LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 12/1 pp. 19-23
  • Ibżaʼ minn Jehovah u Ħares il-Kmandamenti Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ibżaʼ minn Jehovah u Ħares il-Kmandamenti Tiegħu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Aħrab il-​Ħażen
  • Tliet Individwi li Beżgħu minn Alla
  • Biżaʼ minn Alla Mqabbel mal-​Biżaʼ mill-​Bniedem
  • Nitgħallmu Nsibu Tgawdija fil-Biżaʼ taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Żviluppa lil Qalbek Biex Tibżaʼ minn Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Benefiċċji taʼ li Wieħed Jibżaʼ Minn dak Alla Veru
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Ibżaʼ Minn Jehovah u Igglorifika lill-Isem Qaddis Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 12/1 pp. 19-23

Ibżaʼ minn Jehovah u Ħares il-​Kmandamenti Tiegħu

“Ibżaʼ minn Alla, u ħares il-​kmandamenti tiegħu: għax dan hu d-​dmir taʼ kull bniedem.”—EKKLEŻJAŻTI 12:​13, KŻ.

1, 2. (a) Il-biżaʼ kif jistaʼ jipproteġina fiżikament? (b) Ġenituri li huma għorrief għala jistinkaw biex idaħħlu biżaʼ bnin f’uliedhom?

“SEWWA sew bħalma l-​kuraġġ jipperikola l-​ħajja, il-​biżaʼ jipproteġiha,” osserva Leonardo da Vinci. Ir-​raġel prużuntuż, jew dak li jidħol għal xi sogru mingħajr ma joqgħod jaħsibha, ma jarahx il-​periklu, filwaqt li l-​biżaʼ jfakkru biex joqgħod b’sebaʼ għajnejn. Per eżempju, jekk navviċinaw ix-​xifer taʼ xi rdum u naraw x’fond hemm li nistgħu naqgħu fih, il-​biċċa l-​kbira minna awtomatikament nersqu lura. Bl-​istess mod, il-​biżaʼ bnin mhux biss jibni relazzjoni tajba m’Alla, bħalma tgħallimna fl-​artiklu taʼ qabel, imma wkoll jgħin biex iħarisna mill-​ħsara.

2 Madankollu, il-​biżaʼ minn ħafna perikli taʼ żmienna hu xi ħaġa li rridu nitgħallmuh. Peress li t-​tfal żgħar ma jkunux konxji tal-​perikli li jiġu mill-​elettriku jew mit-​toroq traffikużi, huma jistgħu faċilment ikollhom xi inċident serju.a Ġenituri li huma għorrief jipprovaw idaħħlu biżaʼ bnin f’uliedhom, billi jwissuhom kemm-il darba dwar il-​perikli taʼ madwarhom. Il-​ġenituri jafu li dan il-​biżaʼ jistaʼ jsalva l-​ħajja taʼ wliedhom.

3. Jehovah għala u kif iwissina dwar il-​perikli spiritwali?

3 Jehovah huwa konċernat b’mod simili għall-​benesseri tagħna. Bħala Missier li jħobb, hu jgħallimna permezz tal-​Kelma u l-​organizzazzjoni tiegħu għall-​ġid tagħna stess. (Isaija 48:17) Parti minn dan il-​programm taʼ tagħlim divin tinvolvi li jwissina “taʼ sikwit” dwar in-​nases spiritwali sabiex inkunu nistgħu niżviluppaw biżaʼ bnin minn dan il-​periklu. (2 Kronaki 36:15; 2 Pietru 3:1) Matul l-​istorja tal-​bniedem setgħu jiġu evitati ħafna diżastri spiritwali u tiġi skansata ħafna sofferenza ‘kieku n-​nies żviluppaw lil qalbhom biex tibżaʼ minn Alla u tħares il-​kmandamenti tiegħu.’ (Dewteronomju 5:​29, NW) F’dan iż-​“żmien iebes,” kif nistgħu niżviluppaw lil qalbna biex tibżaʼ minn Alla u tevita l-​periklu spiritwali?—2 Timotju 3:1.

