-rivisti. Tistaʼ tibdieha sempliċement billi tniżżel xi tqassam u tirranġa biex tmur lura kull ħmistax bl-aħħar ħarġiet. Mod wieħed hu billi tuża l-informazzjoni taħt it-titlu “Fil-Ħarġa li Jmiss.” Meta tmur lura, għid lill-inkwilin li għandek l-artiklu li kont semmejtlu d-darba taʼ qabel. Jew, meta tagħmel żjara lura, tistaʼ tgħid: “Meta qrajt dan l-artiklu, ħsibt li jistaʼ jinteressak . . . ” Imbagħad ikkummenta fil-qosor dwar l-artiklu u offri r-rivista. Meta tkun lestejt iż-żjara, innota ħames punti sempliċi li tistaʼ tniżżel fil-ktieb tan-noti tiegħek: (1) l-isem taʼ l-inkwilin, (2) l-indirizz taʼ l-inkwilin, (3) id-data taʼ meta żortu, (4) x’ħarġiet ħallejtlu, u (5) l-artiklu li użajt. Xi pubblikaturi kellhom suċċess kbir f’li jiżviluppaw rotot bir-rivisti, u saħansitra ġemmgħu xi 40 jew iktar fil-lista tagħhom!
12 Territorju tan-Negozju: Il-pubblikaturi li jaħdmu f’territorju tan-negozju jqassmu ħafna rivisti. Ġieli pprovajt taħdem minn ħanut għall-ieħor? Ir-rapporti jindikaw li f’xi kongregazzjonijiet il-parteċipazzjoni f’dan it-tip taʼ servizz hija kemxejn limitata. Għall-ewwel, xi wħud jibżgħu jmorru għand in-negozjanti, iżda wara li jipprovaw jgħamlu dan għal diversi drabi, jibdew isibuh kemm interessanti kif ukoll premjanti. Għala ma tistaqsix lil xi pubblikatur taʼ l-esperjenza jew pijunier biex jgħinek tibda?
13 Hemm diversi vantaġġi li jiġu meta taħdem minn ħanut għall-ieħor. Ma tantx ikun hemm uħud li ma ssibhomx hemm, almenu jekk taħdem waqt il-ħinijiet tan-negozju! In-negozjanti ġeneralment jittrattawk bil-ħlewwa, anki jekk ma tantx ikunu interessati fil-Bibbja. Bakkar minn kmieni fil-għodu; wisq probabbli se jilqgħuk iktar f’dak il-ħin. Wara li tintroduċi lilek innifsek tistaʼ tgħid li rari ssib lin-negozjanti d-dar, allura qed iżżurhom għal ftit ħin fil-post tax-xogħol tagħhom biex toffrilhom l-aħħar ħarġiet tat-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Semmilhom li ħafna negozjanti japprezzaw ir-rivisti tagħna għaliex għandhom bżonn jibqgħu aġġornati dwar il-ġrajjiet tad-dinja iżda jkollhom ftit ħin biex jaqraw. Ir-rivisti fihom informazzjoni li ġġagħlek taħseb, u jagħtu ħarsa minn lenti differenti. Ukoll, ma fihom l-ebda preġudizzju reliġjuż, politiku, jew kummerċjali. Tistaʼ tinbeda rotta bir-rivisti man-nies interessati li jinsabu fit-territorju tan-negozju.
14 Ippreparaw Bħala Familja: Tistgħu twarrbu xi ħin mill-istudju tagħkom tal-familja biex tiddiskutu liema artikli fir-rivisti taʼ l-aħħar jistgħu jkunu addattati għat-territorju tagħkom. Il-membri tal-familja—inkluż it-tfal—jistgħu darba kull wieħed jipprattikaw il-preżentazzjonijiet tagħhom u jegħlbu l-oġġezzjonijiet li jiltaqgħu magħhom is-soltu, bħal per eżempju: “Għandi x’nagħmel,” “Għandna r-reliġjon tagħna,” jew “M’iniex interessat.” Kooperazzjoni tajba tistaʼ tagħmilha possibbli għall-familja kollha biex tieħu sehem regulari fit-tqassim tar-rivisti.
15 L-Indokraturi taʼ l-Istudju tal-Ktieb Jistgħu Jgħinu: Kulmeta jkun prattiku, ippjanaw il-laqgħat għas-servizz għall-Ġurnata tar-Rivisti fil-post fejn jiltaqgħu l-istudji tal-ktieb minflok maʼ tiltaqaʼ l-kongregazzjoni kollha fis-Sala tas-Saltna. Dawk li jieħdu ħsieb il-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa jridu jkunu preparati sew b’suġġerimenti speċifiċi għall-grupp. Dawn jistgħu jinkludu eżempju taʼ preżentazzjoni u punt jew tnejn mill-ħarġiet kurrenti li jistgħu jintużaw biex iqajmu l-interess lokali. Il-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa—inkluż il-ħin meħtieġ biex jiġi organizzat il-grupp—iridu jkunu fil-qosor, u ma jdumux iktar minn 10 sa 15-il minuta. L-Indokraturi taʼ l-Istudju tal-Ktieb iridu jkunu ċerti li hemm biżżejjed territorju sabiex il-grupp ikollu biżżejjed x’jagħmel fil-ħin kollu li jqattaʼ fis-servizz taʼ l-għalqa.
