Kif Nibdew Studji tal-Bibbja maʼ Dawk li Ħallejnielhom ir-Rivisti
1. X’inhi l-mira tagħna meta nħallu r-rivisti?
1 Ġeneralment kull nhar taʼ Sibt noffru r-rivisti Torri taʼ l-Għassa u Awake! fil-ministeru. Madankollu, dan hu l-ewwel pass biex nilħqu l-mira tagħna li ngħallmu l-verità lil uħud taʼ qalb onesta. Hawn taħt għandek issib suġġerimenti dwar kif tqassam il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? fuq żjara lura u tibda studju tal-Bibbja. Dawn jistgħu jiġu adattati għat-territorju tiegħek u tistaʼ tgħidhom fi kliemek. Tistaʼ tuża metodu ieħor jekk issibu effettiv għalik.
2. Kif nistgħu nużaw il-paġni taʼ l-introduzzjoni fil-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? biex nibdew studju tal-Bibbja?
2 Uża l-Paġni taʼ l-Introduzzjoni: Meta tmur lura, int tistaʼ tgħid: “Ir-rivisti li ħallejtlek jidderieġu l-attenzjoni lejn il-Bibbja. Innota għala l-qari tal-Bibbja hu daqshekk importanti.” Aqra Isaija 48:17, 18; Ġwanni 17:3; jew skrittura adattata oħra. Imbagħad wara li turi lill-inkwilin il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? u tagħtih kopja, tistaʼ tkompli b’dan il-mod:
◼“Il-Bibbja tagħtina tama vera għall-futur.” Uri lill-inkwilin paġni 4-5 u staqsi, “Liema waħda minn dawn il-wegħdi tixtieq taraha titwettaq?” Idderiġih lejn il-kapitlu li jiddiskuti l-wegħda Skritturali li jkun għażel, u jekk iħallik ikkunsidra fil-qosor paragrafu jew tnejn.
◼Jew tistaʼ tgħid, “Il-Bibbja twieġeb l-iktar mistoqsijiet importanti tal-ħajja.” Idderieġi l-attenzjoni tiegħu lejn paġna 6, u staqsih jekk qatt xi darba staqsiex lilu nnifsu xi mistoqsija li hemm fin-naħa t’isfel tal-paġna. Mur fil-kapitlu li jagħti t-tweġiba, u ddiskuti fil-qosor paragrafu jew tnejn.
◼Jew tistaʼ tenfasizza xi ftit mit-titli fil-werrej u tistaqsih liema suġġett jinteressah. Iftaħ il-kapitlu li jkun għażel, u uri fil-qosor kif isir studju tal-Bibbja.
3. Kif nistgħu nibdew studju tal-Bibbja wara li nkunu ħallejna r-rivisti li jittrattaw dwar (a) il-kundizzjonijiet tad-dinja li sejrin għall-agħar? (b) il-familja? (ċ) kif il-Bibbja hi taʼ min joqgħod fuqha?
3 Qajjem Mistoqsija fl-Ewwel Żjara: Għażla oħra hi li tħejji l-pedament għaż-żjara lura fl-ewwel żjara. Wara li l-inkwilin jaċċetta r-rivisti, qajjem mistoqsija, u wiegħdu li se twiġibha meta terġaʼ żżuru. Stinka biex tagħmel arranġament definit biex tmur lura, u kun żgur li żżomm l-appuntament. (Mt. 5:37) Meta tmur lura, fakkar lill-inkwilin dwar il-mistoqsija, u aqra fil-qosor u ddiskuti it-tweġiba mill-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? Agħtih kopja sabiex ikun jistaʼ jsegwi miegħek. Issa ġejjin ftit eżempji:
◼Jekk ir-rivista li ħallejt tittratta dwar il-kundizzjonijiet tad-dinja li sejrin għall-agħar, tistaʼ tgħid, “Darb’oħra nistgħu niddiskutu t-tweġiba tal-Bibbja għal din il-mistoqsija, Liema bidliet se jġib Alla fuq din l-art?” Urih paġni 4-5 meta tmur lura. Jew tistaʼ tqajjem il-mistoqsija, “Huma t-traġedji r-rieda t’Alla?” Fiż-żjara lura, uri lill-inkwilin paragrafi 7-8 taʼ kapitlu 1.
◼Jekk ir-rivista li ħallejt tittratta dwar il-familja, qabel ma titlaq tistaʼ tqajjem din il-mistoqsija, “X’jistaʼ jagħmel kull membru tal-familja biex jagħmel il-ħajja tal-familja iktar ferħana?” Meta tmur lura kkunsidra paragrafu 4 taʼ kapitlu 14.
◼Jekk ir-rivista li ħallejt tittratta dwar kif il-Bibbja hi taʼ min joqgħod fuqha, tistaʼ tqajjem din il-mistoqsija għad-diskussjoni li jmiss tiegħek, “Hija l-Bibbja eżatta meta tiddiskuti kwistjonijiet xjentifiċi?” Fiż-żjara lura, ikkunsidra paragrafu 8 taʼ kapitlu 2.
4. X’għandna nagħmlu jekk l-inkwilin ma jaċċettax il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?
4 Fit-tmiem taʼ kull diskussjoni, qajjem mistoqsija oħra li tkun se twiġibha fiż-żjara li jmiss. Ladarba jiġi stabbilit studju regulari, iddiskuti l-kapitli kollha tal-ktieb wieħed wara l-ieħor. Xi ngħidu jekk l-inkwilin ma jaċċettax il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? Xorta tistaʼ tibqaʼ tiħodlu r-rivisti u jkollok diskussjonijiet Skritturali miegħu. Hekk kif tikkultiva l-interess tiegħu, għandu mnejn li maż-żmien jaċċetta studju tal-Bibbja.
5. Għala għandna nistinkaw biex nagħmlu iktar milli sempliċement inħallu r-rivisti man-nies?
5 It-Torri taʼ l-Għassa u l-Awake! jistgħu jinkuraġġixxu individwu biex jitgħallem dak li tassew tgħallem il-Bibbja. Għalhekk, agħmel sforz speċjali biex tibda studji tal-Bibbja maʼ dawk li jaċċettaw ir-rivisti. B’dan il-mod, aħna nkunu qed nobdu l-istruzzjonijiet taʼ Ġesù biex ‘nagħmlu dixxipli u ngħallmuhom.’—Mt. 28:19, 20.