Aħrab il-​Ħażen

4. (a) Il-Kristjani liema mibegħda għandhom jikkultivaw? (b) Jehovah kif iħossu dwar il-​kondotta midinba? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

4 Il-​Bibbja tispjega li “l-​biżaʼ tal-​Mulej jobgħod il-​ħażen.” (Proverbji 8:13) Dizzjunarju Bibliku jiddeskrivi din il-​mibegħda bħala “attitudni emozzjonali lejn persuni u affarijiet li huma opponuti, mistkerrhin, disprezzati u li magħhom wieħed ikun jixtieq li ma jkollu ebda kuntatt jew relazzjoni.” Għalhekk, il-​biżaʼ minn Alla jinkludi mibegħda jew stmerrija ġewwinija għal dak kollu li hu ħażin f’għajnejn Jehovah.b (Salm 97:10) Dan iġagħalna naħarbu l-​ħażen, sewwa sew bħalma kieku nitbiegħdu minn tarf taʼ xi rdum meta niġu allarmati mill-​biżaʼ istintiv tagħna. “Bil-​biżaʼ tal-​Mulej taħrab il-​ħażen,” tgħid il-​Bibbja.—Proverbji 16:6.

5. (a) Kif nistgħu nsaħħu l-​biżaʼ tagħna minn Alla u l-​mibegħda tagħna lejn dak li hu ħażin? (b) L-​istorja tal-​ġens taʼ Iżrael x’tgħallimna f’dan ir-​rigward?

5 Nistgħu nsaħħu dawn il-​biżaʼ u l-​mibegħda bnien għal dak li hu ħażin billi nikkunsidraw il-​konsegwenzi taʼ ħsara li jġib miegħu d-​dnub b’mod inevitabbli. Il-​Bibbja tassigurana li se naħsdu dak li niżirgħu—kemm jekk niżirgħu skond il-​laħam u kemm skond l-​ispirtu. (Galatin 6:​7, 8) Għal din ir-​raġuni Jehovah iddeskriva b’mod ċar ir-​riżultati inevitabbli li jseħħu meta wieħed jinjora l-​kmandamenti tiegħu u jabbanduna l-​qima vera. Mingħajr il-​protezzjoni divina, il-​ġens żgħir u dgħajjef taʼ Iżrael kien se jkun bla saħħa kontra l-​pajjiżi ġirien krudili u potenti tiegħu. (Dewteronomju 28:​15, 45-48) Ir-​riżultat traġiku tad-​diżubbidjenza taʼ Iżrael kien imniżżel bid-​dettall fil-​Bibbja “bi twiddiba” sabiex inkunu nistgħu nitgħallmu l-​lezzjoni u nikkultivaw il-​biżaʼ minn Alla.—1 Korintin 10:11.

6. Liema huma xi eżempji Skritturali li nistgħu nikkunsidraw biex nitgħallmu l-​biżaʼ minn Alla? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

6 Minbarra dak li ġara lill-​ġens taʼ Iżrael in ġenerali, il-​Bibbja fiha esperjenzi li ġraw veru taʼ individwi li ċedew għall-​għira, l-​immoralità, ir-​regħba, jew il-​kburija.c Xi wħud minn dawn kienu qdew lil Jehovah għal bosta snin, imma f’mument kruċjali taʼ ħajjithom, il-​biżaʼ tagħhom minn Alla ma kienx b’saħħtu biżżejjed, u għalhekk ħasdu konsegwenzi koroh. Li nimmeditaw fuq dawn l-​eżempji Skritturali jistaʼ jsaħħilna d-​determinazzjoni tagħna biex ma nagħmlux żbalji simili. Kemm ikun taʼ sogħba li noqogħdu nistennew li jkollna xi traġedja persunali qabel ma ndaħħlu f’qalbna l-​pariri t’Alla! Kuntrarju għal dak li jemmnu ħafna nies, l-​esperjenza—speċjalment dik li tiġi meta nċedu għall-​ħażen—m’hijiex l-​aqwa għalliema.—Salm 19:8 (19:​7, NW).

7. Jehovah lil min jistieden fit-​tinda figurattiva tiegħu?

7 Raġuni qawwija oħra biex nikkultivaw il-​biżaʼ minn Alla hija x-​xewqa tagħna li nħarsu r-​relazzjoni li għandna miegħu. Aħna nibżgħu li ma nogħġbux lil Jehovah għaliex ngħożżu l-​ħbiberija tiegħu. Alla lil min iqis bħala ħabib, xi ħadd li jkun lest li jistiednu fit-​tinda figurattiva tiegħu? Dak biss li “jgħix bla ħtija u jagħmel it-​tajjeb.” (Salm 15:​1, 2) Jekk napprezzaw din ir-​relazzjoni privileġġata li għandna mal-​Ħallieq tagħna, se noqogħdu attenti li ngħixu bla ħtija f’għajnejh.

