Qiegħed Twettaq il-Ministeru Tiegħek bir-Reqqa?
1 Fil-ktieb taʼ l-Atti nsibu li d-dixxipli taʼ Ġesù wettqu l-ministeru tagħhom billi taw “xiehda bir-reqqa” lin-nies. (Atti 2:40; 8:25; 28:23, NW) Dak żgur li kien l-għan taʼ l-appostlu Pawlu. (Atti 20:24) M’hijiex din il-mira tiegħek bħala ministru taʼ l-aħbar tajba? Kif tistaʼ twettaq dan?
2 Ipprepara l-Preżentazzjoni Tiegħek: Biex tkun ċert li se tagħti xiehda effettiva fil-ministeru, hu importanti li tipprepara. Dan huwa minnu speċjalment meta tkun qed toffri r-rivisti, peress li s-suġġett jinbidel il-ħin kollu. Biex tgħinna nkunu mgħammrin b’mod aħjar, din il-ħarġa taʼ Il-Ministeru tas-Saltna qed tintroduċi aspett ġdid—il-kolonna fuq ix-xellug, li fiha lista t’eżempji taʼ preżentazzjonijiet mir-rivisti kurrenti tat-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Suġġett f’waqtu li se jolqot lil ħafna nies se jkun enfasizzat minn kull ħarġa. Kif tistaʼ tibni fuq dawn il-preżentazzjonijiet qosra?
3 Agħżel suġġeriment li taħseb li se jkun l-iktar effettiv fit-territorju tiegħek. Aqra fid-dettall l-artiklu msemmi, u ħu nota taʼ punti speċifiċi li wisq probabbli se jqajmu l-interess. Sib skrittura minn ġor-rivista li torbot mad-diskussjoni u li tistaʼ taqraha lill-inkwilin. Agħmel ukoll konklużjoni qasira biex tħeġġeġ lis-semmiegħ jaqra r-rivista u għid fil-qosor, jekk ikun jixraq, li l-inkwilin jistaʼ jagħti donazzjoni għax-xogħol mad-dinja kollha tax-Xhieda taʼ Jehovah. Issa, ipprattika l-preżentazzjoni tiegħek.
4 Ippjana li Tuża l-Bibbja: B’ippjanar tajjeb, taʼ spiss tistaʼ tinkludi skrittura fil-preżentazzjoni tiegħek. Per eżempju, pubblikaturi taʼ l-esperjenza f’ħafna postijiet qed ikollhom suċċess billi jmorru fuq il-bieb bil-Bibbja f’idejhom, isellmu lill-inkwilin, u jgħidulu:
◼ “Qed nistaqsu lin-nies jekk jemmnux f’dan . . .” Aqra Ġenesi 1:1, u mbagħad staqsi: “Taqbel maʼ din l-istqarrija?” Jekk l-individwu jaqbel, imbagħad għidlu: “Jien naqbel ukoll. Madankollu, taħseb li jekk Alla ħalaq kollox, għandu t-tort tal-ħażen ukoll?” Wara li turi lill-individwu li qgħadt attent għat-tweġiba tiegħu, aqra Koħèlet 7:29. Iftaħ il-ktieb Għarfien f’paġna 71, u aqra paragrafu 2. Ħeġġeġ lill-individwu biex jaqra l-ktieb. Jekk l-inkwilin ma jaqbilx maʼ l-istqarrija taʼ Ġenesi 1:1, ħeġġu biex jeżamina l-ktieb Creation.
5 Mur Lura fuq Kull Interess li Ssib: Ma tistax twettaq il-ministeru tiegħek bir-reqqa jekk ma tmurx lura fuq l-interess li ssib. Meta jkollok diskussjoni tajba, sew jekk tħalli r-rivisti jew letteratura oħra u sew jekk le, ħu nota taʼ l-isem u l-indirizz taʼ l-individwu. Ħabrek biex tipprova tiżviluppa l-interess taʼ l-individwu billi tmur lura fil-pront. Kun ċert li toffri studju tal-Bibbja.
6 Id-dixxipli taʼ l-ewwel seklu kienu jafu li Ġesù ordnalhom biex jagħtu “xiehda bir-reqqa.” (Atti 10:42, NW) Dak l-istess kmand japplika għalina, għax huwa l-uniku mod kif se nkunu nistgħu nagħmlu dixxipli. (Mt. 28:19, 20) Ejja nagħmlu l-aħjar li nistgħu sabiex inwettqu l-ministeru tagħna bir-reqqa.—2 Tim. 4:5.