Għoti taʼ Xiehda bit-Telefon li Jagħti Riżultati Tajbin
1 L-objettiv tagħna bħala Xhieda taʼ Jehovah m’huwiex sempliċement li nieħdu sehem fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba, imma wkoll li nilħqu kemm jistaʼ jkun lil kulħadd bil-messaġġ tas-Saltna. (Atti 10:42; 20:24) Waqt li l-għoti taʼ xiehda minn dar għal dar jibqaʼ l-mod prinċipali biex nilħqu lin-nies, aħna nirrealizzaw li lanqas b’dan il-metodu organizzat ma nikkuntattjaw lil kulħadd. Mela biex ‘naqdu sewwa l-ministeru tagħna,’ qed nużaw metodi oħra—inkluż l-għoti taʼ xiehda bit-telefon—biex insibu lill-uħud bħal nagħaġ.—2 Tim. 4:5.
2 F’ħafna pajjiżi, in-nies jgħixu f’appartamenti b’sigurtà sofistikata, f’kumplessi fejn jgħixu ħafna familji, jew f’komunitajiet li jkunu mdawrin b’kanċelli tas-sigurtà, fejn ikun diffiċli li jintlaħqu bil-metodu tas-soltu minn bieb għal bieb. Anki f’territorji fejn nistgħu naħdmu minn dar għal dar, ħafna nies ma jkunux id-dar. Madankollu, ħafna pubblikaturi qed ikollhom riżultati tajbin f’li jilħqu lil dawn ir-residenti permezz tat-telefon. Għodwa waħda waqt l-għoti taʼ xiehda minn dar għal dar, koppja miżżewġa sabet disat idjar fejn ma kien hemm ħadd. Wara li marru lura lejn is-Sala tas-Saltna, huma fittxew għal min joqgħod hemm permezz taʼ direttorju li jagħti n-numri tat-telefon skond l-indirizzi. Ċemplulhom u sabu tmienja mill-inkwilini d-dar!
3 Issibha diffiċli biex tinkludi l-għoti taʼ xiehda bit-telefon fil-ministeru tiegħek? Wieħed ħu jammetti: “Ma niħux pjaċir min joqgħod iċempilli d-dar biex ibegħli xi ħaġa, u għalhekk għandi ċertu preġudizzju kontra dan il-metodu taʼ għoti taʼ xiehda.” Madankollu, wara li għamel sempliċement żewġ telefonati, hu qal: “Kemm nieħu pjaċir! Qatt ma immaġinajt li se nagħmel dan, imma vera nieħu pjaċir! In-nies ikunu rilassati fuq it-telefon, u kulma se tuża jkun quddiemek. Huwa veru effettiv!” Kien hemm oħt li kellha l-istess reazzjoni: “L-għoti taʼ xiehda bit-telefon ma tantx kien jolqotni. Biex ngħid il-verità, ma ridtx nagħmlu. Imma pprovajtu u sibt li jagħti ħafna frott. Għandi 37 żjara lura permezz taʼ l-għoti taʼ xiehda bit-telefon u iktar studji milli nistaʼ llaħħaq magħhom!” Jekk int lest li tipprova l-għoti taʼ xiehda bit-telefon, int ukoll jistaʼ jkollok riżultati tajbin.
4 Kif Torganizza l-Għoti taʼ Xiehda bit-Telefon: L-attività taʼ l-għoti taʼ xiehda tal-kongregazzjoni taqaʼ taħt ir-responsabbiltà taʼ l-indokratur tas-servizz. Skond il-bżonn, il-ġemgħa taʼ l-anzjani tistaʼ tagħżel li taħtar anzjan ieħor jew qaddej ministerjali kwalifikat biex jaħdem mill-qrib miegħu sabiex jgħinu jorganizza l-għoti taʼ xiehda bit-telefon. Il-ħu li jieħu ħsieb it-territorji wkoll irid ikun involut, ladarba hu jassenja t-territorji u jżomm rekord aġġornat. L-indokratur tas-circuit ukoll se jkun interessat dwar kif dan l-arranġament sejjer.
5 Jekk hemm xi nħawi fit-territorju tiegħek li ma jistgħux jintlaħqu permezz taʼ l-għoti taʼ xiehda minn bieb għal bieb, għandhom jiġu preparati t-territorji bit-telefon. Il-ħu inkarigat irid jieħu ħsieb li jagħmel bir-reqqa lista taʼ l-indirizzi li jridu jaqgħu taħt dawn it-territorji. Dawn l-istess territorji għandhom jinżammu daqsxejn żgħar sabiex ikunu jistgħu jinħadmu regolarment. Il-mapep kollha tat-territorju li fihom dawn l-inħawi għandhom jiġu mmarkati b’nota li s-sezzjoni speċifika tħalliet għall-għoti taʼ xiehda bit-telefon.