8. Xi Iżraelin fi żmien Malakija kif m’apprezzawhiex il-​ħbiberija li kellhom m’Alla?

8 B’sogħba, xi Iżraelin fi żmien Malakija m’apprezzawhiex il-​ħbiberija li kellhom m’Alla. Minflok ma beżgħu minn Jehovah u onorawh, huma offrew annimali morda u magħtubin fuq l-​artal tiegħu. In-​nuqqas taʼ biżaʼ tagħhom minn Alla kien rifless ukoll fl-​attitudni tagħhom lejn iż-​żwieġ. Sabiex jiżżewġu lil nisa iżgħar, huma kienu jiddivorzjaw lin-​nisa taʼ żgħożithom għal kull ħaġa taʼ xejn. Malakija qalilhom li Jehovah jobogħdu “d-​divorzju” u li l-​ispirtu qarrieqi tagħhom kien begħedhom minn Alla tagħhom. Kif setaʼ Alla jħares b’mod favorevoli lejn is-​sagrifiċċji tagħhom meta l-​artal kien miksi b’mod figurattiv bid-​dmugħ—id-​dmugħ taʼ niket kbir imxerred min-​nisa abbandunati tagħhom? Dan id-​diżrispett sfaċċat lejn il-​livelli tiegħu qanqal lil Jehovah biex jistaqsi: “Fejn hu l-​biżaʼ minni?”—Malakija 1:​6-8; 2:​13-16.

9, 10. Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-​ħbiberija taʼ Jehovah?

9 Illum, Jehovah bl-​istess mod jara l-​qalb maqsuma taʼ ħafna mseħbin u tfal innoċenti li ġew imħarbtin minn irġiel u missirijiet jew saħansitra nisa u ommijiet egoisti u immorali. Żgur li jnikktu dan. Min hu ħabib t’Alla jara l-​affarijiet kif jarahom Alla u jaħdem iebes biex isaħħaħ iż-​żwieġ tiegħu, jiċħad il-​ħsieb dinji li jċekken l-​importanza tar-​rabta taż-​żwieġ, u ‘jaħrab iż-​żína.’—1 Korintin 6:18.

10 Fiż-​żwieġ, kif ukoll f’aspetti oħrajn taʼ ħajjitna, il-​mibegħda għal dak kollu li hu ħażin f’għajnejn Jehovah, flimkien m’apprezzament profond għall-​ħbiberija tiegħu, se jġibu l-​favur u l-​approvazzjoni taʼ Jehovah. L-​appostlu Pietru qal bla tlaqliq: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-​biżaʼ tiegħu u jagħmel is-​sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:​34, 35) Għandna ħafna eżempji Skritturali li juru kif il-​biżaʼ minn Alla qanqal lil individwi biex jagħmlu dak li kien sewwa f’diversi ċirkustanzi taʼ prova.

Tliet Individwi li Beżgħu minn Alla

11. Abraham f’liema ċirkustanzi ġie dikjarat li ‘jibżaʼ minn Alla’?

11 Fil-​Bibbja hemm bniedem li ġie deskritt personalment minn Jehovah bħala l-​ħabib tiegħu—il-​patrijarka Abraham. (Isaija 41:8) Il-​biżaʼ t’Abraham minn Alla ġie testjat meta Alla talbu joffri bħala sagrifiċċju lill-​iben waħdieni tiegħu, Iżakk, li permezz tiegħu Alla kien se jwettaq il-​wegħda tiegħu li n-​nisel t’Abraham kien se jsir ġens kbir. (Ġenesi 12:​2-4a [12:​2, 3, NW]; 17:19) Kien il-​“ħabib taʼ Alla” se jgħaddi minn din il-​prova taʼ wġigħ? (Ġakbu 2:23) Malli Abraham għolla s-​sikkina biex joqtol lil Iżakk, l-​anġlu taʼ Jehovah qallu: “La tmiddx idek fuq iż-​żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibżaʼ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-​waħdieni.”—Ġenesi 22:​10-12.

