Infittxu lil Min Jixraqlu
1 L-istruzzjonijiet li ta Ġesù biex inwettqu x-xogħol taʼ l-ippridkar tagħna jistgħu jkunu taʼ sfida. Hu qal: “Fil-belt jew raħal fejn tidħlu, araw ikunx hemm min jixraqlu tmorru għandu, u ibqgħu f’daru sa ma titilqu minn hemm.” (Mt. 10:11) Fiż-żmien taʼ llum, meta n-nies iqattgħu inqas u inqas ħin id-dar, kif nistgħu nfittxuhom b’mod effettiv lil dawn l-uħud?
2 Analizza t-Territorju Tiegħek: Ibda billi tanalizza t-territorju tiegħek. F’liema ħin l-iktar li jkunu d-dar in-nies? Fejn tistaʼ ssibhom matul il-ġurnata? Hemm xi ġurnata jew ħin partikulari fejn ikunu iktar lesti li jisimgħuk meta żżurhom? Billi taddatta l-ministeru tiegħek għar-rutina u ċ-ċirkustanzi tan-nies fit-territorju lokali tiegħek tiġi megħjun biex ikollok l-aħjar riżultati.—1 Kor. 9:23, 26.
3 Ħafna pubblikaturi rnexxielhom isibu n-nies id-dar fis-sigħat bikrin taʼ fil-għaxija. Xi inkwilini jkunu iktar rilassati u lesti li jisimgħu matul dak il-ħin. Meta s-sigħat taʼ dawl ikunu iqsar fix-xitwa, l-għoti taʼ xiehda bit-telefon (fejn jistaʼ jsir) fil-għaxija jistaʼ jkun effettiv. L-għoti taʼ xiehda f’territorju tan-negozju u l-għoti taʼ xiehda f’postijiet pubbliċi huma wkoll modi kif tistaʼ tilħaq lin-nies bl-aħbar tajba.
4 Waqt xahar t’attività speċjali, kongregazzjoni waħda għamlet arranġament għal għoti taʼ xiehda tard wara nofs inhar kull nhar taʼ Sibt u Ħadd, u l-għoti taʼ xiehda fil-għaxija kull nhar t’Erbgħa u Ġimgħa. Organizzat ukoll l-għoti taʼ xiehda bit-telefon u għamlet arranġament biex taħdem it-territorju tan-negozju. Dawn l-arranġamenti tant qajmu entużjażmu għall-ministeru li l-kongregazzjoni ddeċidiet li tkompli b’dawn l-arranġamenti.
5 Kun Ħabrieki biex Tagħmel iż-Żjajjar Lura: Jekk huwa taʼ sfida li ssib in-nies id-dar meta tagħmel iż-żjajjar lura fit-territorju tiegħek, ipprova agħmel arranġament speċifiku fit-tmiem taʼ kull żjara, inkluż l-ewwel waħda, biex terġaʼ tmur għand l-inkwilin. Imbagħad, kun ċert li żżomm l-appuntament. (Mt. 5:37) Jekk ikun xieraq, tistaʼ tistaqsi għan-numru tat-telefon taʼ l-inkwilin. Dan jistaʼ jgħinek ukoll biex terġaʼ tagħmel kuntatt mal-persuna.
6 L-isforzi ħabrieka tagħna biex infittxu lil min jixraqlu u nikkultivaw l-interess li nsibu, żgur li se jġibu barka mingħand Jehovah.—Prov. 21:5.