6 L-anzjani jistgħu jinteressaw ruħhom b’mod attiv f’dan ix-xogħol billi jagħmlu arranġament biex dawk li għandhom l-esperjenza fl-għoti taʼ xiehda bit-telefon iħarrġu lil oħrajn, forsi permezz tal-programm Pijunieri Jgħinu lil Oħrajn. Kull tant żmien, il-parti li ssir għall-bżonnijiet lokali fil-Laqgħa tas-Servizz għandha tingħata biex tkabbar il-valur tar-riżultati tajbin taʼ dan l-aspett taʼ l-għoti taʼ xiehda.
7 Meta l-anzjani jagħmlu ż-żjajjar pastorali lil dawk li jridu joqogħdu ġewwa minħabba xi diżabilità jew dawk li għandhom nuqqas taʼ saħħa, jistgħu jkunu lesti li jinkuraġġuhom biex jipparteċipaw fl-għoti taʼ xiehda bit-telefon. Forsi anzjan jistaʼ jagħmel ftit telefonati waqt li l-pubblikatur ikun qed josservah. Imbagħad, il-pubblikatur jistaʼ jieħu l-opportunità li jagħmel telefonata hu stess. Ħafna li bdew b’dan il-mod saru jqattgħu ftit minuti kuljum f’dan ix-xogħol, u tassew jogħġobhom.
8 Suġġerimenti biex Ikollok Riżultati Tajbin: Meta Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu jippridkaw, “bagħathom tnejn tnejn.” (Lq. 10:1) Għala? Għax kien jaf li jekk jaħdmu flimkien se jitgħallmu minn xulxin u jinkuraġġixxu wieħed lill-ieħor. L-istess japplika għall-għoti taʼ xiehda bit-telefon. Billi tissieħbu flimkien, tistgħu titgħallmu minn xulxin, tiddiskutu r-riżultati li jkollkom, u toffru xi suġġerimenti għall-konversazzjoni li jkun imiss. Anki waqt it-telefonata, tistgħu tgħinu lil xulxin biex issibu l-informazzjoni xierqa.
9 Sabiex tkun tistaʼ taħseb u tikkonċentra sew, oqgħod bil-qegħda fejn quddiemek jistaʼ jkollok l-għodda biex tagħti xiehda—il-Bibbja, il-ktieb Reasoning u l-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja, il-browxer X’Jirrikjedi, ir-rivisti, u affarijiet bħal dawn. Ikteb xi preżentazzjonijiet, u ħallihom fejn tarahom. Kun preparat li żżomm rekords eżatti u sħaħ, inkluż id-data u l-ħin tal-ġurnata biex tkun taf meta għandek terġaʼ tikkuntattja lill-individwu jekk juri interess.
10 Taʼ spiss, in-nies joqogħdu attenti meta jisimgħu vuċi mhux familjari fuq it-telefon. Għalhekk kun simpatiku, dħuli, u uża t-tattika. L-inkwilin kulma jismaʼ hi l-vuċi tiegħek biex ikun jistaʼ jiddetermina x’inhu l-karattru tiegħek u kemm int sinċier. Kun rilassat u tkellem minn qalbek. Tkellem bil-mod u ċar u b’volum li tinstemaʼ sew. Agħti lill-inkwilin l-opportunità li jitkellem. Agħti l-isem sħiħ tiegħek, u għid fejn toqgħod. Ma rridux inġagħlu lin-nies jaħsbu li aħna wħud li nbigħu l-oġġetti permezz tat-telefon. Minflok ma toqgħod tgħid lill-inkwilin li qed iċċempel lir-residenti kollha f’dak il-bini jew kumpless partikulari, it-telefonata agħmilha għalih persunali.
11 Il-Preżentazzjonijiet bit-Telefon: Ħafna mill-introduzzjonijiet f’paġni 2-7 tal-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja jistgħu jkunu addattati għall-għoti taʼ xiehda bit-telefon. Int tistaʼ tgħid: “Qed inċempillek għax ma nistax niġi narak personalment. L-iskop tat-telefonata tiegħi hu biex nistaqsi x’inhi l-opinjoni tiegħek fuq mistoqsija verament importanti.” Imbagħad staqsi l-mistoqsija.
