Offri r-Rivisti li Jixhdu għall-Verità
1 Ir-rivista It-Torri taʼ l-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova u r-rivista Stenbaħ! li tmur id f’id magħha huma parti primarja mill-ippridkar tas-Saltna u x-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Aħna nieħdu gost nippreżentaw regolarment dawn iż-żewġ rivisti li joħorġu f’waqthom aħna u nieħdu sehem f’diversi aspetti tas-servizz tas-Saltna.
2 Matul is-snin rajna diversi bidliet fid-daqs u l-kontenut tar-rivisti kif ukoll fil-metodi li nużaw biex inqassmuhom. Dawn il-bidliet saru bil-mira li r-rivisti jkunu iktar attraenti u effettivi, sabiex il-messaġġ tas-Saltna jilħaq il-qalb taʼ “bnedmin taʼ kull xorta [ħalli] jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.”—1 Tim. 2:4.
3 Issa fil-ministeru pubbliku tagħna se nibdew noffru ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova flimkien maʼ Stenbaħ! li se joħorġu kull tliet xhur. Aħna jkollna eżempji taʼ preżentazzjonijiet għal kull rivista fl-aħħar paġna tal-Ministeru tas-Saltna. Ġeneralment, dawn jenfasizzaw wieħed mill-artikli tal-bidu tar-rivista imma kultant se jiġu enfasizzati ċerti artikli oħrajn b’suġġetti li jolqtu lil ħafna nies. Is-suġġerimenti pubblikati jistgħu jintużaw bl-iktar mod effettiv meta aħna nkunu midħla sew taʼ l-artiklu li jitħaddtu fuqu, u meta nagħmluhom fi kliemna biex nadattaw il-preżentazzjoni għat-territorju tagħna.
4 Għalkemm Il-Ministeru tas-Saltna kultant se jinkludi żewġ suġġerimenti għal kull rivista, tistaʼ tħossok liberu tuża preżentazzjoni differenti għalkollox. Raġuni waħda għala għandek mnejn tagħmel dan hi minħabba li xi wieħed mill-artikli l-oħrajn jistaʼ jkun iktar interessanti għan-nies fit-territorju tiegħek. Jew forsi int tħoss li tistaʼ tagħmel preżentazzjoni iktar effettiva billi tuża artiklu li jinteressa iktar lilek.
5 Kif Tipprepara l-Preżentazzjoni Tiegħek: L-ewwelnett, int trid tkun midħla għalkollox taʼ l-artiklu li tagħżel li tippreżenta. Jistaʼ jkun li mhux dejjem tkun tistaʼ ssir midħla taʼ kull artiklu fir-rivista qabel ma tibda tużaha fil-ministeru taʼ l-għalqa. Madankollu, għandek turi entużjażmu u sinċerità rigward l-artikli li tagħżel li tippreżenta. Dan tistaʼ tagħmlu biss jekk tkun midħla sew taʼ l-informazzjoni li tippreżenta.
6 Imbagħad, kun flessibbli meta tipprepara x’se tgħid fil-bidu tal-preżentazzjoni. Biex tibda l-konversazzjoni, tistaʼ tuża mistoqsija diretta li tqajjem l-interess fl-artiklu. Strieħ dejjem fuq il-Kelma t’Alla biex tmiss il-qalb. (Ebr. 4:12) Agħżel skrittura adattata li hija konnessa mas-suġġett li tintroduċi, preferibbilment skrittura li hija ċitata jew kwotata fl-artiklu li qed tippreżenta. Ikkunsidra kif tistaʼ tagħmel konnessjoni bejn l-iskrittura u l-artiklu.
7 F’Kull Opportunità: Il-preżentazzjoni rridu nużawha jekk irriduha tkun effettiva. Ħu sehem mal-kongregazzjoni fl-għoti taʼ xiehda bir-rivisti nhar taʼ Sibt. Offri r-rivisti lin-nies li qabel aċċettaw letteratura oħra. Dejjem offri r-rivisti lill-istudenti tal-Bibbja tiegħek u lil nies oħrajn li għandhom mnejn ikunu d-dar meta tagħmel żjara lura. Għandek mnejn tkun tistaʼ tħalli r-rivisti maʼ nies li tkellem meta tmur tixtri, meta tivvjaġġa, jew meta tkun qed tistenna fil-klinika tat-tabib. Tejjeb il-preżentazzjonijiet tiegħek iktar ma tużahom matul ix-xahar.
8 Ir-rivisti t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! huma uniċi. Dawn jigglorifikaw lil Ġeħova bħala s-Sovran taʼ l-univers. (Atti 4:24) Huma jfarrġu lin-nies bl-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla u jħeġġuhom biex ikollhom fidi f’Ġesù Kristu. (Mt. 24:14; Atti 10:43) Iktar minn hekk, iżommuna informati dwar il-ġrajjiet dinjin hekk kif dawn iwettqu l-profeziji tal-Bibbja. (Mt. 25:13) Għin lin-nies fit-territorju tiegħek biex jibbenefikaw minn dawn ir-rivisti billi tkun lest li toffrihom fi kwalunkwe opportunità adattata!
9 Meta jirnexxilek tħalli rivista, jew anki jekk ikollok konversazzjoni dħulija dwar affarijiet spiritwali maʼ xi ħadd, kun lest b’mistoqsija jew stqarrija li ġġiegħlu jaħseb u li tistaʼ tiftaħ it-triq għal żjara lura u konversazzjoni spiritwali oħra. Jekk aħna nkunu żelużi meta niżirgħu ż-żrieragħ tal-verità, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jiftaħ il-qalb taʼ dawk li sinċerament jixtiequ jsiru jafuh u jsegwuh.—1 Kor. 3:6.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
1. X’inhu l-irwol tar-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!?
2. Liema bidliet rajna fir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, u għala?
3. Ir-rivisti kif se jintużaw fil-ministeru?
4. Għala jistaʼ jkun taʼ benefiċċju li nużaw preżentazzjonijiet oħrajn minbarra t-tnejn suġġeriti fil-Ministeru tas-Saltna?
5. Qabel ma nħejju preżentazzjoni għal rivista li nkunu se nużaw, xi rridu nagħmlu?
6. Kif nistgħu nħejju l-preżentazzjoni tagħna stess?
7. Kif nistgħu ntejbu l-preżentazzjonijiet tagħna?
8. B’liema modi huma uniċi r-rivisti t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!?
9. Kif nistgħu nwittu t-triq għal żjara lura?