Nibdew Studji tal-Bibbja fil-Bieb u bit-Telefon
1, 2. Kif nistgħu nadattaw il-programm tagħna taʼ studju tal-Bibbja biex ngħinu lil nies li għandhom ħafna x’jagħmlu?
1 In-nies illum għandhom ħafna x’jagħmlu. Madankollu, hemm ħafna li huma interessati f’affarijiet spiritwali. Kif nistgħu ngħinuhom jissodisfaw il-bżonn spiritwali tagħhom? (Mt. 5:3) Ħafna pubblikaturi jirnexxilhom jistudjaw il-Bibbja man-nies fil-bieb jew bit-telefon. Tistaʼ tkabbar il-ministeru tiegħek b’dan il-mod?
2 Sabiex nibdew studji tal-Bibbja, irridu nkunu preparati biex kulmeta tiġina l-opportunità nuru kif isir studju tal-Bibbja. Kif nistgħu nagħmluh dan u meta?
3. Għala hu tajjeb li nuru kif isir studju tal-Bibbja fl-ewwel żjara, u dan kif nistgħu nagħmluh?
3 Fil-Bieb: Meta tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li lest li jitkellem dwar il-Bibbja, kulma għandek tagħmel hu li ssib paragrafu li tkun preparajt minn qabel, bħall-ewwel paragrafu taʼ l-ewwel lezzjoni fil-browxer X’Jirrikjedi, u tibda. Aqra l-paragrafu, ikkunsidra l-mistoqsija, u iddiskuti xi skrittura jew tnejn li jkunu msemmijin. Spiss dan jistaʼ jsir fil-bieb u jieħu minn ħames minuti s’għaxra. Jekk l-individwu jieħu pjaċir bid-diskussjoni, ftiehem biex darb’oħra tikkunsidraw il-paragrafu jew tnejn li jkun imiss.—Tistaʼ ssib iktar suġġerimenti, dwar kif tuża l-metodu dirett biex tibda studji, fil-Ministeru tas-Saltna taʼ Jannar 2002, pġ. 6.
4. Kif nistgħu nibdew studju tal-Bibbja fil-bieb meta nagħmlu ż-żjajjar lura?
4 Meta nkunu qed nagħmlu ż-żjajjar lura nistgħu nużaw metodu simili biex nibdew studji tal-Bibbja. Per eżempju, tistaʼ tintroduċi l-browxer X’Jirrikjedi u tiddiskuti l-isem t’Alla, billi tuża t-tieni lezzjoni, paragrafi 1-2. Fiż-żjara taʼ wara, tistaʼ tiddiskuti x’tgħid il-Bibbja dwar il-kwalitajiet taʼ Ġeħova billi tuża paragrafi 3-4. Imbagħad fid-diskussjoni li jkun imiss, tistaʼ tikkunsidra paragrafi 5-6 u l-istampa f’paġna 5 biex tenfasizza kif studju tal-Bibbja jgħinna nsiru nafu lil Ġeħova. Dan kollu jistaʼ jsir waqt li tkun wieqaf fil-bieb.
5, 6. (a) Xi nies għala għandhom mnejn jippreferu jistudjaw il-Bibbja bit-telefon? (b) X’nistgħu ngħidu meta noffru li jsir studju bit-telefon?
5 Bit-Telefon: Xi nies forsi jkunu iktar lesti li jistudjaw il-Bibbja bit-telefon milli wiċċ imbwiċċ. Ikkunsidra l-esperjenza li ġejja: Waqt li kienet qed tippriedka minn dar għal dar, waħda oħt iltaqgħet maʼ mara żagħżugħa bit-tfal li hi mħabbta b’karriera. Meta l-oħt ma rnexxilhiex terġaʼ ssibha d-dar, hi ddeċidiet li ċċemplilha. Il-mara żagħżugħa spjegatilha li tassew ma kellhiex ħin biex tiddiskuti l-Bibbja. L-oħt qaltilha: “F’għaxar minuti jew kwarta, tistaʼ titgħallem xi ħaġa ġdida, anki bit-telefon.” “Ħeqq, jekk bit-telefon, mela orrajt!” wiġbitha l-mara. Fi żmien qasir kien qed isir studju regulari bit-telefon.
6 Hemm xi ħadd minn dawk li żżur li huwa lest li jistudja bit-telefon? Tistaʼ tipprova l-metodu li għadu kif ġie deskritt, jew tistaʼ sempliċement tgħid: “Jekk tippreferi nistgħu niddiskutu l-Bibbja fuq it-telefon. Ikun aħjar għalik dan?” Billi nadattaw il-programm tagħna taʼ studju tal-Bibbja skond iċ-ċirkustanzi t’oħrajn, nistgħu ngħinuhom ‘isibu t-tagħrif t’Alla.’—Prov. 2:5; 1 Kor. 9:23.