12. X’kien li qanqal il-​biżaʼ t’Abraham minn Alla, u kif nistgħu nuru spirtu simili?

12 Għalkemm Abraham kien diġà wera li kien jibżaʼ minn Jehovah, f’din l-​okkażjoni wera l-​biżaʼ tiegħu minn Alla b’mod superlattiv. Il-​fatt li kien lest li jissagrifika lil Iżakk kien ferm iktar minn turija t’ubbidjenza b’rispett. Abraham kien imqanqal minn fiduċja assoluta li Missieru tas-​sema kien se jwettaq il-​wegħda Tiegħu billi jirxoxta lil Iżakk jekk ikun hemm bżonn. Bħalma kiteb Pawlu, Abraham “żamm bis-​sħiħ li min kien għamillu l-​wegħda kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu.” (Rumani 4:​16-21) Lesti aħna li nagħmlu r-​rieda t’Alla saħansitra meta dan ikun jirrikjedi sagrifiċċji kbar? Għandna aħna fiduċja sħiħa li din l-​ubbidjenza se ġġib benefiċċji dejjiema, billi nafu li Jehovah se “jagħti l-​ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh” bil-​ħerqa? (Lhud 11:6) Dan hu l-​biżaʼ veru minn Alla.—Salm 115:11.

13. Ġużeppi għala setaʼ bix-​xieraq jiddeskrivi lilu nnifsu bħala raġel li kien ‘jibżaʼ minn Alla’ veru?

13 Ejja neżaminaw eżempju ieħor taʼ biżaʼ minn Alla fl-​azzjoni—dak taʼ Ġużeppi. Peress li kien ilsir fid-​dar taʼ Potifar, Ġużeppi kuljum kien jiġi sforzat biex jikkommetti l-​adulterju. Milli jidher ma kien hemm ebda mod kif setaʼ jevita l-​kuntatt mal-​mara taʼ sidu, li b’mod persistenti kienet tħajru biex ikollu x’jaqsam magħha. Fl-​aħħar, meta hi “qabditu minn ħwejġu,” hu “ħarab u ħareġ ’il barra.” X’kien li ġagħlu jitbiegħed mill-​ħażen immedjatament? Bla dubju, il-​fattur prinċipali kien il-​biżaʼ minn Alla, ix-​xewqa li ma jagħmilx ‘dan il-​ħażen hekk kbir u jidneb kontra Alla.’ (Ġenesi 39:​7-12) Ġużeppi setaʼ bix-​xieraq jiddeskrivi lilu nnifsu bħala raġel li kien ‘jibżaʼ minn Alla’ veru.—Ġenesi 42:18.

14. Il-​ħniena taʼ Ġużeppi kif irriflettiet il-​biżaʼ veru minn Alla?

14 Snin wara, Ġużeppi ġie wiċċ imbwiċċ maʼ ħutu, li bla qalb kienu bigħuh fil-​jasar. Hu setaʼ faċilment uża l-​ħtieġa ddisprata li kellhom għall-​ikel bħala opportunità biex ipattilhom tal-​ħażen li kienu għamlulu. Imma li tittratta lin-​nies bil-​ħruxija ma jirriflettix il-​biżaʼ minn Alla. (Levitiku 25:43) B’hekk, meta kellu prova biżżejjed li ħutu kienu nbidlu f’qalbhom, Ġużeppi wera ħniena magħhom u ħafrilhom. Bħal Ġużeppi, il-​biżaʼ tagħna minn Alla se jqanqalna biex nirbħu l-​ħażen bit-​tajjeb, kif ukoll iżommna lura milli naqgħu fit-​tentazzjoni.—Ġenesi 45:​1-11; Salm 130:​3, 4; Rumani 12:​17-21.

15. Il-​kondotta taʼ Ġob għala kienet ferrħet qalb Jehovah?

15 Ġob ukoll spikka bħala eżempju taʼ wieħed li kien jibżaʼ minn Alla. Jehovah qal lix-​Xitan: “Il-​qaddej tiegħi Ġob ħsibt fih? Ma hawnx ieħor bħalu fid-​dinja, raġel perfett [“bla ħtija,” NW] u tajjeb, jibżaʼ minn Alla u mbiegħed mill-​ħażen.” (Ġob 1:8) Għal bosta snin, il-​kondotta bla ħtija taʼ Ġob kienet ferrħet qalb Missieru tas-​sema. Ġob kien jibżaʼ minn Alla għaliex kien jaf li hekk kien xieraq li jagħmel u li dan kien l-​aqwa mod taʼ ħajja. “Ara, li tibżaʼ mill-​Mulej hu l-​għerf,” esklama Ġob, “li titbiegħed mill-​ħażen, l-​għaqal.” (Ġob 28:28) Peress li kien miżżewweġ, Ġob ma kienx jagħti attenzjoni mhix xierqa lil nisa żgħażagħ, lanqas ma kien iħalli l-​adulterju jbejjet f’qalbu. Għalkemm kien sinjur, hu ma kienx ipoġġi l-​fiduċja tiegħu fl-​għana, u kien jaħrab kull tip taʼ idolatrija.—Ġob 31:​1, 9-11, 24-28.

