‘Fl-Isem tal-Ispirtu Qaddis’
“Morru għalhekk u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, billi tgħammduhom fl-isem ... tal-ispirtu qaddis.”—MATTEW 28:19.
1. Liema espressjoni ġdida uża Ġwanni l-Għammied f’konnessjoni mal-ispirtu qaddis?
FIS-SENA 29 tal-Era Komuni tagħna, Ġwanni l-Għammied kien attiv f’Iżrael f’li jħejji t-triq għall-Messija, u fil-korsa tal-ministeru tiegħu, hu annunzja xi ħaġa ġdida dwar l-ispirtu qaddis. M’għandniex xi ngħidu, il-Lhud kienu diġà jafu x’kienet tgħid l-Iskrittura Ebrajka dwar l-ispirtu. Forsi setgħu stagħġbu, iżda, meta Ġwanni qal: “Jien, inkwantu għalija, ngħammidkom bl-ilma minħabba l-indiema tagħkom; imma dak li ġej warajja . . . se jgħammidkom bl-ispirtu qaddis.” (Mattew 3:11) ‘Magħmudija bl-ispirtu qaddis’ kienet espressjoni ġdida.
2. Liema espressjoni li tinvolvi l-ispirtu qaddis introduċa Ġesù?
2 Il-wieħed li kellu jiġi kien Ġesù. Matul il-ħajja tiegħu fuq l-art, Ġesù fil-fatt ma għammed lil ħadd bl-ispirtu qaddis, għalkemm kien tkellem dwar l-ispirtu ħafna drabi. Barra minn dan, wara l-irxoxt tiegħu, hu rrefera għall-ispirtu qaddis jerġaʼ b’mod ġdid ieħor. Hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Morru għalhekk u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, billi tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis.” (Mattew 28:19) L-espressjoni “fl-isem tal-” tfisser “b’rikonoxximent taʼ.” Magħmudija tal-ilma b’rikonoxximent tal-Missier, tal-Iben, u tal-ispirtu qaddis kellha tkun differenti minn magħmudija fl-ispirtu qaddis. Kienet ukoll espressjoni ġdida li tinvolvi l-ispirtu qaddis.
Imgħammdin fl-Ispirtu Qaddis
3, 4. (a) Meta seħħew l-ewwel magħmudijiet fl-ispirtu qaddis? (b) Minbarra li għammidhom l-ispirtu qaddis kif aġixxa lejn id-dixxipli taʼ Ġesù f’Pentekoste tas-sena 33 E.K.?
3 Rigward magħmudija fl-ispirtu qaddis, Ġesù wiegħed lid-dixxipli tiegħu preċiż qabel ma talaʼ s-sema: “Se tkunu mgħammdin fl-ispirtu qaddis mhux ħafna jiem wara dan.” (Atti 1:5, 8) Ftit wara dan dik il-wegħda twettqet. Spirtu qaddis niżel fuq madwar 120 dixxipli miġburin f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm hekk kif Ġesù, mis-sema, wettaq l-ewwel magħmudijiet tiegħu fl-ispirtu qaddis. (Atti 2:1-4, 33) B’liema riżultat? Id-dixxipli saru parti mill-ġisem spiritwali taʼ Kristu. Kif jispjega l-appostlu Pawlu, ‘bi spirtu wieħed huma lkoll kienu mgħammdin f’ġisem wieħed.’ (1 Korintin 12:13) Fl-istess ħin, huma ġew midlukin biex ikunu slaten u qassisin futuri fis-Saltna tas-sema t’Alla. (Efesin 1:13, 14; 2 Timotew 2:12; Rivelazzjoni 20:6) L-ispirtu qaddis serva wkoll bħala siġill u indikazzjoni inizzjali taʼ dak il-wirt futur glorjuż, imma dak ma kienx kollox.—2 Korintin 1:21, 22.
