Kif l-Ispirtu t’Alla Jistaʼ Jeffettwa Lilek
“FIL-BIDU Alla ħalaq is-smewwiet u l-art. L-art kienet mingħajr forma u vojta, u dlam kien fuq wiċċ il-fond; u l-Ispirtu t’Alla kien qed jiċċaqlaq fuq wiċċ l-ilmijiet.” (Ġenesi 1:1, 2, Revised Standard Version) Din l-istqarrija Skritturali ġġib fuq quddiem mod wieħed li jispikka li bih kulmin hu ħaj ibbenefika mill-ispirtu qaddis. Dak l-ispirtu kien attiv matul il-ħolqien, u grazzi għall-attività tiegħu, l-art saret dar taʼ pjaċir għall-bniedem.
Imma n-nies jistgħu jibbenefikaw ferm iktar mill-ispirtu qaddis. Proverbju mnebbaħ igħid: “Duru lura maċ-ċanfir tiegħi. Imbagħad għalikom se nġiegħel l-ispirtu tiegħi jbaqbaq ’il barra; se nagħmel il-kelmiet tiegħi magħrufin għalikom.” (Proverbji 1:23) Fi żmienna l-“kelmiet” miġburin t’Alla jinsabu fil-Bibbja Mqaddsa, miktuba minn irġiel li kienu “mqanqlin mill-ispirtu qaddis.” (2 Pietru 1:21; Mark 12:36; 2 Timotew 3:16) Kull meta wieħed ġwejjed jaqra l-Bibbja, hu jibbenefika mill-ispirtu qaddis.
L-Ispirtu Qaddis u x-Xogħol tal-Ippridkar
Meta wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah iżurek f’darek biex jitkellem dwar l-aħbar tajba tas-Saltna, l-ispirtu qaddis jistaʼ jeffettwalek il-ħajja tiegħek b’mod ieħor. Kif nafu? Sewwa, meta Ġesù Kristu beda jippriedka l-aħbar tajba, hu applika għalih innifsu l-kliem tal-profeta Isaija, billi qal: “L-ispirtu taʼ Jehovah qiegħed fuqi, għaliex hu dilikni biex niddikjara aħbar tajba lill-foqra, . . . biex nippriedka s-sena aċċettabbli taʼ Jehovah.” (Luqa 4:18, 19; Isaija 61:1, 2) Iva, Ġesù kien midluk mill-ispirtu qaddis biex jippriedka l-aħbar tajba.
Iktar minn hekk, Ġesù bassar li l-ippridkar tal-aħbar tajba kellu jkompli wara mewtu. Hu pprofetizza: “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata mal-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; imbagħad se jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Ftit qabel it-tlugħ tiegħu fis-sema, Ġesù ta lis-segwaċi tiegħu din il-ħatra: “Morru . . . u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, billi tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis, billi tgħallmuhom josservaw l-affarijiet kollha li kkmandajtkom.” (Mattew 28:19, 20) Wara t-tlugħ taʼ Kristu fis-sema, għalhekk, id-dixxipli tiegħu għamlu x-xogħol awtorizzat mill-ispirtu taʼ li jippridkaw u jgħallmu. Ix-Xhieda taʼ Jehovah illum jimitaw lil dawk id-dixxipli tal-bidu f’li jippridkaw l-aħbar tajba mad-dinja kollha.
Il-Magħmudija u l-Ispirtu Qaddis
Meta individwu jwieġeb b’mod favorevoli għall-aħbar tajba, Ġesù qal li dan għandu jitgħammed “fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis.” Mela dixxipli ġodda jerġgħu jiġu effettwati iktar mill-ispirtu qaddis. L-espressjoni “fl-isem tal-” propjament tfisser “bl-awtorità tal-” jew “billi tirrikonoxxi l-pożizzjoni tal-.”a B’hekk, billi nkunu mgħammdin fl-isem tal-Missier ifisser li naċċettaw bla tlaqliq is-sovranità t’Alla fil-ħajjiet tagħna. Magħmudija fl-isem tal-Iben tfisser li naċċettaw lil Ġesù bħala Dak li Jifdina, l-Eżemplar, u s-Sultan. U magħmudija fl-isem tal-ispirtu qaddis tinvolvi li nistrieħu fuq l-ispirtu u nissottomettu rwieħna għall-qawwa tiegħu.b
L-Ispirtu Qaddis fil-Ħajja Tiegħek
B’dispjaċir, id-diżonestà, l-immoralità, il-vjolenza, u l-ksur ġenerali tal-liġi li naraw f’artijiet “Kristjani” llum jikxfu l-fatt li l-biċċa l-kbira taʼ dawk li jgħidu li huma Kristjani attwalment jirreżistu lill-ispirtu qaddis. Imma dawk li jissottomettu rwieħhom lejh huma mberkin ferm. L-ewwelnett, huma jieħdu bis-serjetà dak li jaqraw fil-Bibbja mnebbħa mill-ispirtu u japplikawh fil-ħajjiet tagħhom. B’hekk, huma għandhom il-għerf, id-dehen, il-ġudizzju, l-għaqal, il-għarfien, u l-abbiltà li jaħsbu. (Proverbji 1:1-4) Dawn huma assi taʼ valur fiż-żminijiet taʼ nkwiet tagħna.
