Kif Tipprepara Preżentazzjoni bir-Rivisti
1. Għala jkun aħjar li nippreparaw preżentazzjoni persunali bir-rivisti minflok ma sempliċement niftakru bl-amment xi eżempju mill-Ministeru tas-Saltna?
1 Għandek mnejn taħseb, ‘Għala għandna nippreparaw preżentazzjoni bir-rivisti, ladarba dawn l-eżempji jkunu miktubin fuq kull ħarġa tal-Ministeru tas-Saltna?’ Minkejja li ħafna sabu dawn il-preżentazzjonijiet t’għajnuna, preparazzjoni persunali xorta waħda hi meħtieġa. Preżentazzjoni li hi effettiva f’post wieħed fit-territorju tistaʼ ma tkunx prattika f’post ieħor. Għalhekk, m’għandniex għalfejn inkunu marbutin li nippreżentaw ir-rivisti kelma b’kelma eżatt bħall-eżempji tal-preżentazzjonijiet. Anki jekk nużaw dawn l-eżempji, ikun aħjar jekk inpoġġu l-ħsieb fi kliemna stess.
2. X’inhu involut biex tiddetermina liema artiklu se turi?
2 Agħżel Artiklu: Wara li tkun qrajt ir-rivista, agħżel artiklu li jkun adattat għat-territorju tiegħek u li tkun sibtu taʼ interess. Il-konvinzjoni u l-entużjażmu tiegħek meta tippreżenta l-artiklu jistgħu jimmotivaw l-inkwilin biex ikun irid jaqrah hu wkoll. Għalkemm int x’aktarx li se turi xi artiklu li jkun jappella lil ħafna wħud fit-territorju lokali, xorta għandek tkun familjari maʼ l-artikli l-oħra tar-rivista. Dan se jagħtik il-wisaʼ biex taġġusta l-preżentazzjoni tiegħek jekk tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li jistaʼ jkun iktar interessat f’xi suġġett ieħor.
3. X’tip taʼ introduzzjoni għandek tuża biex ikollok l-aħjar riżultati?
3 Staqsi Mistoqsija: Dak li jmiss issa hu li tipprepara l-introduzzjoni tiegħek. Din hi importanti. Jistaʼ jkun t’għajnuna li tistaqsi lill-inkwilin xi mistoqsija li ġġagħlu jaħseb u li tqanqal l-interess tiegħu fl-artiklu li tkun għażilt li turih. Ġeneralment, l-iktar li jkunu effettivi huma l-mistoqsijiet li jitolbu opinjoni. Evita li tistaqsi xi ħaġa li tistaʼ ġġiegħel lill-inkwilin iħossu skomdu jew li ġġagħlu jiddefendi l-opinjoni tiegħu.
4. X’inhuma l-benefiċċji taʼ li taqra skrittura lill-inkwilin meta ċ-ċirkustanzi jippermettu?
4 Aqra Skrittura: Finalment, agħżel skrittura biex taqraha lill-inkwilin jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu, forsi waħda li tinstab fl-artiklu li tkun se turih. Meta tinqara skrittura, l-inkwilin se jiġi megħjun jara li l-messaġġ tagħna ġej mill-Kelma t’Alla. (1 Tess. 2:13) Ukoll, l-iskrittura se tagħtih xiehda anki jekk hu jirrifjuta r-rivisti. Xi wħud irnexxielhom iqanqlu l-interess taʼ l-inkwilin billi qrawlu skrittura qabel ma qajmu mistoqsija speċifika. Int tistaʼ tintroduċi l-iskrittura billi tgħid, “Nixtieq nieħu l-opinjoni tiegħek dwar dak li jgħid dan il-vers fil-Bibbja.” Imbagħad, iġbed l-attenzjoni taʼ l-individwu lejn xi punt relatat fir-rivista u agħmel kumment qasir biex tqajjem iżjed l-interess tiegħu qabel ma toffrihielu.
5. Liema linji taʼ gwida bażiċi għandek iżżomm f’moħħok meta tipprepara preżentazzjoni bir-rivisti?
5 M’hemmx regoli stretti dwar x’għandek tgħid meta toffri r-rivisti. Ġeneralment, l-aħjar ħaġa hi li żżomm il-preżentazzjoni sempliċi u qasira. Uża metodu li bih tkun komdu u li jwassal għal riżultati tajbin. Iffoka fuq l-importanza kbira tar-rivisti, u uri entużjażmu. Jekk tkun preparat tajjeb, se tkun iktar effettiv f’li tqassam It-Torri taʼ l-Għassa u l-Awake! maʼ dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-ħajja taʼ dejjem.”—Atti 13:48.