4 Ftit snin qabel, Ġesù kien qal lil Nikodemu: “Jekk xi ħadd ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-saltna t’Alla. ... Jekk xi ħadd ma jitwelidx mill-ilma u mill-ispirtu, ma jistax jidħol ġos-saltna t’Alla.” (Ġwann 3:3, 5) Issa 120 bniedem kienu ġew imweldin mill-ġdid. Permezz tal-ispirtu qaddis, huma ġew addottati bħala wlied spiritwali t’Alla, aħwa taʼ Kristu. (Ġwann 1:11-13; Rumani 8:14, 15) Dawn l-attivitajiet kollha tal-ispirtu qaddis huma fil-mod tagħhom iktar tal-għaġeb mill-mirakli. Barra minn dan, kuntrarju għall-mirakli li saru darba, l-ispirtu qaddis ma waqafx wara l-mewt tal-appostli imma baqaʼ jkun attiv b’dan il-mod sa żmienna. Huwa l-privileġġ tax-Xhieda taʼ Jehovah li jkollhom fosthom l-aħħar membri mgħammdin bl-ispirtu tal-ġisem taʼ Kristu, u dawn jaqdu bħala “rsir fidil u diskret” biex jipprovdu ikel spiritwali fil-ħin xieraq tiegħu.—Mattew 24:45-47.
Imgħammdin “fl-Isem tal- . . . Ispirtu Qaddis”
5, 6. L-ewwel magħmudijiet fl-ispirtu qaddis kif wasslu għall-magħmudijiet tal-ilma?
5 Imma xi ngħidu dwar il-magħmudija tal-ilma mwiegħda fl-isem tal-Missier, tal-Iben, u tal-ispirtu qaddis? Dawk l-ewwel dixxipli li kienu mgħammdin fl-ispirtu ma ħadux magħmudija bħal din. Huma kienu diġà ħadu l-magħmudija tal-ilma taʼ Ġwanni, u ladarba dik kienet aċċettabbli għal Jehovah f’dak iż-żmien partikulari, ma kellhomx għalfejn jerġgħu jitgħammdu. Imma f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., folla kbira taʼ erwieħ irċeviet il-magħmudija ġdida tal-ilma. Dan kif ġara?
6 Il-magħmudija tal-120 fl-ispirtu qaddis kienet akkumpanjata minn ħoss qawwi li attira folol taʼ nies. Dawn stagħġbu meta semgħu lid-dixxipli jitkellmu bl-ilsna, jiġifieri, b’lingwi barranin mifhumin minn dawk preżenti. L-appostlu Pietru spjega li dan il-miraklu kien evidenza li l-ispirtu t’Alla kien ġie mferraʼ minn Ġesù, li kien ġie mqajjem mill-mewt u kien issa bil-qiegħda fuq il-lemin t’Alla fis-sema. Pietru nkuraġġixxa lis-semmiegħa tiegħu: “Ħalli d-dar kollha taʼ Iżrael tkun taf fiċ-ċert li Alla għamlu kemm Mulej u kemm Kristu, dan Ġesù li lilu intom dendiltu maʼ zokk.” Hu mbagħad ikkonkluda billi qal: “Indmu, u ħalli kull wieħed minnkom jitgħammed fl-isem taʼ Ġesù Kristu għall-maħfra taʼ dnubietkom, u se tirċievu l-għotja b’xejn tal-ispirtu qaddis.” Madwar 3,000 ruħ wieġbu.—Atti 2:36, 38, 41.
7. It-3,000 imgħammdin f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. b’liema mod kienu mgħammdin fl-isem tal-Missier, tal-Iben, u tal-ispirtu qaddis?
7 Jistaʼ jingħad li dawn ġew imgħammdin fl-isem (b’rikonoxximent) tal-Missier, tal-Iben, u tal-ispirtu qaddis? Iva. Għalkemm Pietru ma qalilhomx biex jitgħammdu fl-isem tal-Missier, huma kienu diġà jirrikonoxxu lil Jehovah bħala Mulej Sovran, ladarba huma kienu Lhud naturali, membri taʼ ġens iddedikat Lilu. Pietru imma qal: ‘Kunu mgħammdin fl-isem tal-Iben.’ Mela l-magħmudija tagħhom issinjifikat ir-rikonoxximent tagħhom taʼ Ġesù bħala Mulej u Kristu. Huma kienu issa d-dixxipli tiegħu u aċċettaw li l-maħfra tad-dnubiet kienet se tiġi permezz tiegħu. Fl-aħħar, il-magħmudija kienet b’rikonoxximent tal-ispirtu qaddis, u saret bi tweġiba għall-wegħda li huma kienu se jirċievu l-ispirtu bħala għotja b’xejn.
8. (a) Minbarra l-magħmudija tal-ilma, liema magħmudija oħra rċevew il-Kristjani midlukin? (b) Min minbarra l-144,000 jirċievi l-magħmudija tal-ilma fl-isem tal-ispirtu qaddis?
8 Dawk imgħammdin fl-ilma fil-jum taʼ Pentekoste tas-sena 33 E.K. ġew ukoll imgħammdin fl-ispirtu, billi ġew midlukin bħala slaten u qassisin futuri fis-Saltna tas-sema. Skond il-ktieb taʼ Rivelazzjoni, hemm biss 144,000 minn dawn. Mela dawk imgħammdin fl-ispirtu qaddis u fl-aħħar ‘issiġillati’ bħala werrieta tas-Saltna jgħoddu biss 144,000. (Rivelazzjoni 7:4; 14:1) Madankollu id-dixxipli ġodda kollha—hi x’inhi t-tama tagħhom—jiġu mgħammdin fl-ilma fl-isem tal-Missier, tal-Iben, u tal-ispirtu qaddis. (Mattew 28:19, 20) X’timplika, allura, il-magħmudija fl-isem tal-ispirtu qaddis għall-Kristjani kollha, kemm jekk mill-“merħla ċkejkna” jew min-“ngħaġ oħra”? (Luqa 12:32; Ġwann 10:16) Qabel inwieġbu dan, ejjew ninnotaw xi ftit mill-attivitajiet tal-ispirtu fl-era Kristjana.
Il-Frott tal-Ispirtu
9. Liema attività tal-ispirtu qaddis hija importanti għall-Kristjani kollha?
9 Attività importanti tal-ispirtu qaddis hija f’li jgħinna niżżviluppaw personalitajiet Kristjani. Veru, minħabba l-imperfezzjoni ma nistgħux nevitaw li nidinbu. (Rumani 7:21-23) Imma meta nindmu sinċerament, Jehovah jaħfrilna fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Kristu. (Mattew 12:31, 32; Rumani 7:24, 25; 1 Ġwann 2:1, 2) Barra minn dan, Jehovah jistenna li aħna niġġieldu kontra t-tendenza tagħna li nidinbu, u l-ispirtu qaddis igħinna biex nagħmlu dan. “Ibqgħu imxu bl-ispirtu,” qal Pawlu, “u ma se twettqu l-ebda xewqa tal-laħam affattu.” (Galatin 5:16) Pawlu ssokta juri li l-ispirtu jistaʼ jipproduċi l-aqwa kwalitajiet ġewwa fina. Hu kiteb: “Il-frott tal-ispirtu ħu mħabba, ferħ, paċi, sabar fit-tul, qalb tajba, tjubija, fidi, ħlewwa, kontroll fuqek innifsek.”−Galatin 5:22, 23.
10. Il-frott tal-ispirtu kif inhu żviluppat fi Kristjan?
10 L-ispirtu kif jagħmel possibbli dan il-frott fi Kristjan? Ma jseħħx awtomatikament sempliċement għaliex aħna Kristjani ddedikati u mgħammdin. Irridu naħdmu għalih. Imma jekk nassoċjaw maʼ Kristjani oħrajn li juru dawn il-kwalitajiet, jekk nitolbu lil Alla għall-ispirtu tiegħu biex igħinna niżżviluppaw kwalitajiet speċifiċi, jekk nevitaw sħubijiet ħżiena u nistudjaw il-Bibbja għall-pariri u eżempji tajbin, imbagħad il-frott tal-ispirtu se jikber fina.—Proverbji 13:20; 1 Korintin 15:33; Galatin 5:24-26; Ebrej 10:24, 25.