16 Uri Apprezzament għar-Rivisti: L-artiklu “Making Good Use of ‘The Watchtower’ and ‘Awake!’” (Uża Sew It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!) li ħareġ fl-Our Kingdom Ministry taʼ Lulju, 1993, għamel dan il-punt importanti: “It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! ma jitilfux il-valur tagħhom, anki jekk ikunu għadhom ma tqassmux wara xahar jew tnejn mid-data tal-ħruġ. L-informazzjoni li fihom ma ssirx inqas importanti meta jgħaddi ż-żmien . . . Jekk inħallu r-rivisti antiki jinġemgħu u ma nużawhomx inkunu qed nuru nuqqas t’apprezzament għal dawn l-għodod prezzjużi. . . . Minflok ma twarrab ħarġiet antiki u tinsiehom, ma jkunx aħjar li tagħmel sforz speċjali biex tqassamhom f’idejn in-nies li huma interessati?”
17 Illum hemm ħafna wħud taʼ qalb onesta li qed ifittxu l-verità. L-informazzjoni li jkun hemm f’rivista waħda tistaʼ tkun eżatt dak li għandhom bżonn biex jaslu għall-verità! Jehovah tana messaġġ taʼ l-għaġeb x’nipproklamaw, u r-rivisti tagħna għandhom irwol vitali biex iwasslu l-messaġġ lil oħrajn. Fil-ġejjieni, se tkun iktar pront biex tqassam ir-rivisti? Se tapplika ftit minn dawn is-suġġerimenti fi tmiem il-ġimgħa li ġej? Jekk tagħmel dan se tiġi mbierek bil-kbir.
Suġġerimenti Prattiċi:
◼ Aqra r-rivisti bil-quddiem, u kun af x’jgħidu l-artikli.
◼ Agħżel artiklu li jitkellem dwar xi ħaġa taʼ interess ġenerali fil-komunità tiegħek.
◼ Ħejji turija li se tkun addattata għall-varjetà taʼ nies, kemm jekk irġiel, nisa, jew żgħażagħ. Uri kif ir-rivista hija tajba għall-inkwilin u kif il-familja kollha se tgawdiha.
◼ Ippjana li tieħu sehem fl-attività tiegħek tas-servizz taʼ l-għalqa meta jkun hemm l-iktar nies id-dar. Xi kongregazzjonijiet jagħmlu arranġamenti għall-għoti taʼ xiehda fil-għaxija bir-rivisti.
◼ Żomm il-preżentazzjoni tiegħek qasira u diretta.
◼ Titkellimx bl-għaġla. Jekk dak li qed jisimgħek ma juri ebda interess, mhux se tirnexxi iktar jekk titkellem bl-għaġla. Ipprova kun kalm, u agħti ċans lill-inkwilin biex iwieġbek.
Meta Toffri r-Rivisti minn Dar għal Dar:
◼ Żomm tbissima dħulija u tkellem bil-ħlewwa.
◼ Tkellem bil-ħeġġa dwar ir-rivisti tagħna.
◼ Tkellem bil-mod u li jinftiehem.
◼ Tkellem fuq suġġett wieħed biss; qajjem l-interess malajr, u uri x’valur għandu għall-inkwilin.
◼ Semmi artiklu wieħed biss.
◼ Ippreżenta rivista waħda biss, waqt li toffri l-oħra bħala rivista li tmur id f’id.
◼ Agħti r-rivisti lill-inkwilin.
◼ Uri lill-inkwilin li bi ħsiebek terġaʼ żżuru.
◼ Anki jekk ir-rivisti ma jiġux aċċettati, agħlaq b’attitudni dħulija u pożittiva.
◼ Niżżel bil-miktub l-interess kollu li ssib u xi tkun qassamt.
Opportunitajiet biex Tqassam ir-Rivisti:
◼ Għoti taʼ xiehda minn dar għal dar
◼ Għoti taʼ xiehda fit-toroq
◼ Servizz minn ħanut għall-ieħor
◼ Rotta tar-rivisti
◼ Għoti taʼ xiehda fil-għaxija
◼ Meta tagħmel żjajjar lura
◼ Meta żżur lil dawk li qabel kienu jistudjaw il-Bibbja
◼ Meta tkun qed tivvjaġġa jew tixtri
◼ Meta tkellem lill-qraba, lil sħabek tax-xogħol, lill-ġirien, lil sħabek taʼ l-iskola, lill-għalliema
◼ Meta tuża t-trasport pubbliku, meta tkun xi mkien tistenna għal xi appuntament