Tibżax Tagħti Xhieda f’Territorju taʼ Negozju
1. Għala m’għandniex niddispraw jekk nibżgħu nagħtu xhieda f’territorju taʼ negozju?
1 Int tibżaʼ tagħti xhieda f’territorju taʼ negozju? Jekk iva, tiddisprax, għax anki Pawlu, li kien ministru qalbieni u ma jibżaʼ minn xejn, kellu ‘jagħmel il-qalb’ sabiex jagħti xhieda. (1 Tess. 2:2) Hawn taħt hawn xi sfidi komuni flimkien maʼ xi suġġerimenti prattiċi biex inkunu nistgħu negħlbu dawn l-isfidi.
2. Għala m’għandniex ninkwetaw li se ndejqu lill-ħaddiema?
2 Se Ndejjaqhom lill-Ħaddiema Jekk Inwaqqafhom Minn Xogħolhom? F’ħafna ħwienet, il-ħaddiema jkunu hemm biex jgħinu lil kull min jidħol fil-ħanut, u għalhekk jistennew li xi ħadd iwaqqafhom. Ġeneralment, huma jkunu edukati, peress li għandhom mnejn iqisuk bħala klijent tal-futur. Billi tilbes b’mod li jġiblek dinjità u billi tkun dħuli u turi qalb tajba, int se tagħmilhielhom iktar faċli biex jittrattawk b’rispett.
3. Kif nistgħu nevitaw li ndejqu lill-klijenti?
3 Se Jkolli Nagħmel il-Preżentazzjoni Tiegħi Quddiem Ħafna Klijenti? Jekk inhu possibbli, agħżel ħin meta fil-ħanut ma jkunx hemm ħafna nies, bħal pereżempju xħin ikun għadu kif fetaħ. Stenna sakemm il-maniġer jew il-kaxxier ikun waħdu qabel ma tmur tkellmu. Agħmel preżentazzjoni qasira ħafna.
4. X’nistgħu ngħidu meta nkunu qed naħdmu territorju taʼ negozju?
4 X’Għandi Ngħid? Jekk hemm bosta ħaddiema, tkellem mal-persuna inkarigata. Tistaʼ tgħid: “Huwa diffiċli li ssib nies bħalek id-dar peress li taħdem, u għalhekk qed inżuruk fil-post tax-xogħol. Naf li għandek x’tagħmel, u għalhekk mhux se ndewmek.” Sabiex ma jaħsbuniex uħud li rridu nbigħu xi ħaġa, normalment ikun aħjar li ma nsemmux l-arranġament tad-donazzjoni sakemm ma jistaqsuniex kif inhu appoġġat xogħolna. Skont it-tip taʼ negozju, tistaʼ tistaqsi lill-maniġer għal permess biex tkellem fil-qosor lill-ħaddiema. Irripetilhom il-preżentazzjoni tiegħek. Jekk xi ħaddiem ikun jidher li għandu x’jagħmel, qassar il-preżentazzjoni tiegħek u ħallilu fuljett. Jekk ma jkunx possibbli titkellem mal-ħaddiema, forsi jkun possibbli li tħalli xi letteratura fil-kamra fejn jieħdu l-brejk jew f’xi post ieħor li jużaw il-ħaddiema.
5. Liema raġunijiet għandna biex ma nibżgħux nieħdu sehem f’li nagħtu xhieda f’territorju taʼ negozju?
5 Ġesù u Pawlu ma beżgħux jippritkaw lin-nies fil-post tan-negozju. Int tistaʼ tagħmel l-istess. (Mt. 4:18-21; 9:9; Atti 17:17) Itlob lil Ġeħova jgħinek biex ikollok qalb kalma u biex tkun qalbieni. (Atti 4:29) Fit-territorju taʼ negozju ma tantx issib nies li mhumiex id-dar, għalhekk għala ma tipprovax tieħu sehem f’dan il-qasam effettiv taʼ ppritkar?