Nikkonduċu Studji tal-Bibbja Progressivi fuq l-Għatba u bit-Telefon
1. X’inhu l-iskop tagħna meta nikkonduċu studji tal-Bibbja?
1 Kemm nifirħu meta nibdew studju tal-Bibbja! Madankollu, ikun għadu biss il-bidu meta nsibu lil xi ħadd li jinteressa ruħu biex jistudja l-Bibbja. L-iskop taʼ l-istudju hu li ngħinu lill-persuna ssir dixxiplu ġenwin taʼ Kristu. (Mt. 28:19, 20) X’jistaʼ jgħinna biex nilħqu din il-mira?
2. X’inhuma studji tal-Bibbja fuq l-għatba u permezz tat-telefon, u għala huma effettivi?
2 Nies Imħabbtin: Illum in-nies jinsabu mħabbtin ħafna. F’ċerti postijiet, ftit nies jistgħu jkunu lesti li jwarrbu siegħa sħiħa biex jistudjaw il-Bibbja mill-ewwel. Sabiex ngħinu lil dawn l-uħud, aħna ġejna inkuraġġiti biex nibdew u nikkonduċu studji tal-Bibbja fuq l-għatba jew permezz tat-telefon. Għall-ewwel, dawn l-istudji għandhom mnejn se jkunu relattivament qosra u forsi jiġu kunsidrati biss xi ftit skritturi mill-Bibbja bl-għajnuna taʼ xi paragrafu jew tnejn f’pubblikazzjoni bħall-ktieb X’Tgħallem il-Bibbja? Kemm hu taʼ min ifaħħar lil dawn il-ħafna pubblikaturi li qegħdin jikkonduċu studji bħal dawn fuq l-għatba jew permezz tat-telefon!
3. Għala għandna nagħmlu ħilitna biex inżidu fil-ħin li nqattgħu fi studju fuq l-għatba?
3 Però, għandna aħna nkunu sodisfatti li nkomplu nikkonduċu studju fuq l-għatba għal żmien indefinit? Le. Għalkemm aħna se nużaw l-għaqal biex ma noqogħdux iżżejjed nitkellmu fuq l-għatba meta jinbeda studju, Our Kingdom Ministry taʼ Mejju 1990, f’paġna 8, qal: “Ladarba l-istudju jkun ġie stabbilit u l-interess taʼ l-inkwilin ikun kiber, issa jkun tajjeb li ntawlu ftit il-ħin taʼ l-istudju.” Dan hu vitali. Ħa nġibu eżempju: Għal tifel li jkun bata l-ġuħ ikun tajjeb li għall-ewwel jiġi mitmugħ ammonti żgħar sakemm l-aptit tiegħu jerġaʼ jinfetaħ, iżda ma nistennewx li se jerġaʼ jieħu saħħtu kollha u jikber normali jekk jibqaʼ jieħu dawk l-ammonti żgħar xahar wara xahar. B’mod simili, student tal-Bibbja għandu bżonn studju iktar formali u regulari sabiex jiżviluppa f’qaddej matur t’Alla.—Ebr. 5:13, 14.
4. X’inhuma l-benefiċċji meta jkollok studju tal-Bibbja fid-dar?
4 Studji tal-Bibbja fid-Dar: Ikun aħjar li nikkonduċu studju f’post privat—f’xi dar jew f’xi post ieħor adattat. Dan se jkun iktar ideali biex jitgħallem u se jgħin l-istudent sabiex jifhem aħjar il-Kelma t’Alla. (Mt. 13:23) Se jkun aħjar ukoll għall-għalliem biex ifassal il-materjal taʼ l-istudju għall-bżonnijiet taʼ l-istudent. Iktar minn hekk, li jkollok iktar ħin għall-istudju se jwassal biex ikun hemm konsiderazzjoni tal-Kelma t’Alla iktar bir-reqqa u li ssaħħaħ il-fidi.—Rum. 10:17.
5. Kif nistgħu nagħmlu l-bidla minn studju fuq l-għatba għal studju fid-dar?
5 Kif tistaʼ tagħmel il-bidla minn studju fuq l-għatba għal studju fid-dar? Wara diversi studji qosra, għala ma toffrix sempliċement studju iktar fit-tul billi tispeċifika ħin? Jew inkella tistaʼ tuża mod indirett billi tistaqsi lill-persuna, “Għandek ħin illum biex inpoġġu bil-qiegħda u niddiskutu dan flimkien?” jew “Kemm tixtieq li nwarrbu ħin illum biex niddiskutu dan is-suġġett?” Jekk l-isforzi tiegħek ma jirnexxux, m’għandniex xi ngħidu, kompli bl-istudju qasir fuq l-għatba. Fi żmien xieraq, erġaʼ ipprova biex tkompli l-istudju fid-dar.
6. B’liema objettiv għandna nwettqu l-ministeru tagħna, u kif jistgħu s-suġġerimenti f’dan l-artiklu jgħinuna biex inwettqu dan l-objettiv?
6 Hekk kif inkomplu nfittxu lil dawk li jistħoqqilhom, ħalli ma nitilfux l-iskop li nibdew u nikkonduċu studji tal-Bibbja. L-għan tagħna hu li ngħinu lil dawk taʼ qalb onesta biex isiru qaddejja dedikati u mgħammdin taʼ Ġeħova. Jalla hu jbierek l-isforzi tagħna hekk kif inkomplu nwettqu l-ministeru tagħna b’dan l-objettiv.—2 Tim. 4:5.