12 L-ewwel preżentazzjoni taħt it-titlu “Kriminalità/Sigurezza” tistaʼ tintuża b’dan il-mod: “Hello. Jien jisimni ․․․․․․․․. Noqgħod f’dawn l-inħawi. Nixtieq nagħmilha ċara li jien mhux qed inbigħ xi ħaġa jew qed nagħmel xi stħarriġ. Qed inċempel għax interessata dwar il-kwistjoni taʼ sigurezza persunali. Madwarna hawn ħafna kriminalità, u din teffettwa lil ħajjitna. Taħseb li għad jiġi żmien meta n-nies kollha jkunu jistgħu jimxu fit-triq fil-għaxija u jħossuhom fiż-żgur? [Agħti ċans għal tweġiba.] Ħa naqralek Alla x’wiegħed li jagħmel.”
13 Kien hemm riżultati tajbin meta ġew offruti direttament studji tal-Bibbja fuq it-telefon. L-istudju jistaʼ jintwera fi ftit minuti. Offri li tmur iżżur lill-individwu d-dar tiegħu biex tkomplu l-istudju, jew jekk il-persuna ma tkunx tixtieq dan, offri li tkompli l-istudju bit-telefon f’ġurnata oħra.
14 Meta tispiċċa l-konversazzjoni, żomm xi ħaġa milli għedtu f’moħħok li se tgħinek biex tmur iżżur lill-individwu f’daru jew li tibgħatlu xi letteratura. Jekk hu jżomm lura milli jagħtik l-indirizz tiegħu, offri li terġaʼ ċċempel. Jistaʼ jirrikjedi diversi telefonati qabel ma jibda jħossu komdu biżżejjed biex jistiednek f’daru.
15 Kif Tieħu l-Inizjattiva: Oħt taʼ 15-il sena bdiet is-servizz tagħha taʼ fil-għodu b’telefonata. Tkellmet maʼ mara li aċċettat il-ktieb Għarfien. Meta l-oħt marret tagħtiha l-ktieb, il-mara riedet tkun taf kif din l-oħt kisbet in-numru tat-telefon tagħha, peress li ma kienx imniżżel fid-direttorju. L-oħt qaltilha li kienet ċemplitu bi żball! Il-mara aċċettat studju tal-Bibbja u issa hi pubblikatriċi mhux mgħammda.
16 Waħda oħt ħadet territorju taʼ l-għoti taʼ xiehda bit-telefon, imma minħabba li bdiet tibżaʼ, damet tliet ġimgħat biex tibdieh. X’kien li għenha tikseb il-kuraġġ biex tibda? Hi ftakret fl-artiklu taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Jannar, 1997, intitolat “When I Am Weak, Then I Am Powerful.” Kien dwar oħt li tippriedka bit-telefon minkejja l-limitazzjonijiet fiżiċi tagħha. L-oħt qalet: “Jien tlabt lil Jehovah biex isaħħaħni. Tlabtu jagħtini l-kliem xieraq biex inkun nistaʼ nagħmel il-preżentazzjoni tiegħi.” X’kien ir-riżultat taʼ l-ewwel ġurnata tagħha bl-għoti taʼ xiehda bit-telefon? Hi tirrapporta: “Jehovah wieġeb it-talb tiegħi. In-nies qagħdu jisimgħuni, u rnexxieli niftiehem għal żjara lura.” Wara ftit taż-żmien, permezz taʼ l-għoti taʼ xiehda bit-telefon irnexxielha tibda studju tal-Bibbja. Hi tikkonkludi: “Għal darb’oħra, Jehovah għallimni nafda fih u mhux fija nnifsi.”—Prov. 3:5.
17 Li l-verità tiġi preżentata permezz tat-telefon sar metodu li jġib riżultati tajbin fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba. Ipprepara sew, u pparteċipa b’qalbek kollha. Taqtax qalbek jekk fl-ewwel telefonati n-nies ma jwiġbux b’mod favorevoli. Itlob għad-direzzjoni taʼ Jehovah, u qabbel in-noti maʼ taʼ dawk li qed jippridkaw b’dan il-mod interessanti. Billi jkollna x-xewqa li nilħqu lil kulħadd fit-territorju tagħna, jalla nwettqu bir-reqqa l-ministeru tagħna b’urġenza.—Rum. 10:13, 14.