Nikkonduċu Studji tal-Bibbja Progressivi
L-Ewwel Parti: X’Inhu Studju tal-Bibbja?
1 Madwar id-dinja, kull xahar in-nies t’Alla qed jikkonduċu madwar sitt miljun studju tal-Bibbja. Billi nużaw metodi effettivi taʼ tagħlim, nistgħu ngħinu lil dawn l-istudenti tal-Bibbja jagħmlu progress li jwassalhom sal-punt tad-dedikazzjoni u l-magħmudija u sabiex isiru “kwalifikati biżżejjed biex jgħallmu lil oħrajn.” (2 Tim. 2:2, New World Translation) Tixtieq tgħin lill-istudenti tiegħek jagħmlu progress bħal dan? B’seħħ minn din il-ħarġa, il-Ministeru tas-Saltna se jibda jkun fih serje t’artikli li se jispjegaw aspetti bażiċi taʼ kif nikkonduċu studji tal-Bibbja progressivi.
2 Meta Għandna Nirrapportaw Studju tal-Bibbja: Jekk ikollok diskussjonijiet regulari u b’mod sistematiku fuq il-Bibbja, anki jekk qosra, u tuża l-Bibbja flimkien mal-pubblikazzjonijiet rikkmandati, int tkun qiegħed tikkonduċi studju tal-Bibbja. Dan japplika wkoll jekk l-istudju tikkonduċih fuq il-bieb jew fuq it-telefon. L-istudju jistaʼ jiġi rapportat meta jkun sar darbtejn wara li tkun urejt lill-inkwilin kif isir studju u jkun jidher li l-istudju se jitkompla.
3 Il-browxer X’Jirrikjedi u lktieb Għarfien huma l-pubblikazzjonijiet li jintużaw sabiex isiru ħafna studji tal-Bibbja. Wara li dawn jitlestew, u jkun evidenti li l-persuna tkun qed tagħmel progress, anki jekk bil-mod, u tkun qed tiżviluppa apprezzament għal dak li tkun qed titgħallem, imbagħad l-istudju jistaʼ jitkompla permezz tal-ktieb Qim lil Alla. Il-browxer Int Tistaʼ Tkun il-Ħabib t’Alla! jistaʼ jintuża biex tistudja maʼ dawk l-uħud li għandhom edukazzjoni limitata jew isibuha diffiċli biex jaqraw.
4 Ix-xogħol taʼ li nagħmlu studji tal-Bibbja kien effettiv ħafna biex jgħin lil miljuni taʼ nies isiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu. (Mt. 28:19, 20) Jekk tapplika s-suġġerimenti li se jkun hemm fl-artikli li se joħorġu f’din is-serje, int tkun tistaʼ tikkonduċi studji tal-Bibbja progressivi.