16. (a) Ġob b’liema modi wera qalb tajba bl-​imħabba? (b) Ġob kif wera li ma żammx lura l-​maħfra?

16 Madankollu, il-​biżaʼ minn Alla jfisser li wieħed jagħmel dak li hu tajjeb kif ukoll li jitbiegħed minn dak li hu ħażin. B’hekk, Ġob wera interess ġenwin fl-​għomja, fil-​magħtubin, u fil-​foqra. (Levitiku 19:14; Ġob 29:​15, 16) Ġob fehem li min “iżomm lura l-​qalb tajba bl-​imħabba minn sieħbu stess, hu se jitlaq ukoll saħansitra l-​biżaʼ minn Dak li Jistaʼ Kollox.” (Ġob 6:​14, NW) Il-​fatt li żżomm lura l-​qalb tajba bl-​imħabba jistaʼ jinkludi li żżomm lura l-​maħfra jew li żżomm f’qalbek. Taħt id-​direzzjoni t’Alla, Ġob talab għan-​nom tat-​tliet imseħbin tiegħu, li tant kienu nikktuh. (Ġob 42:​7-10) Nistgħu aħna nuru spirtu taʼ maħfra simili lejn sieħeb taʼ l-​istess twemmin li forsi jkun weġġagħna b’xi mod? Talba sinċiera għan-​nom taʼ dak li jkun offendiena tistaʼ sservi ħafna biex tgħinna ma nżommux f’qalbna. Il-​barkiet li gawda Ġob bħala riżultat tal-​biżaʼ tiegħu minn Alla jagħtuna dehra bil-​quddiem tal-​‘kobor tal-​ġid li l-​Mulej refaʼ għal min jibżaʼ minnu.’—Salm 31:20 (31:​19, NW); Ġakbu 5:11.

Biżaʼ minn Alla Mqabbel mal-​Biżaʼ mill-​Bniedem

17. X’jistaʼ jagħmlilna l-​biżaʼ mill-​bnedmin, imma min għandu dan il-​biżaʼ għala ma jarax fil-​bogħod?

17 Waqt li l-​biżaʼ minn Alla jistaʼ jġagħalna nagħmlu dak li hu sewwa, il-​biżaʼ mill-​bniedem jistaʼ jdgħajfilna l-​fidi. Għal din ir-​raġuni, meta kien qed jinkuraġġixxi lill-​appostli biex ikunu predikaturi żelużi taʼ l-​aħbar tajba, Ġesù qalilhom: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-​ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-​ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jistaʼ jeqred kemm ir-​ruħ u kemm il-​ġisem [“f’Geħenna,” NW].” (Mattew 10:28) Min jibżaʼ mill-​bnedmin ma jarax fil-​bogħod, spjega Ġesù, għax il-​bnedmin ma jistgħux jeqirdulna l-​prospetti tagħna għall-​ħajja fil-​futur. Barra minn hekk, aħna nibżgħu minn Alla għaliex nirrikonoxxu l-​qawwa taʼ l-​għaġeb tiegħu, li meta titqabbel magħha, is-​setgħa tal-​ġnus kollha ssir insinifikanti. (Isaija 40:15) Bħal Abraham, aħna għandna fiduċja assoluta fil-​qawwa taʼ Jehovah li jirxoxta lill-​qaddejja leali Tiegħu. (Apokalissi 2:10) B’hekk, aħna ngħidu bil-​fiduċja: “Jekk Alla hu magħna min jistaʼ jkun kontra tagħna?”—Rumani 8:31.

18. Jehovah b’liema mod jippremjahom lil dawk li jibżgħu minnu?

18 Kemm jekk dak li jopponina jkun membru tal-​familja u kemm jekk ikun xi bùli fil-​bitħa taʼ l-​iskola, aħna se nsibu li “tama qawwija jkollu min għandu l-​biżaʼ tal-​Mulej.” (Proverbji 14:26) Nistgħu nitolbu lil Alla biex jagħtina s-​saħħa, għax nafu li hu se jismagħna. (Salm 145:19) Jehovah qatt ma jinsiehom lil dawk li jibżgħu minnu. Permezz taʼ Malakija l-​profeta tiegħu, hu jassigurana: “Hekk qalu wieħed lil ieħor dawk li jibżgħu mill-​Mulej; u l-​Mulej ta widen u samaʼ; u nkiteb quddiemu ktieb it-​tifkiriet minħabba f’dawk li jibżgħu minnu u dawk li jafdaw f’Ismu.”—Malakija 3:16.

