Il-Ħarsa tal-Bibbja
Għandek Tintalab Flus għall-Funzjonijiet Reliġjużi?
F’BOSTA pajjiżi, il-mexxejja tal-hekk imsejħin reliġjonijiet Kristjani u reliġjonijiet li mhumiex Kristjani jitolbu l-flus għall-funzjonijiet reliġjużi. Dawn il-funzjonijiet jistgħu jinkludu magħmudijiet, tiġijiet, jew funerali. Dawn jistgħu jqumu mijiet jekk mhux eluf taʼ Ewro.
Xi membri tal-kleru jitħallsu mill-gvern talli jwettqu dmirijiet ċerimonjali u pastorali. Jistaʼ jkun li n-nies iħossuhom grati għal dawn il-funzjonijiet, u l-knejjes ikollhom l-ispejjeż xi jħallsu. Iżda tappoġġa l-Bibbja drawwiet li jintalbu l-flus għall-funzjonijiet reliġjużi jew saħansitra li jġiegħlu lin-nies iħossuhom obbligati li jħallsu?
“Dar tal-Merkanzija”?
Meta Ġesù Kristu kien fuq l-art, l-uffiċjali reliġjużi Lhud u oħrajn użaw l-okkażjonijiet reliġjużi bħala opportunitajiet għall-qligħ, partikolarment matul il-Qbiż. Qabel magħha Ġesù din id-drawwa? Le! Fil-fatt, il-Bibbja tgħidilna li hu “xerred il-muniti tas-sarrafa tal-flus u qalbilhom l-imwejjed.” Hu qal: “Tibqgħux tagħmlu dar Missieri dar tal-merkanzija!”—Ġwanni 2:14-16.
Sitwazzjoni simili ġrat fi żmien il-profeta Mikea li kien jgħix fit-tmien seklu Q.E.K. Il-Bibbja tgħid li l-mexxejja reliġjużi taʼ Iżrael kienu ‘jistmerru l-ġustizzja,’ u l-qassisin kienu “jitolbu l-ħlas biex jgħallmu.” Iżda, fl-istess ħin, huma kienu jistqarru li għandhom l-appoġġ t’Alla billi jgħidu: “Ġeħova mhux f’nofsna qiegħed?” (Mikea 3:9, 11) Iżda Alla Ġeħova ma kienx f’nofshom biex jappoġġahom. Minflok, hu kien jistmerr il-kondotta tagħhom u għamel dan ċar daqs il-kristall permezz tal-profeta tiegħu.
Illum, ħafna mexxejja reliġjużi jużaw l-istess tattiki taʼ regħba, u b’hekk jagħmlu l-postijiet tagħhom taʼ qima ‘djar tal-merkanzija.’ Fil-fatt, l-organizzazzjonijiet reliġjużi b’mod ġenerali jieħdu sehem fil-kummerċ, u spiss jagħmlu negozju li jħalli ħafna qligħ billi jbigħu xbihat u varjetà bla għadd taʼ oġġetti reliġjużi oħrajn.a—1 Ġwanni 5:21.
“Irċivejtu b’Xejn, Agħtu b’Xejn”
Meta inkariga lill-appostli tiegħu biex jippritkaw l-aħbar tajba, ifejqu lill-morda, u saħansitra jqajmu ’l-mejtin, Ġesù qal: “Irċivejtu b’xejn, agħtu b’xejn.” (Mattew 10:7, 8) Tabilħaqq, is-segwaċi veri tiegħu ma kellhomx jitolbu flus għas-servizzi tagħhom. Iktar minn hekk, Ġesù nnifsu ħalla l-eżempju billi qeda lil oħrajn mingħajr ma talab ħlas.
L-appostlu Pawlu segwa l-eżempju li ħalla Ġesù u wettaq il-ministeru tiegħu “bla ħlas.” (1 Korintin 9:18) Meta kellu bżonn il-flus, hu għamel xogħol sekulari bħala ħaddiem tat-tined. (Atti 18:1-3) Għalhekk, dwaru nnifsu u dwar sħabu l-missjunarji, hu setaʼ jgħid: “Aħna . . . ma nagħmlux negozju mill-kelma t’Alla bħalma jagħmlu ħafna.” (2 Korintin 2:17) Iżda xi ngħidu għall-flus li jinkisbu għall-użu tal-kongregazzjoni, forsi biex jinxtara jew jinkera xi post taʼ qima?
“Alla Jħobb lil Min Jagħti bil-Ferħ”
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jiksbu l-flus permezz taʼ donazzjonijiet volontarji. Huma japplikaw il-prinċipju: “Ħa jagħmel kull wieħed bħalma jkun iddeċieda f’qalbu, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.” (2 Korintin 9:7) Fi qbil maʼ dan, ix-Xhieda ma jitolbux flus għal-letteratura jew għas-servizzi reliġjużi tagħhom, bħalma huma l-magħmudijiet, it-tiġijiet, jew il-funerali. U lanqas ma jitolbu l-għexur jew jgħaddu xi sassla matul il-laqgħat tagħhom. Kull min ikun jixtieq jagħti xi kontribuzzjoni għax-xogħol tal-ippritkar madwar id-dinja jistaʼ jagħmel dan permezz tal-kaxxi tal-kontribuzzjonijiet li jinsabu f’post diskret fil-postijiet tagħhom taʼ qima.
Permezz tal-kontribuzzjonijiet volontarji, ix-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja kollha jħallsu għas-Swali tas-Saltna, is-Swali tal-Assembleat, l-uffiċċji tal-fergħa, u l-istamperiji, kif ukoll jipprovdu l-għajnuna meħtieġa fi nħawi milqutin minn diżastri. Xi wħud, bħalma kienet l-armla fil-bżonn li Ġesù faħħar ferm, jistgħu jagħtu ftit biss. (Luqa 21:2) Oħrajn jistgħu jagħtu ħafna. Hu x’inhu l-każ, dawk li jżommu mal-prinċipji mniżżlin fil-Bibbja u jagħtu skont kemm jistgħu, igawdu kuntentizza ġewwinija, il-barka bl-abbundanza minn Alla, u ferħ ġenwin.—Atti 20:35; 2 Korintin 8:12.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Il-Ħarsa tal-Bibbja: Għandu Alla Jiġi Meqjum Permezz tax-Xbihat?” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Ottubru-Diċembru, 2008.
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
● Ġesù x’qalilhom lil dawk li kienu qed jagħmlu n-negozju fit-tempju? —Ġwanni 2:14-16.
● Kien l-appostlu Kristjan Pawlu jaċċetta ħlas għas-servizzi reliġjużi? —2 Korintin 2:17.
● Liema xorta taʼ għoti jogħġob lil Ġeħova?—2 Korintin 9:7.
[Kumment f’paġna 23]
“Tibqgħux tagħmlu dar Missieri dar tal-merkanzija!” —Ġwanni 2:14-16