Żjajjar regulari bir-rivisti—Tajbin biex nibdew studji tal-Bibbja
1. L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova għala ilha tinkuraġġixxi lill-pubblikaturi biex jagħmlu żjajjar regulari bir-rivisti?
1 Ħafna nies ma jitħajrux jistudjaw il-Bibbja magħna, imma jieħdu pjaċir jaqraw ir-rivisti tagħna. Għalhekk, l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova ilha tinkuraġġixxi lill-pubblikaturi biex jagħmlu żjajjar regulari bir-rivisti. Hekk kif in-nies regolarment jaqraw ir-rivisti tagħna, spiss jifformaw xenqa għall-Kelma t’Alla. (1 Pt. 2:2) Eventwalment, xi ħaġa li jaqraw tistaʼ tolqothom, u b’hekk jaċċettaw studju tal-Bibbja.
2. Kif nistgħu nikkultivaw l-interess taʼ dawk li nżuruhom regolarment bir-rivisti?
2 ‘Saqqi’ ż-żrieragħ tal-verità: Minflok ma sempliċement tħallilu r-rivisti, aqbad konversazzjoni mal-inkwilin u pprova ibni ħbiberija miegħu. Dan se jgħinek issir taf x’inhuma ċ-ċirkustanzi, l-interessi, u t-twemmin tiegħu. Jekk tagħmel hekk se jgħinek titkellem bid-dehen. (Prov. 16:23) Ipprepara għal kull żjara. Jekk ikun possibbli, fil-qosor enfasizza punt mir-rivisti u skrittura relatata miegħu biex b’hekk issaqqi kwalunkwe żerriegħa tal-verità li jkollu f’qalbu. (1 Kor. 3:6) Niżżel bil-miktub id-data taʼ kull żjara, il-letteratura li ħallejtlu, u s-suġġetti u l-iskritturi li ddiskutejtu.
3. Kemm spiss għandna nżuru lil dawk li niħdulhom ir-rivisti?
3 Kemm spiss għandek iżżurhom? Għandek tmur darba fix-xahar biex tiħdilhom ir-rivisti tal-aħħar. Madankollu, skont iċ-ċirkustanzi tiegħek u l-interess tal-individwu, tistaʼ tagħżel li tmur iktar spiss. Pereżempju, xi ġimgħa jew ħmistax wara li tħalli r-rivisti, tistaʼ tmur lura u tgħid, “Mhux se niħodlok ħafna ħin imma ġejt biex nurik xi ħaġa mir-rivisti li ħallejtlek.” Dan se jqanqlu jkun irid jaqra artiklu partikulari. Jekk ikun diġà qrah, tistaʼ tistaqsih x’deherlu mill-artiklu u tiddiskutuh fil-qosor. Jew jekk l-individwu jieħu pjaċir jaqra l-letteratura tagħna, forsi tistaʼ tmur lura u toffrilu l-fuljett, il-browxer, jew il-ktieb li nkunu qed noffru dak ix-xahar.
4. Minn żmien għal żmien, x’nistgħu nagħmlu biex naraw jekk dawk li niħdulhom ir-rivisti jkunux lesti jistudjaw il-Bibbja?
4 Tistenniex lill-inkwilin biex jitolbok studju. Ħu l-inizjattiva. Anki jekk fil-passat irrifjuta studju tal-Bibbja, minn żmien għal żmien tistaʼ turih l-artiklu “Mistoqsijiet dwar il-Bibbja mweġbin” fit-Torri tal-Għassa u tara jekk ikunx lest jiddiskutih miegħek. Forsi tkun tistaʼ tibda studju fuq l-għatba tal-bieb. Però, jekk ma jirnexxilekx tibda studju, tistaʼ tkompli tiħodlu r-rivisti biex tikkultiva l-interess tiegħu.