L-ispirtu qaddis igħin ukoll lil individwi bħal dawn biex jegħlbu problemi diffiċli. Fi żminijiet tal-qedem, Alla wera lin-nies tiegħu kif huma kellhom ikunu kapaċi jwettqu biċċa xogħol diffiċli ferm. Jehovah qal li dan kellu jsir “mhux b’forza militari, mhux bil-qawwa, imma bl-ispirtu” tiegħu. (Żakkarija 4:6) Jekk nissottomettu rwieħna lejn Alla u lejn l-ispirtu tiegħu, aħna wkoll se niġu mgħejjunin inwettqu xogħlijiet u negħlbu ostakli li altrimenti kienu jkunu kbar wisq għalina.—Mattew 6:33; Filippin 4:13.
Iktar minn hekk, l-ispirtu t’Alla jgħinna ngawdu libertà li mhix magħrufa għad-dinja inġenerali. L-appostlu Pawlu kiteb: “Fejn hemm l-ispirtu taʼ Jehovah, hemm il-ħelsien.” (2 Korintin 3:17) Dawk li jissottomettu ruħhom lejn l-ispirtu t’Alla jgawdu ħelsien mir-reliġjon falza, mis-superstizzjoni, mill-biżaʼ tal-futur, u minn ħafna fatturi oħra li jżommuna fil-jasar. L-ispirtu t’Alla huwa verament qawwa għall-ġid! Jistaʼ saħansitra jbiddel lin-nies. Il-Bibbja tmiss dan il-punt meta tgħid: “Il-frott tal-ispirtu hu l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażna. Kontra dawn l-affarijiet ma hemmx liġi.” (Galatin 5:22, 23) Kemm kienet tkun differenti din id-dinja kieku kulħadd issottometta ruħu lejn l-influwenza tal-ispirtu t’Alla!
Bħala grupp, il-Kristjani ġenwini wkoll igawdu “l-unità tal-ispirtu fir-rabta li tgħaqqad tal-paċi.” (Efesin 4:3) L-unità u l-paċi huma affarijiet rari llum. Imma tassew li jeżistu fejn l-ispirtu t’Alla hu attiv. Tabilħaqq, fost ix-Xhieda taʼ Jehovah ir-rabta li tgħaqqad tal-ispirtu qaddis ġabet lil nies mir-razez, mil-lingwi u min-nazzjonalitajiet kollha fi “sħubija tal-aħwa” ġenwina.—1 Pietru 2:17.
L-Ispirtu t’Alla u Int
Tarah int il-benefiċċju taʼ li jkollok il-għerf li jagħti Alla u taʼ li tgawdi l-veru ħelsien? Ma jkunx tal-għaġeb li jkollok għajnuna divina f’li ssolvi l-problemi u f’li tikkultiva l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, u r-rażna? Mela ssottometti ruħek lejn il-qawwa tal-ispirtu qaddis t’Alla. Imma wieħed kif jistaʼ jagħmel dan?
Ħalli l-Kelma t’Alla, il-Bibbja, tinfluwenza lil moħħok u lil qalbek. Assoċja maʼ dawk li jħallu lill-ispirtu qaddis jinfluwenzalhom ħajjithom. Ħu passi issa biex titgħallem u biex tagħmel ir-rieda divina. Imbagħad, “jalla dak Alla li jagħti t-tama jimliekom bil-ferħ kollu u l-paċi bit-twemmin tagħkom, biex tistgħu toktru fit-tama bil-qawwa tal-ispirtu qaddis.”—Rumani 15:13.
[Noti taʼ taħt]
a Qabbel l-espressjoni Maltija “f’isem il-liġi.” Ara wkoll Mattew 10:41 fil-King James Version, fejn Ġesù uża l-kliem “f’isem profeta” u “f’isem raġel twajjeb.”
b Ara d-diskors taʼ Pietru lil-Lhud nhar Pentekoste tat-33 E.K., meta hu spjega ħafna aspetti tar-rwol taʼ Ġesù u l-ispirtu qaddis fil-ħajjiet taʼ dawk li emmnu u li kienu mgħammdin. Wara d-diskors tiegħu 3,000 ġew imgħammdin fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-ispirtu qaddis.—Atti 2:14-42.