Ir-Rivisti Jħabbru s-Saltna
1 Bħala Xhieda taʼ Jehovah, aħna magħrufin sewwa għall-ippridkar żeluż tagħna dwar is-Saltna taʼ Alla. Ir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! li nqassmu għandhom irwol potenti f’li jgħinu lil miljuni taʼ nies jitgħallmu dwar l-iskopijiet taʼ Alla. Il-messaġġ li fihom huwa tassew aħbar tajba, għax dan iħabbar is-Saltna taʼ Alla tas-sema bħala l-unika tama għall-umanità.
2 Ir-rivisti jolqtu l-bżonnijiet li n-nies għandhom verament—emozzjonali, soċjali, u spiritwali. Waqt li l-morali u l-valuri tal-familja qed jisfrondaw kullimkien, It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! jgħinu lin-nies itejbu l-kwalità taʼ ħajjithom billi juruhom kif japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja. Se jkun il-pjaċir tagħna li nippreżentaw ir-rivisti matul April u Mejju.
3 Verament Huma Attraenti: It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! huma disponibbli fil-lingwi taʼ kważi l-popolazzjoni kollha tad-dinja. Minħabba dan, ir-rivisti tagħna huma magħrufin sewwa. Dawn huma xi raġunijiet għala lin-nies jogħġbuhom:
◼ Bħala ġurnali taʼ integrità u verità, dawn juru biċ-ċar id-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin.
◼ Jagħtu tama taʼ ġenna taʼ tjieba li trid tiġi, ibbażata fuq il-wegħda taʼ Alla li jġib l-art taħt il-ħakma tas-Saltna tiegħu.
◼ Varjetà kbira taʼ suġġetti f’waqthom li jolqtu lin-nies taʼ kull sfond u kultura jiġu ppreżentati.
◼ L-artikli huma konċiżi, edukattivi, fattwali, u bla preġudizzji u kompromessi.
◼ L-istampi li jolqtu l-għajn mill-ewwel joħolqu interess, u l-istil ċar u tond tal-kitba jagħmel lir-rivisti faċli biex jinqraw.
4 Qassamhom Estensivament: Tqassim effettiv tar-rivisti jiddependi l-iktar fuq id-diliġenza tagħna f’li nippreparaw il-preżentazzjonijiet tagħna, nagħmlu skeda għall-ħin tagħna, u norganizzaw l-attività tagħna taʼ l-ippridkar. Suġġerimenti prattiċi ġew offruti fil-ħarġiet taʼ Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Settembru 1995 (bl-Ingliż) u Ottubru 1996, li jkun tajjeb li nirriveduhom u napplikawhom.
5 Sir Midħla tar-Rivisti: Waqt li taqra kull ħarġa, aħseb f’xi ħadd li jieħu pjaċir jekk jingħata kopja. Fittex punti jew skritturi speċifiċi li tistaʼ tikkwotahom fil-preżentazzjoni tiegħek. Aħseb f’mistoqsija li tistaʼ ssaqsiha biex tibda konversazzjoni u tqajjem l-interess fis-suġġett.
6 Addatta l-Preżentazzjoni għall-Persuna: Ħejji preżentazzjoni ħafifa u flessibbli li tistaʼ tiġi rranġata għal raġel, mara, persuna ixjeħ, jew żagħżugħ, kemm jekk hu xi ħadd li taf u kemm jekk stranġier.
7 Kun Dejjem Lest li Toffri t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!: Peress li r-rivisti joqogħdu faċilment f’basket, f’handbag, jew f’but, aħna nistgħu nġorru xi kopji magħna meta nivvjaġġaw jew immorru nixtru. Offrihom meta tkun qed titkellem mal-qraba, mal-ġirien, maʼ ħaddiema sħabek, maʼ sħabek taʼ l-iskola, jew maʼ l-għalliema. Warrab ġurnata kull ġimgħa għall-għoti taʼ xiehda bir-rivisti.
8 Uri Apprezzament għar-Rivisti: Dawn qatt ma jitilfu l-valur tagħhom. Il-mogħdija taż-żmien ma tnaqqasx l-importanza tal-messaġġ li fihom. M’għandniex xi ngħidu, jekk nagħmlu sforz speċjali biex inħallu r-rivisti kollha li nakkwistaw, ħarġiet eqdem ma jkollhomx għalfejn jakkumulaw fuq l-ixkaffa.
9 L-Għoti taʼ Xiehda fit-Toroq Huwa Effettiv: Dan hu wieħed mill-aħjar modi kif toffri r-rivisti lil għadd kbir taʼ nies. Xi pubblikaturi jaħdmu kull tant ħin dawk it-toroq li jkunu mimlijin nies jixtru.
10 It-Territorju tan-Negozju Huwa Produttiv: Meta nagħtu xiehda minn ħanut għal ħanut, rari ma nsibux nies. Il-biċċa l-kbira tan-negozjanti huma edukati, u ħafna bi pjaċir jaċċettaw ir-rivisti. Ippreżenta artikli li huma xierqa għan-negozju partikulari li jkun qed jiġi kkuntattjat.
11 Ir-Rotot bir-Rivisti Għandhom Potenzjal: Peress li r-rivisti huma ppubblikati darbtejn fix-xahar, ikun xieraq li nżuru lura lin-nies li jaqrawhom u nippreżentawlhom il-ħarġiet li jkun imiss. Għandna nagħmlu żjajjar lura regulari, mhux biss biex inħallu r-rivisti imma wkoll biex niżviluppaw l-interess taʼ dak li jkun fil-Bibbja. Ir-rotot bir-rivisti huma sors eċċellenti taʼ studji tal-Bibbja potenzjali.
12 Ħu Vantaġġ Kemm Jistaʼ Jkun minn April u Mejju: It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! rebħu l-fiduċja taʼ miljuni taʼ qarrejja li japprezzawhom. Tant huma effettivi f’li jħabbru s-Saltna li għandna nagħmluha l-mira tagħna li nġorruhom magħna u noffruhom f’kull opportunità. Jalla April u Mejju jkunu xhur speċjali għat-tqassim tar-rivisti!