Maħturin mill-Ispirtu Qaddis
11. L-anzjani b’liema mod huma maħturin mill-ispirtu qaddis?
11 Pawlu, meta indirizza lill-anzjani taʼ Efesu, introduċa attività oħra tal-ispirtu qaddis meta qal: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-merħla kollha, li fostha l-ispirtu qaddis ħatarkom indokraturi, biex tirgħu l-kongregazzjoni t’Alla, li hu xtara bid-demm taʼ Ibnu stess.” (Atti 20:28) Iva, indokraturi, jew anzjani, tal-kongregazzjoni huma maħturin bl-ispirtu qaddis. B’liema mod? F’li anzjani maħturin iridu jilħqu l-kwalifiki mniżżlin fil-Bibbja mnebbħa. (1 Timotew 3:1-13; Titus 1:5-9) Huma jistgħu jiżżviluppaw dawk il-kwalifiki bil-għajnuna tal-ispirtu qaddis biss. Barra minn hekk, il-ġemgħa tal-anzjani li tirrikkmanda lil xi anzjan ġdid titlob għall-gwida tal-ispirtu qaddis biex tagħraf jekk hu jilħaqx il-kwalifiki jew le. U l-ħatra attwali ssir taħt is-superviżjoni tal-irsir fidil u diskret midluk bl-ispirtu.
Kun Iggwidat mill-Ispirtu
12. L-ispirtu kif jistaʼ jinfluwenzana permezz tal-Bibbja?
12 Il-Kristjani jirrikonoxxu li l-Iskrittura Mqaddsa nkitbet taħt l-influwenza tal-ispirtu qaddis. Għaldaqstant, huma jfittxu fil-fond fiha għal għerf imnebbaħ mill-ispirtu, kif għamlu x-xhieda taʼ Jehovah taʼ qabel il-Kristjanità. (Proverbji 2:1-9) Huma jaqrawha, jimmeditaw fuqha, u jħalluha tiggwidalhom il-ħajjiet tagħhom. (Salm 1:1-3; 2 Timotew 3:16) Huma b’hekk jiġu mgħejjunin mill-ispirtu biex ‘ifittxu fl-affarijiet profondi t’Alla.’ (1 Korintin 2:10, 13; 3:19) Li jiggwida lill-qaddejja t’Alla b’dan il-mod hija attività importanti tal-ispirtu t’Alla għal żmienna.
13, 14. Ġesù x’uża biex jittratta maʼ problemi fil-kongregazzjoni, u kif jagħmel l-istess illum?
13 Jerġaʼ, fil-ktieb taʼ Rivelazzjoni, Ġesù rxoxtat bagħat messaġġi lil sebaʼ kongregazzjonijiet fl-Asja Minuri. (Rivelazzjoni, kapitli 2 u 3) Fihom hu rrivela li kien spezzjona l-kongregazzjonijiet u għaraf il-qagħda spiritwali tagħhom. Xi wħud, hu sab, kienu qegħdin jagħtu eżempju mill-aħjar taʼ fidi. F’oħrajn, l-anzjani kienu ħallew is-settarjaniżmu, l-immoralità, u l-bruda jikkorrompu lill-merħla. Il-kongregazzjoni taʼ Sardis, minbarra xi ftit erwieħ leali, kienu mejtin spiritwalment. (Rivelazzjoni 3:1, 4) Ġesù kif ittratta dawn il-problemi? Bl-ispirtu qaddis. Meta ta pariri lis-sebaʼ kongregazzjonijiet, il-messaġġ taʼ Ġesù kkonkluda f’kull każ bl-espressjoni: “Ħalli lil min għandu widna jismaʼ dak li l-ispirtu jgħid lill-kongregazzjonijiet.”−Rivelazzjoni 2:7, 11, 17, 29; 3:6, 13, 22.
14 Illum, ukoll, Ġesù jispezzjona lill-kongregazzjonijiet. U meta jagħraf li hemm xi problemi, hu xorta waħda jittrattahom permezz tal-ispirtu qaddis. L-ispirtu jistaʼ jgħinna nagħrfu u negħlbu l-problemi direttament permezz tal-qari tagħna tal-Bibbja. Għajnuna tistaʼ tiġi wkoll permezz tal-letteratura biblika ppubblikata mill-irsir fidil u diskret midluk bl-ispirtu. Jew tistaʼ tiġi mingħand anzjani maħturin bl-ispirtu fil-kongregazzjoni. Hu x’inhu l-każ, kemm jekk il-parir jingħata lil individwi jew lill-kongregazzjoni f’daqqa, nagħtu aħna kas tal-kliem taʼ Ġesù: “Ħalli lil min għandu widna jismaʼ dak li l-ispirtu jgħid”?
L-Ispirtu u x-Xogħol tal-Ippridkar
15. L-ispirtu kif aġixxa lejn Ġesù rigward ix-xogħol tal-ippridkar?
15 F’okkażjoni minnhom meta Ġesù ppriedka f’sinagoga ġewwa Nazzaret, hu wera jerġaʼ attività oħra tal-ispirtu. Ir-rakkont igħidilna: “Hu fetaħ ir-romblu u sab il-post fejn kien hemm miktub: ‘L-ispirtu taʼ Jehovah qiegħed fuqi, għaliex hu dilikni biex niddikjara aħbar tajba lill-foqra, bagħatni biex nippriedka ħelsien lill-imjassrin u dawl mill-ġdid lill-għomja, biex nibgħat lill-imgħaffġin ’il hemm b’ħelsien.’ Imbagħad beda jgħidilhom: ‘Illum din l-iskrittura li għadkom kemm smajtu twettqet.’” (Luqa 4:17, 18, 21; Isaija 61:1, 2) Iva, Ġesù kien midluk bl-ispirtu qaddis biex jippriedka aħbar tajba.
16. Fl-ewwel seklu, l-ispirtu qaddis kif kien involut fil-fond fl-ippridkar tal-aħbar tajba?
16 Ftit qabel mewtu, Ġesù bassar dwar kampanja grandjuża taʼ ppridkar li kellha titwettaq mis-segwaċi tiegħu. Hu qal: “Fil-ġnus kollha l-aħbar tajba trid tiġi ppridkata.” (Mark 13:10) Dawn il-kelmiet kellhom twettieq inizzjali fl-ewwel seklu, u s-sehem li kellu l-ispirtu qaddis kien notevoli. Kien l-ispirtu qaddis li dderieġa lil Filippu biex jippriedka lill-ewnuku Etjopjan. Spirtu qaddis idderieġa lil Pietru għand Kornelju, u spirtu qaddis idderieġa li Pawlu u Barnaba jintbagħtu bħala appostli minn Antijokija. Iktar tard, meta Pawlu ried jippriedka fl-Asja u f’Bitinja, spirtu qaddis b’xi mod ma ħalliehx. Alla ried li x-xogħol taʼ għoti taʼ xiehda jidħol ġewwa l-Ewropa.—Atti 8:29; 10:19; 13:2; 16:6, 7.
17. Illum, l-ispirtu qaddis kif inhu involut fix-xogħol tal-ippridkar?
17 Illum, spirtu qaddis huwa għal darb’oħra involut fil-fond fix-xogħol tal-ippridkar. Fi twettieq ieħor taʼ Isaija 61:1, 2, l-ispirtu taʼ Jehovah dilek lil ħut Ġesù biex jippridkaw. Fit-twettieq finali taʼ Mark 13:10, dawn l-uħud midlukin, mgħejjunin mill-folla l-kbira, ippridkaw l-aħbar tajba litteralment fil-“ġnus kollha.” (Rivelazzjoni 7:9) U l-ispirtu jappoġġjahom ilkoll f’dan. Bħal fl-ewwel seklu, jiftaħ territorji u jiggwida l-progress ġenerali tax-xogħol. Isaħħaħ individwi, billi jgħinhom jegħlbu l-mistħija u jiżżviluppaw l-abbiltajiet tagħhom taʼ kif igħallmu. Barra minn dan, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Se tiġu msejħin quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, bħala xiehda lilhom u lill-ġnus. Madankollu, meta jtellgħukom, issirux anzjużi dwar kif jew x’għandkom tgħidu ..., għax mhux intom li qed titkellmu, imma hu l-ispirtu taʼ Missierkom li jitkellem bikom.”—Mattew 10:18-20.
18, 19. L-ispirtu b’liema mod jingħaqad mal-għarusa f’li jistieden lil uħud taʼ qalb ġwejda biex ‛jieħdu l-ilma tal-ħajja b’xejn’?
