L-ispirtu taʼ Jehovah Qiegħed Magħna
1 Bħala Xhieda taʼ Jehovah, għandna inkarigu taʼ xogħol tremend. Ġesù qal: “L-ewwel jeħtieġ li l-Evanġelju jkun imxandar lill-ġnus kollha.” (Mk. 13:10) Meta tħares lejh minn lat uman, dan jidher impossibbli, imma mhux hekk. Aħna għandna l-aqwa forza fl-univers li qed tappoġġjana—l-ispirtu t’Alla.—Mt. 19:26.
2 Evidenza mill-Ewwel Seklu: Billi applika l-profezija taʼ Isaija għalih innifsu, Ġesù qal: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, . . . [ħa] nwassal il-bxara t-tajba.” (Lq. 4:17, 18) Qabel ma telaʼ s-sema, hu qal lill-appostli tiegħu li huma bl-istess mod kellhom jingħataw il-qawwa mill-ispirtu qaddis biex jagħtu xiehda “sa truf l-art.” Wara dan, Filippu ġie ddireġut mill-ispirtu qaddis biex jippriedka lill-uffiċjal tal-qorti Etjopjan, l-ispirtu bagħat lil Pietru għand ċenturjun Ruman, u bagħat lil Pawlu u lil Barnaba biex jippridkaw lill-ġnus Ġentili. Min qatt kien jaħseb li nies minn sfondi bħal dawn kienu se jwieġbu għall-verità? Imma hekk għamlu.—Atti 1:8; 8:29-38; 10:19, 20, 44-48; 13:2-4, 46-48.
3 Evidenza minn Żmienna: Il-ktieb t’Apokalissi jenfasizza l-involviment taʼ l-ispirtu qaddis fix-xogħol taʼ l-ippridkar tal-lum billi jgħid: “L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu: ‘Ejja!’ . . . Ħa jieħu b’xejn min irid l-ilma tal-Ħajja.” (Apk. 22:17) L-ispirtu kien u għadu jimmotiva lill-klassi taʼ l-għarusa taʼ Kristu u sħabhom in-“nagħaġ oħra” biex jippridkaw l-aħbar tajba lill-popli kollha. (Ġw. 10:16) Għandna nkunu qalbenin fl-ippridkar tagħna, billi qatt ma noqogħdu lura milli navviċinaw nies taʼ kull xorta, u dejjem inkunu fiduċjużi li l-ispirtu t’Alla se jgħinna. In-1998 Yearbook jipprovdi provi konvinċenti li l-ispirtu t’Alla jkompli jkun mal-qaddejja tiegħu. Ħares lejn ir-riżultat! Matul l-aħħar sentejn taʼ servizz, medja taʼ ’l fuq minn 1,000 persuna ġew mgħammdin kull jum.
4 Ibqaʼ ċert li l-ispirtu t’Alla se jkompli jkun magħna waqt li aħna nippridkaw il-messaġġ tas-Saltna sa l-estent li jrid Jehovah. Dan l-għarfien għandu jinkuraġġina u jimmotivana biex inkomplu nitħabtu b’mod vigoruż fix-xogħol wisq importanti tas-Saltna.—1 Tim. 4:10.