Lest li Tadatta Ruħek?
1. Liema aġġustamenti jkollna nagħmlu minħabba l-bidliet fid-dinja?
1 Fl-1 Korintin 7:31, il-Bibbja tqabbel lid-dinja maʼ palk b’xeni u atturi li l-ħin kollu jinbidlu. Minħabba l-bidliet fid-dinja, kull tant żmien ikollna nagħmlu aġġustamenti fil-metodi taʼ ppritkar, fl-iskeda, u fil-preżentazzjoni tagħna. Lest li tadatta ruħek?
2. Għala għandna nadattaw ruħna biex inżommu l-pass mal-organizzazzjoni?
2 Il-Metodi Tiegħek taʼ Ppritkar: Il-kongregazzjoni Kristjana minn dejjem kienet lesta li tadatta ruħha. L-ewwel darba li Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu jippritkaw, qalilhom biex ma jiħdux magħhom ħorġa tal-ikel jew flus fil-but. (Mt. 10:9, 10) Imma iktar tard ta istruzzjonijiet ġodda għax kien jaf li n-nies kienu se jkunu ostili lejn id-dixxipli tiegħu u li x-xogħol tal-ippritkar kien se jespandi f’territorji oħra. (Lq. 22:36) Matul l-aħħar seklu, l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova użat metodi differenti taʼ ppritkar—bħal pereżempju, il-kards tat-testimonjanza, ix-xandir fuq ir-radju, u l-karozzi bl-ispeakers—skont il-bżonn taʼ dak iż-żmien. Illum il-ġurnata, peress li n-nies f’ħafna nħawi rari ssibhom id-dar, qed issir iktar enfasi biex minbarra l-ministeru li nagħmlu minn dar għal dar nagħtu xhieda lill-pubbliku u xhieda informali. Ukoll, ġejna inkuraġġiti mmorru minn dar għal dar kmieni filgħaxija jekk in-nies ikunu għax-xogħol matul il-ġurnata. Hekk kif il-karru ċelestjali taʼ Ġeħova jaġġusta l-korsa tiegħu, qed iżżomm il-pass miegħu int?—Eżek. 1:20, 21.
3. Il-fatt li nadattaw ruħna kif jgħinna nkunu effettivi fit-territorju tagħna?
3 Il-Preżentazzjoni Tiegħek: In-nies fl-inħawi tiegħek dwar xiex huma konċernati bħalissa? L-ekonomija? Il-familja? Il-kriminalità? Ikun tajjeb li nkunu konxji tal-problemi u ċ-ċirkustanzi kurrenti li huma komuni fit-territorju tagħna ħalli nkunu nistgħu nippreparaw preżentazzjoni xierqa. (1 Kor. 9:20-23) Meta l-inkwilini jesprimu ruħhom, minflok ma nagħtuhom tweġiba tipika u nkomplu bil-preżentazzjoni li nkunu beħsiebna nużaw, ikun ħafna aħjar li nadattaw ruħna u nitkellmu dwar dak li jikkonċernahom.
4. Għala għandna nkunu ħfief biex nadattaw ruħna?
4 Ix-“xena” finali taʼ din id-dinja dalwaqt se tiġi fi tmiemha, u se tibda t-tribulazzjoni l-kbira. “Iż-żmien li fadal tqassar.” (1 Kor. 7:29) Għalhekk, kemm hu importanti li nadattaw ruħna mingħajr dewmien ħalli nwettqu kulma nistgħu fiż-żmien limitat li fadal!