Kif Nippridkaw f’Territorju taʼ Negozju
1. X’vantaġġi hemm meta tippriedka f’territorju taʼ negozju?
1 Tixtieq tippriedka f’territorju fejn ġeneralment in-nies jilqgħu lill-viżitaturi u fejn tistaʼ ssib lin-nies kważi f’kull bieb li tħabbat? Int tistaʼ tagħmel dan fit-territorju tal-kongregazzjoni tiegħek stess. Kif? Billi żżur il-postijiet tan-negozju li jinsabu hemm. Il-pubblikaturi li jagħtu xiehda minn ħanut għal ieħor ħafna drabi jgawdu riżultati tajbin.
2. L-għoti taʼ xiehda fil-postijiet tan-negozju kif jistaʼ jiġi organizzat?
2 Xi kongregazzjonijiet għandhom territorji taʼ negozju bħala parti mit-territorju tagħhom. Il-ħu li jieħu ħsieb it-territorju jistaʼ jipprepara mapep speċjali taʼ dawn is-sezzjonijiet fejn hemm ħafna postijiet tan-negozju. Kull mappa taʼ territorju fejn joqogħdu n-nies li tinkludi wkoll il-postijiet tan-negozju għandha turi b’mod ċar li dawn m’għandhomx jinħadmu bħala parti mit-territorju fejn joqogħdu n-nies. F’territorji oħrajn, il-postijiet tan-negozju jistgħu jinħadmu hekk kif ikunu qed jinħadmu d-djar. Jekk qatt ma kellek sehem fl-għoti taʼ xiehda fit-territorju tan-negozji, ibda billi tipprova tagħti xiehda fi ħwienet żgħar.
3. X’se jgħinna nkunu effettivi meta nippridkaw minn ħanut għal ieħor?
3 Uża Metodu Sempliċi: Meta tkun qed tagħti xiehda minn ħanut għal ieħor, huwa importanti li tilbes daqslikieku sejjer għal-laqgħa fis-Sala tas-Saltna. Ikun xieraq ukoll li tmur f’ħin meta ma jkunx hemm ħafna nies fil-ħanut. Jekk inhu possibbli, idħol meta tara li m’hemmx klijenti li jkunu qed jistennew biex jinqdew. Staqsi jekk tistax tkellem lill-maniġer jew lill-persuna inkarigata. Tiħux fit-tul u asal għall-punt malajr. X’tistaʼ tgħid?
4-6. X’nistgħu ngħidu meta nkunu qed nagħtu xiehda lil xi sid taʼ ħanut jew maniġer?
4 Meta titkellem maʼ xi sid taʼ ħanut jew maniġer, tistaʼ tgħid xi ħaġa hekk: “Uħud li għandhom negozju tant għandhom skeda mimlija li rari nsibuhom id-dar, u għalhekk ġejna nżuruk fil-post tax-xogħol. Ir-rivisti tagħna jagħtu perspettiva globali tal-ġrajjiet kurrenti.” Imbagħad ippreżenta fil-qosor punt mir-rivista.
5 Jew inkella tistaʼ tuża dan il-metodu sempliċi: “Ħafna nies jixtiequ jkunu jafu iktar dwar il-Bibbja imma ma tantx għandhom ħin. Dan il-fuljett juri li jistaʼ jkollok studju mingħajr ħlas sabiex jgħinek issib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li għandek dwar il-Bibbja.” Imbagħad dawwar l-attenzjoni lejn paġni 4-5 tal-fuljett Tixtieq Tkun Taf Iżjed dwar il-Bibbja?
6 Jekk il-persuna inkarigata tkun tidher li għandha x’tagħmel, int tistaʼ toffrilha fuljett u tgħidilha: “Fil-każ nerġaʼ ngħaddi meta ma jkollokx daqshekk x’tagħmel. Nixtieq inkun naf x’jidhirlek mill-fuljett.”
7. Kif nistgħu nikkultivaw l-interess li nsibu f’xi territorju taʼ negozju?
7 Nikkultivaw l-Interess li Jintwera: Għandek mnejn tkun tistaʼ tikkonduċi studju tal-Bibbja f’territorju taʼ negozju. Pijunier speċjali kien jieħu r-rivisti b’mod regulari lil wieħed negozjant. Meta r-raġel wera li kien qed jinteressa ruħu f’dak li kien qed jaqra, il-pijunier urieh kif isir studju tal-Bibbja billi uża l-browxer X’Jirrikjedi. L-istudju nbeda hemmhekk stess fil-post tax-xogħol taʼ dan ir-raġel. Billi kkunsidra ċ-ċirkustanzi taʼ dan ir-raġel, il-pijunier ma kienx idum iktar minn 10 jew 15-il minuta kull darba li jagħmillu l-istudju. Jalla aħna wkoll inkomplu nfittxu lil dawk l-uħud li jixirqilhom billi nagħtu xiehda f’territorju taʼ negozju.