Kif Nużaw l-Eżempji taʼ Preżentazzjonijiet
1. Kif għandna nqisu l-eżempji taʼ preżentazzjonijiet li jiġu provduti?
1 L-eżempji taʼ preżentazzjonijiet dwar kif noffru r-rivisti tagħna u pubblikazzjonijiet oħra jidhru regolarment fil-Ministeru tas-Saltna. Meta nkunu qed nieħdu sehem fil-ministeru, m’hemmx għalfejn nirripetu dawn is-suġġerimenti kelma b’kelma. Huma provduti biex jagħtuna idea ġenerali taʼ x’nistgħu ngħidu. Spiss inkunu iktar effettivi jekk ngħidu l-preżentazzjonijiet fi kliemna stess. L-inkwilin iħossu iktar rilassat meta aħna nesprimu ruħna b’mod naturali, u dan jirrifletti wkoll is-sinċerità u l-konvinzjoni tagħna.—2 Kor. 2:17; 1 Tess. 1:5.
2. Għala għandna nikkunsidraw id-drawwiet lokali meta nkunu qed nippreparaw xi preżentazzjoni?
2 Addatta l-Preżentazzjoni Tiegħek: Il-preżentazzjoni tagħna taʼ l-aħbar tajba tiġi effettwata bil-kbir minn drawwiet lokali. Tistaʼ tibda b’tislima u mbagħad tinkludi l-preżentazzjoni tiegħek fil-konversazzjoni, jew in-nies fit-territorju tiegħek jistennew li tkun dirett? Dan ivarja minn post għall-ieħor u kultant anki minn persuna għall-oħra. Għandna bżonn nuru dixxerniment anki meta nużaw il-mistoqsijiet. Mistoqsijiet li huma addattati f’xi postijiet forsi jġagħlu lin-nies iħossuhom skomdi f’postijiet oħra. Għalhekk, għandna nużaw l-għaqal u naddattaw il-preżentazzjonijiet tagħna skond dak li hu aċċettabbli lokalment.
3. Għala għandna nikkunsidraw l-ambjent u l-opinjoni taʼ dawk li nitkellmu magħhom?
3 Flimkien maʼ dan, hemm bżonn li nikkunsidraw l-ambjent u l-opinjoni tan-nies fit-territorju tagħna meta nkunu qed nippreparaw għas-servizz taʼ l-għalqa. Per eżempju, x’aktarx li tiddiskuti Mattew 6:9, 10 maʼ Kattoliku devot b’mod differenti milli kieku tkun qed titkellem maʼ xi ħadd li mhux familjari mat-talba tal-“Missierna.” B’daqsxejn tal-ħsieb, spiss inkunu nistgħu naddattaw il-preżentazzjonijiet tagħna biex nagħmluhom iktar interessanti għan-nies li niltaqgħu magħhom fil-ministeru.—1 Kor. 9:20-23.
4. Għala hija essenzjali preparazzjoni tajba?
4 Anki meta nippjanaw biex nużaw eżempju taʼ preżentazzjoni bejn wieħed u ieħor kif inhu miktub, xorta hemm bżonn taʼ preparazzjoni tajba. Għandna naqraw bir-reqqa l-artiklu jew il-kapitlu li bi ħsiebna nużaw u nfittxu punti li jistgħu jqanqlu l-interess. Imbagħad dawn ninkluduhom fil-preżentazzjoni tagħna. Irridu nkunu familjari maʼ l-informazzjoni siewja fil-pubblikazzjonijiet tagħna biex noffruhom b’entużjażmu.
5. Għala forsi jkollna bżonn nippreparaw preżentazzjoni differenti, u kif nistgħu nagħmlu dan?
5 Metodi Oħra: Għandna nużaw biss il-metodi li jidhru fl-eżempji taʼ preżentazzjonijiet? Le. Jekk int tħossok iktar komdu b’xi metodu ieħor, jew xi skrittura differenti, uża lilu. Speċjalment fejn jidħlu r-rivisti, fittex opportunitajiet biex tuża artikli oħra fir-rivista li forsi jkunu taʼ interess speċjali fit-territorju tiegħek. Meta jkun hemm turijiet taʼ preżentazzjonijiet għas-servizz taʼ l-għalqa fil-Laqgħa tas-Servizz, jistgħu jsiru arranġamenti biex jintuża metodu li jkun effettiv fit-territorju lokali. B’dan il-mod, kulħadd jistaʼ jiġi megħjun biex jippreżenta l-aħbar tajba b’mod effettiv.