19. Liema tipi taʼ biżaʼ se jintemmu, imma liema wieħed se jibqaʼ għal dejjem?

19 Iż-​żmien huwa qrib meta kulmin jgħix fuq l-​art se jqim lil Jehovah u l-​biżaʼ mill-​bniedem se jgħib. (Isaija 11:9) Il-​biżaʼ mill-​ġuħ, mill-​mard, mill-​kriminalità, u mill-​gwerer se jkun sparixxa wkoll. Imma l-​biżaʼ minn Alla se jibqaʼ għall-​eternità hekk kif il-​qaddejja leali tiegħu fis-​sema u fuq l-​art ikomplu juruh ir-​rispett, l-​ubbidjenza, u l-​unur li jixraqlu. (Apokalissi 15:4) Sadanittant, jalla lkoll kemm aħna ndaħħlu f’qalbna l-​parir ispirat taʼ Salamun: “Tħallix lil qalbek tgħir għall-​midinbin, iżda ibqaʼ kuljum fil-​biżaʼ tal-​Mulej. Għax hemm ħajja għalik għaż-​żmien li ġej, u t-​tama tiegħek ma tkunx fiergħa.”—Proverbji 23:​17, 18.

[Noti taʼ taħt]

a Xi adulti ma jibqgħux jibżgħu mill-​periklu meta x-​xogħol tagħhom iġibhom f’kuntatt regulari maʼ sitwazzjonijiet taʼ periklu. Meta lil raġel tas-​sengħa u taʼ l-​esperjenza saqsewh għala ħafna mastrudaxxi għandhom wieħed mis-​swabaʼ nieqes, hu wieġeb sempliċement: “Ma jibqgħux jibżgħu minn dawn is-​srieraq taʼ l-​elettriku b’veloċità qawwija ferm.”

b Jehovah innifsu jħossha din l-​istmerrija. Per eżempju, Efesin 4:29 jiddeskrivi l-​kliem oxxen bħala ‘kliem mhux xieraq [“imħassar,” NW].’ Il-​kelma Griega użata għal “imħassar” tirreferi letteralment għal frott, ħut, jew laħam li jkun niten. Dan it-​terminu jurina b’mod ċar kemm għandna nitqażżu d-​diskors abbużiv jew oxxen. Bl-​istess mod, l-​idoli spiss jiġu deskritti fl-​Iskrittura bħala “moqżieża” daqs id-​demel. (Dewteronomju 29:16 [29:​17, NW]; Eżekjel 6:9) Il-​mod kif aħna nitqażżu b’mod naturali l-​ħmieġ taʼ l-​annimali jew tal-​bnedmin jgħinna nifhmu l-​istmerrija li jħoss Alla lejn kwalunkwe tip taʼ idolatrija.

c Bħala eżempju, ikkunsidra r-​rakkonti Skritturali taʼ Kajjin (Ġenesi 4:​3-12); David (2 Samwel 11:2–12:14); Geħażi (2 Slaten 5:​20-27); u Għużżija (2 Kronaki 26:​16-21).

X’Tiftakar?

• Kif nitgħallmu nobogħdu dak li hu ħażin?

• Xi Iżraelin fi żmien Malakija kif m’apprezzawhiex il-​ħbiberija taʼ Jehovah?

• X’nistgħu nitgħallmu minn Abraham, Ġużeppi, u Ġob dwar il-​biżaʼ minn Alla?

• Liema biżaʼ se jibqaʼ għal dejjem, u għala?

[Stampa f’paġna 19]

Ġenituri li huma għorrief idaħħlu biżaʼ bnin f’uliedhom

[Stampa f’paġna 20]

Sewwa sew bħalma l-​biżaʼ jbegħedna mill-​periklu, il-​biżaʼ minn Alla jbegħedna minn dak li hu ħażin

[Stampa f’paġna 23]

Ġob żamm il-​biżaʼ tiegħu minn Alla saħansitra meta ħabbat wiċċu maʼ tlett iħbieb foloz

[Sors]

Mit-​traduzzjoni tal-​Bibbja Vulgata Latina, 1795

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja