L-Aħbar Tajba Skont Mattew
10 Għalhekk, Ġesù laqqaʼ lit-12-il dixxiplu tiegħu u tahom awtorità fuq l-ispirti ħżiena,* biex ikunu jistgħu jkeċċuhom u jfejqu kull tip taʼ mard.
2 It-12-il appostlu huma: Xmun li jgħidulu Pietru u ħuh Indrì, Ġakbu u Ġwanni t-tfal taʼ Żebedew, 3 Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew li kien jiġbor it-taxxi, Ġakbu bin Alfew, Taddew, 4 Xmun il-Kanani,* u Ġuda l-Iskarjota li iktar tard ittradieh.
5 Lil dawn it-12 Ġesù bagħathom jippritkaw u tahom dawn l-istruzzjonijiet: “Tmorrux għand in-nies minn pajjiżi oħra u tidħlux f’belt Samaritana. 6 Imma morru biss għand in-nies t’Iżrael li huma bħal nagħaġ mitlufin. 7 Intom u sejrin, ippritkaw hekk: ‘Is-Saltna t’Alla* hi qrib.’ 8 Fejqu l-morda u lil dawk bil-ġdiem, qajmu l-mejtin, u keċċu d-demonji. Intom irċivejtu b’xejn, għalhekk agħtu b’xejn. 9 Tiħdux flus tad-deheb, tal-fidda, jew tar-ram fil-boroż tal-flus tagħkom. 10 Lanqas basket tal-ikel għall-vjaġġ, għax il-ħaddiem jistħoqqlu l-ikel. Ukoll, tiħdux tibdila,* sandli, jew bastun żejjed.
11 “F’kull belt jew raħal li tidħlu, fittxu lil dawk li jistħoqqilhom, u ibqgħu għandhom sakemm titilqu minn dak il-post. 12 Meta tidħlu ġo dar, sellmu* lil dawk li hemm fiha. 13 Jekk jaċċettawkom, huma jibbenefikaw miż-żjara tagħkom, imma jekk le, ma jibbenefikawx minnha. 14 Jekk xi ħadd ma jilqagħkomx jew ma jkunx irid jismagħkom, intom u ħerġin minn dik id-dar jew belt, farfru saqajkom mit-trab.* 15 Jum il-Ġudizzju se jkun iktar diffiċli għal din il-belt milli għal Sodoma u Gomorra.
16 “Jien qed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Għalhekk, oqogħdu attenti bħas-sriep imma kunu innoċenti bħall-ħamiem. 17 Oqogħdu attenti min-nies, għax huma se jtellgħukom il-qorti u se jsawtukom fis-sinagogi tagħhom. 18 U minħabba fija, se jiħdukom għand il-mexxejja u r-rejiet ħalli jieħdu xhieda huma u nies oħrajn. 19 Meta jiħdukom għandhom, tkunux ansjużi dwar x’se tgħidu, għax dak il-ħin se tiġu ggwidati dwar x’għandkom tgħidu. 20 Għax intom mhux se tagħmlu dan waħedkom, imma se tirċievu l-għajnuna mill-ispirtu taʼ Missierkom. 21 Barra minn hekk, in-nies se jieħdu lil ħuhom jew lit-tifel tagħhom biex jinqatel, u t-tfal se jirribellaw kontra l-ġenituri u jiħduhom biex jinqatlu. 22 In-nies kollha se jobogħdukom minħabba li intom dixxipli tiegħi. Imma min jissaporti sal-aħħar se jiġi salvat. 23 Meta tiġu ppersegwitati f’belt, aħarbu f’oħra. Naċċertakom li żgur ma tkunux dortu l-bliet kollha sakemm niġi jien, Bin il-bniedem.
24 “Student mhuwiex aħjar mill-għalliem tiegħu u lsir mhuwiex aħjar minn sidu. 25 L-istudent se jiġi ttrattat bħall-għalliem* tiegħu, u l-ilsir bħal sidu. Jekk in-nies qalu li sid id-dar hu Begħelżebub,* aħseb u ara x’se jgħidu għan-nies li hemm fiha! 26 Għalhekk, tibżgħux minnhom. Għax kulma hu moħbi se jinkixef u kulma hu sigriet se jsir magħruf. 27 Dak li ngħidilkom fid-dlam, għiduh fid-dawl, u dak li tisimgħu minn taħt l-ilsien, ippritkawh minn fuq il-bjut. 28 U tibżgħux minn dawk li jistgħu joqtlukom, għax ma jistgħux jiħdulkom it-tama li tgħixu fil-futur. Minflok, ibżgħu minn Alla, għax hu jistaʼ joqtolkom f’Geħenna* u jiħdilkom ħajjitkom* darba għal dejjem. 29 Żewġ għasafar tal-bejt jiswew munita taʼ valur żgħir,* mhux hekk? Imma lanqas wieħed minnhom ma jaqaʼ mal-art mingħajr ma jkun jaf Missierkom. 30 Fil-każ tagħkom, Alla jaf anki kemm għandkom xagħar f’raskom. 31 Għalhekk tibżgħux, għax intom tiswew ħafna iktar mill-għasafar tal-bejt.
32 “Kull min jgħid li jafni man-nies, jien ngħid lil Missieri tas-sema li nafu. 33 Imma min jgħid li ma jafnix, jien ngħid lil Missieri tas-sema li ma nafux. 34 Taħsbux li ġejt biex inġib il-paċi fuq l-art. Jien ġejt biex inġib firda* u mhux paċi. 35 Għax jien ġejt biex nifred tifel minn maʼ missieru, tifla minn maʼ ommha, u mara minn mal-kunjata tagħha. 36 Fil-fatt, il-membri tal-familja tagħkom stess se jkunu għedewwa tagħkom. 37 Kull min iħobb lil ommu u lil missieru iktar milli jħobb lili ma jistħoqqlux ikun dixxiplu tiegħi. U kull min iħobb lit-tifel jew lit-tifla tiegħu iktar milli jħobb lili ma jistħoqqlux ikun dixxiplu tiegħi. 38 Kull min mhux lest li jissaporti l-persekuzzjoni* u jiġi warajja ma jistħoqqlux ikun dixxiplu tiegħi. 39 Min jipprova jsalva ħajtu,* imut, imma min imut minħabba li hu dixxiplu tiegħi, se jerġaʼ jgħix.
40 “Min jilqaʼ lilkom, jilqaʼ lili wkoll, u min jilqaʼ lili, jilqaʼ wkoll lil dak li bagħatni. 41 Min jilqaʼ profeta għax hu qaddej t’Alla se jirċievi l-istess premju taʼ profeta, u min jilqaʼ raġel sewwa għax hu qaddej t’Alla se jirċievi l-istess premju taʼ raġel sewwa. 42 U kull min jagħti lil dawn l-irġiel umli mqar tazza ilma friska minħabba li huma dixxipli tiegħi, jien nassigurakom li żgur se jiġi ppremjat.”