18 Fil-ktieb taʼ Rivelazzjoni, il-Bibbja mill-ġdid tenfasizza l-involviment tal-ispirtu qaddis fix-xogħol tal-ippridkar. Hemm l-appostlu Ġwanni jirrapporta: “L-ispirtu u l-għarusa jibqgħu jgħidu: ‘Ejja!’ U ħalli kulmin qiegħed jismaʼ jgħid: ‘Ejja!’ U ħalli kulmin hu bil-għatx jiġi; ħalli kulmin jixtieq jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn.” (Rivelazzjoni 22:17) Il-għarusa, irrappreżentata mill-fdal tal-144,000 li għadhom fuq l-art, jistiednu lil kulħadd biex jieħu mill-ilma tal-ħajja b’xejn. Imma innota, l-ispirtu qaddis ukoll igħid “Ejja!” B’liema mod?
19 F’li l-messaġġ li qed jiġi ppridkat mill-klassi tal-għarusa—illum imgħejjunin mill-folla l-kbira taʼ ngħaġ oħra—jiġi mill-Bibbja, miktuba taħt l-influwenza diretta tal-ispirtu qaddis. U dak l-istess spirtu fetaħ il-qlub u l-imħuħ tal-klassi tal-għarusa biex jifhmu l-Kelma mnebbħa u jispjegawha lil oħrajn. Dawk li huma mgħammdin bħala dixxipli ġodda taʼ Ġesù Kristu jitgħaxxqu jieħdu mill-ilma tal-ħajja b’xejn. U huma jithennew f’li jikkoperaw mal-ispirtu u l-għarusa f’li jgħidu “Ejja!” lil jerġaʼ oħrajn. Illum, iktar minn erbaʼ miljuni jieħdu sehem mal-ispirtu f’dan ix-xogħol.
Ingħixu Denji tal-Magħmudija Tagħna
20, 21. Kif nistgħu ngħixu denji tal-magħmudija tagħna fl-isem tal-ispirtu qaddis, u kif għandna nħarsu lejn din il-magħmudija?
20 Magħmudija fl-isem tal-ispirtu qaddis hija dikjarazzjoni pubblika li aħna nirrikonoxxu lill-ispirtu qaddis u nagħrfu l-irwol li għandu fil-għanijiet taʼ Jehovah. Dan jimplika li aħna se nikkoperaw mal-ispirtu, billi ma nagħmlu xejn biex infixklu l-ħidma tiegħu fost il-poplu taʼ Jehovah. B’hekk, aħna nirrikonoxxu u nikkoperaw mal-irsir fidil u diskret. Nikkoperaw mal-arranġament tal-anzjani fil-kongregazzjoni. (Ebrej 13:7, 17; 1 Pietru 5:1-4) Aħna ngħixu b’għerf spiritwali, mhux tal-laħam, u nħallu l-ispirtu jagħġen il-personalità tagħna, billi jagħmilha iktar bħal taʼ Kristu. (Rumani 13:14) U aħna ningħaqdu b’qalbna kollha mal-ispirtu u l-għarusa f’li ngħidu “Ejja!” lill-miljuni li għad forsi jwieġbu.
21 Kemm hi ħaġa serja li tkun imgħammed ‘fl-isem tal-ispirtu qaddis’! Iżda, x’barkiet jistgħu jirriżultaw! Jalla l-għadd taʼ dawk imgħammdin hekk ikompli jiżdied. U jalla lkoll kemm aħna nkomplu ngħixu denji għas-sinjifikat taʼ dik il-magħmudija, hekk kif naqdu bħala rsiera għal Jehovah u nibqgħu nkunu ‘mlellxin bl-ispirtu.’—Rumani 12:11.
X’Tiftakar Dwar l-lspirtu Qaddis?
◻ L-ispirtu qaddis b’liema modi kien attiv f’Pentekoste tas-sena 33 E.K.?
◻ Kif nistgħu nipproduċu l-frott tal-ispirtu?
◻ L-anzjani b’liema mod huma maħturin mill-ispirtu qaddis?
◻ Ġesù kif jittratta maʼ problemi fil-kongregazzjoni permezz tal-ispirtu qaddis?
◻ L-ispirtu kif inhu nvolut fil-fond fix-xogħol tal-ippridkar?
[Stampa f’paġna 15]
L-ispirtu hu involut b’mod profond fl-ippridkar tal-aħbar tajba