Il-Venerazzjoni tax-Xbihat—Kontroversja
X’IMKIEN fil-Polonja, raġel jinsab kważi lest biex jibda l-vjaġġ tiegħu. Iżda, jonqsu jieħu ħsieb taʼ dettal importanti ieħor. Jinżel għar-rkobbtejh quddiem xbiha taʼ Ġesù, jagħmel offerta, u jitlob protezzjoni matul il-vjaġġi tiegħu.
Eluf taʼ mili ’l bogħod, f’Bangkok, fit-Tajlandja, int tistaʼ tara l-ewwel festa taċ-ċiklu annwali Buddista, li sseħħ fi żmien ir-rebbiegħa. Matul il-festa xbiha tal-Budda tiġi mdawra mat-toroq biex jaraha kulħadd.
Naħseb li taf li l-venerazzjoni tax-xbihat, kif għadha kif ġiet deskritta, hija mifruxa ħafna. Litteralment biljuni taʼ nies imilu quddiem ix-xbihat. Għal millennji sħaħ ix-xbihat ġew meqjusin bħala mezz importanti taʼ kif wieħed jersaq eqreb lejn Alla.
X’taħseb int dwar l-użu tax-xbihat fil-qima? Hija l-venerazzjoni tax-xbihat tajba jew ħażina? Alla kif iħossu dwarha? Hemm xi evidenza li ħu jaċċetta qima bħal din? Forsi int personalment qatt ma tajt importanza għal dawn il-mistoqsijiet. Iżda, jekk inti tgħożż li jkollok relazzjoni maʼ Alla, int teħtieġ issib it-tweġibiet għalihom.
Irridu nammettu li għal ħafna din ma kinetx kwistjoni ħafifa biex tiġi solvuta. Fil-fatt, kienet is-suġġett taʼ kontroversji sħan u xi kultant saħansitra vjolenti għal eluf taʼ snin. Per eżempju, lura fis-sena 1513 Q.E.K., il-mexxej Ebrew Mosè qered xbiha taʼ għoġol tad-deheb u qatel bis-sejf lil xi 3,OOO ruħ li kienu qed jivvenerawha.—Eżodu, kapitlu 32.
Oppożizzjoni qawwija fl-użu taʼ xbihat reliġjużi ma kinetx illimitata għal-Lhud. Kittieba tal-istorja sekulari tal-qedem ippreservaw il-leġġenda taʼ Takhmūrūp, ħakkiem Persjan li jintqal li wettaq kruċjati estensivi kontra l-venerazzjoni tax-xbihat mijiet taʼ snin qabel Mosè. Fiċ-Ċina sultan leġġendarju antik ġie rrapportat li wettaq attakk militari kontra l-istatwi taʼ diversi allat. Wara li x-xbihat tagħhom ġew meqrudin, hu sejjaħ bħala bluha l-venerazzjoni tal-allat magħmulin mit-tafal. Iktar tard, meta Mawmettu kien għadu tifel, kien hemm xi Għarab li opponew l-użu tax-xbihat fil-qima. L-influwenza tagħhom fuq Mawmettu kkontribwiet għall-pożizzjoni tieġħu dwar l-idolatrija fis-snin taʼ wara. Fil-Koran, Mawmettu jgħallem li l-idolatrija hija dnub li ma jinħafirx, u li l-idolaturi ma jistgħux jitolbu għalihom, u li żwieġ maʼ idolaturi hu pprojbit.
Saħansitra fil-Kristjaneżmu figuri reliġjużi prominenti tat-tieni, it-tielet, ir-rabaʼ, u l-ħames seklu E.K., bħal Irenju, Oriġen, Ewsebju taʼ Ċesarea, Epifanju, u Wistin, opponew l-użu tax-xbihat fil-qima. Madwar il-bidu tar-rabaʼ seklu E.K., f’Elvira fi Spanja, grupp taʼ isqfijiet ifformulaw numru taʼ riżoluzzjonijiet importanti kontra l-venerazzjoni tax-xbihat. Il-famuż Konċilju taʼ Elvira rriżulta f’li jiġu pprojbiti x-xbihat mill-knejjes u f’li jiġu stabbiliti sanzjonijiet ħorox kontra l-adoraturi tax-xbihat.
L-Ikonoklasti
Dawn l-iżviluppi ħejjew ix-xena għal waħda mill-akbar kontroversji tal-istorja: il-kontroversja ikonoklastika tat-tmien u d-disaʼ sekli. Wieħed kittieb tal-istorja jistqarr li din “il-kontroversja qarsa damet għal seklu u nofs, u kienet ġrajja taʼ sofferenza li ma tingħaddx” u li kienet “waħda mill-kaġunijiet immedjati tal-firda bejn l-imperi tal-Lvant u tal-Punent.”
Il-kelma “ikonoklast” ġejja mill-kelmiet Griegi eikon, li tfisser “xbiha,” u klastes, li tfisser “wieħed li jkisser.” Billi wettaq it-tifsira tal-isem, dan il-moviment kontra x-xbihat inkluda t-tneħħija u l-qerda tax-xbihat mal-Ewropa kollha. Bdew igħaddu bosta liġijiet kontra x-xbihat biex iwaqqfu l-użu tax-xbihat fil-qima. Din il-venerazzjoni tax-xbihat saret kwistjoni politika tant sħuna li wasslet lil imperaturi u papiet, ġenerali u isqfijiet għal gwerra teoloġika vera.
U din kienet iktar minn gwerra bil-kliem. Is-Cyclopedia of Biblical, Theological, and Ecclesiastical Literature, minn McClintock u Strong, tistqarr li wara li l-Imperatur Iljun III ħareġ proklama kontra l-użu tax-xbihat fil-knejjes, il-poplu “qam f’mases kontra l-proklama, u l-istorbju vjolenti, speċjalment f’Kostantinopli,” sar xi ħaġa taʼ kuljum. Ġlied kontra l-forzi imperjali u l-poplu rriżulta f’esekuzzjonijiet u massakri. Patrijiet ġew ippersegwitati b’mod krudili. Mijiet taʼ snin iktar tard, matul is-seklu 16, numru taʼ dibattiti pubbliċi seħħew f’Zuriċh, fl-Iżvizzera, fuq il-kwistjoni tax-xbihat fil-knejjes. Bħala riżultat, inħareġ digriet li jesiġi li jitneħħew ix-xbihat kollha mill-knejjes. Xi riformaturi kienu magħrufin għall-ikkundannar intensiv u taʼ spiss vjolenti tal-qima tax-xbihat.
Saħansitra llum hemm xiżma kbira fost teoloġi moderni rigward l-użu tax-xbihat fil-qima. L-artiklu li jmiss se jgħinek tqis jekk ix-xbihat jistgħux verament igħinu lill-bniedem jersaq iktar qrib lejn Alla.